1.4.11

L-ewwel pass

1.    Fi tlett xhur rajna tibdil ta’ taħt fuq fi tlett pajjiżi Mediterranji importanti.  Mexxejja li kienu hemm għal snin twal twarrbu wara li ġew kontestati, filwaqt li ieħor għadu qiegħed hemm.  Kull poplu mexa u rreaġixxa b’metodi u mekkaniżmi differenti mill-ieħor.  Illum tnejn minnhom, it-Tuneżija u l-Eġittu, qabdu l-linja tad-demokrazija.  Sa fejn jirnexxilhom jaslu, fl-aħħar tal-ġurnata, huwa l-futur li jrid jgħidilna.  Li huwa evidenti però hu li l-poplu ma jridx ikollu dak li kellu fil-passat.

2.    L-Eġittu, li jibqa’ pajjiż li għandu sehem determinanti fl-influwenza li jibgħat għar-reġjun, huwa pajjiż b’popolazzjoni numeruża u mimli bi storja li tifirdu minn oħrajn.  Immexxi fil-passat mill-Farawni, għadu jħaddan fih din it-tradizzjoni, din l-importanza u l-għarfien li s-saħħa u l-influwenza politika, soċjali, kulturali u ekonomika hija wirt li jżomm naturalment u mingħajr sforzi.  Hemm għarfien tal-Istat, tas-servizz tiegħu u ta’ kif il-poter għandu jkun għad-disposizzjoni tal-proxxmu.

3.    Ir-referendum li nżamm is-Sibt u l-Ħadd li għadda seta’ ġie injorat sforz dak li qiegħed iseħħ fil-Libja, però huwa ta’ importanza kbira.  L-ewwelnett huwa espressjoni ta’ vot popolari.  Dawk il-protesti ġew issa trasformati f’deċiżjoni li ħadd ma jista’ jmeri.  It-tieni, kien pass vitali sabiex il-poplu jingħaqad f’tama waħda ta’ bidla.  L-aspirazzjonijiet ta’ bnedmin li jridu ugwaljanza, ġustizzja u libertà qegħdin joħorġu.  It-talba tagħhom għax-xogħol u distribuzzjoni aqwa tal-ġid ekonomiku hemm qegħda.

4.    It-tmexxija ta’ Hosni Mubarak kellha stabilità, però l-prezz tagħha sarraf f’diviżjoni kbira.  Qasma fil-ġid finanzjarju, fid-drittijiet u l-protezzjoni legali, fil-lingwa u fl-edukazzjoni.  Għandek fatturi li rridu naraw kif ser jiġu kkunsidrati minn gvern futur.  Minn popolazzjoni ta’ ħamsa u tmenin miljun, għandek disgħin fil-mija jgħixu fil-faqar, li mhux naqas, imma kiber fil-livell.  Għandek nofs il-poplu kompletament illitterat, għandek għoxrin fil-mija li huma nsara Kopti emarġinati f’qasma reliġjuża li ġiet strumentalizzata minn Mubarak u l-kumplikazzjoni ta’ lingwi ta’ gruppi oħra ta’ Eġizzjani, bħal-lingwi tal-berberi, tal-bedwini fil-punent tas-Saħara, il-lingwa Nubjana mitkellma fil-parti ta’ isfel u dik il-lingwa Kopta li hija parti mil-liturġija nisranija li għadhom ma ġewx rikonoxxuti bħala parti mit-tessut uffiċjali.

5.    L-Eġittu ta’ għada, dejjem jekk irid jibni pedament ġdid, anzi kompletament ġdid, għandu jassigura l-paċi u l-ġustizzja.  Però jrid ukoll jikkonċentra iktar fis-sehem li jista’ jkollu fil-pożizzjoni strateġika tiegħu.  Jekk ikun hemm demokrazija vera, allura din teffettwa l-pajjiżi tal-Magħreb, ta’ taħt l-Eġittu u l-Ġordan, il-Lebanon, il-Libja u Iżrael.  Jekk dan il-pajjiż daqshekk popolat isir pro-attiv, ser jinfluwenza u fl-istess ħin ikun fattur ta’ stabilità aqwa.  Ir-referendum li seħħ nittamaw li biddel, però m’għandux ikun pass uniku, imma l-bidu ta’ passi kbar oħra li jwasslu lejn aktar demokrazija.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...