5.4.11

Pożizzjoni kostruttiva

1.    Il-bieraħ fakkarna għas-sitt darba l-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, li seħħet nhar it-2 ta’ April 2005.  Qisu verament il-bieraħ li rajna dan il-bniedem, tant ċar fl-ideat, fil-viżjoni u fil-missjoni diretta lejn is-sewwa, il-paċi u l-ġustizzja, jitlaq minn din id-dinja lura lejn il-Missier li ħalaqna.  Il-memorja tagħna għadha ħajja, mimlija mhux biss b’immaġini impressjonanti , imma iktar minn hekk bis-sens u s-sustanza li huwa kien kontinwament jgħid.  Kliem Karol Wojtyla miktuba, miġbura u mismugħa jibqgħu xrar li jħajruk taħseb, tirrifletti u tinbidel fil-ħajja tiegħek, speċjalment f’dawn il-jiem tant determinanti fil-futur ta’ pajjiżna, tal-Mediterran u tal-Ewropa.

2.    Dak li kompla jiżviluppa f’din l-aħħar ġimgħa ta’ din il-gwerra ċivili jkompli jissoda diversi punti mil-linja politika li pajjiżna ħa lejn soluzzjonijiet bejn il-partijiet.  Il-konflitt imdemmi qiegħed ma’ kull siegħa jibdel ix-xenarju f’attakki mill-art u ta’ avvanzi u rtirati min-naħa u minn oħra.  Hemm sitwazzjoni ta’ tkissir ferm iktar qawwi fil-pożizzjonijiet ta’ dawk li jappoġġjaw it-tmexxija l-antika u dawk li qegħdin jidħlu għal dik li qed tipprospetta ruħha bħala l-ġdida.  Dawk madwar Tripli qed isibu ruħhom abbandunati minn iktar uffiċjali għolja, minn tnaqqis li gwerra ġġib fl-ikel, fil-kwalità tal-ħajja u qed jinżlu fil-livell ta’ dawk li qed jikkumbattu magħhom.

3.    L-istess dawk madwar Benghazi, li l-mewġa inizjali tagħhom li dehret tant diretta, issa qed narawhom imorru lura, jitolbu aktar “assistenza” militari li fl-aħħar tal-ġurnata twassal għal iktar komplikazzjonijiet.  Iż-żewġ naħat, li bdew b’bilanċ kompletament differenti favur min kellu l-aktar armamenti militari b’saħħithom, qed naraw wara tant ġimgħat li qed jilħqu lil xulxin.  Il-vjolenza ma twassalx lejn soluzzjonijiet, imma lejn aktar diffikultajiet li ser ikunu ferm iktar diffiċli sabiex jiġu solvuti matul is-snin li ġejjin.  Biss, dan l-istrument brutali, li l-bnedmin jaħsbu li bih ser jeliminaw avversarju, jekk jibqa’ għaddej ser jeqred it-tessut neċessarju li jwassal lejn ftehim.

4.    Pajjiżna kien, għadu u jibqa’ parteċipant kostruttiv fid-dimensjonijiet politiċi tiegħu.  Jekk naqbdu dak kollu li ngħad u sar minna naraw li kontinwament avvanzajna l-bżonn li l-poplu Libjan isib soluzzjoni li twasslu lejn Stat demokratiku, fejn jagħżel direttament hu lil min imexxih.  Żammejna l-vuċi tagħna soda fil-fora internazzjonali u Ewropej f’din il-linja.  Imxejna ‘l quddiem mingħajr ma ppruvajna niżżattu f’dak li ma jesagħniex, jew li nippruvaw nidhru iktar bravi minn diversi Stati oħra fid-dinja kollha.  Għalhekk fid-direzzjonijiet leġittimi li ttieħdu min-Nazzjonijiet Uniti, li biż-żewġ riżoluzzjonijiet 1970 u 1973 stabilixxew azzjoni diretta fuq il-mexxejja Libjani, pajjiżna bħall-bqija tal-komunità mondjali, segwa.

5.    Mhux biss, imma żammejna ruħna impenjati fid-direzzjoni umanitarja tagħna.  Gwerra, u hemm bżonn li kulħadd jifhem li hemm gwerra ċivili għaddejja, li qegħda tħalli warajha bnedmin feruti bl-effett tas-saħħa tal-armamenti moderi tal-lum, titlob assistenza.  Qed nagħtu u ser nibqgħu nagħtu għajnuna f’mediċini għal dawk li qed jikkumbattu għal ħajjithom fl-isptarijiet, li qed joperaw b’diffikultà kbira.  Dan il-konflitt militari, sfortunatament uħud jinjoraw l-effett tiegħu.  Jaħsbu li dan huwa xi forma ta’ xeneġġjat, ivvintat politikament u li wara ftit, wara li jwarrbu l-ġurnalisti ser naraw dawk li huma mejta mal-art, jerġgħu jqumu.

6.    Hemm bżonn li nifhmu aħna wkoll li l-konsegwenza ta’ din il-gwerra għamja hija dik ta’ persuni li jaħarbu għal ħajjithom.  L-aħħar fituri juru li madwar erba’ mija u ħamsin elf (450,000) persuna ħarbu lejn il-fruntieri varji tal-Libja.  Min ħarab lejn it-Tuneżija, min lejn l-Eġittu, l-Alġerija, n-Niġer, iċ-Chad, is-Sudan, l-Italja u oħrajn lejn pajjiżna.  Din hija l-konsegwenza inevitabbli ta’ dak li huwa għaddej, li tista’ tieqaf meta l-partijiet iduru madwar mejda u jsibu ftehim li jwassal għal pajjiż ġdid.  U min jaħseb li hemm bnedmin li flok jagħżlu li jsalvaw ħajjithom, ikomplu joqogħdu għall-balal tal-mewt, qed jilludi ruħu.

7.    Pajjiżna jibqa’ mpenjat li jassisti u jagħmel il-parti tiegħu bil-pożizzjoni kostruttiva li huwa diġà ħa.  Il-vuċi tar-raġuni tagħna mhix ser tispiċċa f’dan il-konflitt, imma għandha tkompli tinstema’.  Għalhekk nibqgħu determinati li nagħtu sehemna sabiex dan il-konflitt jispiċċa malajr kemm jista’ jkun, b’soluzzjoni li twassal lejn bidu ġdid.  Wieħed demokratiku li l-poplu Libjan, permezz tal-mexxejja tiegħu, jasal għalih.  Aħna, fl-esperjenza tagħna, nafu li mingħajr paċi, mingħajr ġustizzja, ma jistax ikollok protezzjoni tad-drittijiet umani, stabilità u ekonomija soda li tiġġenera xogħol u livell ta’ ħajja.  Għalhekk ser nibqgħu impenjati f’din il-pożizzjoni kostruttiva.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...