13.11.09

Kif inbidlet id-dinja

1. Għada l-Ewropa ser terġa’ tieqaf biex tiftakar li l-futur tagħha nbidel mal-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin. Minn sitwazzjoni mill-iktar diffiċli bil-Punent iħares lejn il-possibilità ta’ gwerra nukleari, sibna f’daqqa waħda bidla nkredibbli. Waħda li, żgur mhux forsi, kienet miraklu proprju għax ħadd ma seta’ jemmen kif f’ħakka t’għajn kellhom jispiċċaw id-dittatorjati komunisti kollha wara xulxin. Ma stajniex nemmnu li dak li kien qiegħed iseħħ kien minnu. Minn sitwazzjoni fejn il-pajjiżi ħielsa setgħu jinħakmu mill-madmad Sovjetiku sibna ruħna f’pożizzjoni fejn illiberajna ruħna.

2. Ftit snin ilu dak kien ix-xenarju u min jaf kemm qattajna żmien f’laqgħat niddiskutu dan is-suġġett. Il-futur ma tantx kien jidher sabiħ għal ħafna bħali li riedu jaraw fejn ser iħarsu. Kien hemm arja qawwija ta’ pessimiżmu li ridna nikkumbattu sabiex inħarsu ‘l quddiem. F’Ewropa maqsuma, mimlija armamenti nukleari, b’diversi forzi militari mxerrda ma’ kullimkien ippreparati għal għonq xulxin ma tantx kien hemm prospetti mill-aqwa. Biss, f’dan kollu kellna ħolma waħda: dik li naraw id-dinja mibdula, ibda minn dak li kien qed jiġri f’pajjiżna.

3. Fl-aħħar ta’ l-1986 u l-bidu ta’ l-1987 konna għaddejjin minn mumenti ta’ tensjoni kbira. Ħadd ma jista’ jifhem dan jekk ma jkunx għadda minnu hu. Il-Partit Laburista kien qiegħed fl-aħħar xhur tat-tielet leġislatura tiegħu u li kien deċiż li jestendi sa l-aħħar jum possibbli. L-aġir kien mill-iktar żbaljat u anti-demokratiku, bi klikek ta’ nies iduru naħa u oħra, deċiżi li jipproteġu l-interessi personali tagħhom. B’ministri li kienu waslu sabiex jieħdu lura dak li s-sistema fewdali kienet tagħti lin-nobbiltà. Interessi kien hemm u sfortunatament ma kienux politiċi imma estensjoni ta’ dak li din setgħet tagħtihom.

4. Fortunatament ma qtajniex qalbna u minkejja d-dlam li konna qed naraw u ngħixu miegħu, xorta ħdimna għall-bidla. Din seħħet u llum il-ġurnata x-xenarju nbidel ta’ taħt fuq. M’hemmx dubju li llum imxejna sew u dak li kien jeżisti qabel illum m’għadux. Il-pajjiż ra dan kollu jseħħ quddiemu, l-ewwel, internament bit-tibdil fil-Gvern u dan fisser li d-demokrazija reġgħet ġiet restawrata u anzi bdiet titħaddem aħjar milli qatt kienet; u t-tieni, li bit-tneħħija tad-diversi dittaturi ta’ l-Unjoni Sovjetika s-sitwazzjoni Ewropea nbidlet.

5. Verament, il-bidla ta’ l-Istati minn ħidma dittatorjali għal waħda demokratika ma kenitx faċli, speċjalment fil-politika ekonomika. Dan għax it-tneħħija tar-restrizzjoni tal-libertà ma ġabitx awtomatikament ġid materjali. Dawn kellhom jibnu kollox mill-ġdid u hekk għamlu, però r-riżultati ma waslux mill-ewwel. Uħud ħadu r-ruħ wara ċertu żmien, oħrajn għadhom sallum ibatu. Għadhom ma rawx dik il-qabża fil-livell u kwalità tal-ħajja li qabel kienu qed jippretendu.

6. L-għaqda ta’ ħafna minnhom fl-Unjoni Ewropea serviethom, speċjalment dawk li daħlu fis-sistema ta’ l-Ewro u fis-Schengen, però għad hemm ħafna xogħol x’jista’ jsir. Hemm bidla fil-mentalità li ma tistax issir f’daqqa, imma biċċa biċċa. Il-kisba tal-libertà tagħhom kienet iebsa u hekk għadha. Ma hemmx dubju li l-kriżi finanzjarja ma ppermettitilhomx li jistgħu jfendu għal rashom, qisu ma ġara xejn. Ħafna sabu ruħhom iridu jnaqqsu s-salarji ta’ l-impjegati ta’ l-Istat u kellhom jieħdu diversi miżuri iebsa li ma kienux faċli li wieħed iniżżel.

7. Biss, xorta waħda l-kisba tal-libertà u indipendenza tagħhom hija pass kbir ‘il quddiem u minkejja kollox ħadd minnhom ma tgħaddilhom minn rashom li jmorru lura. Ir-restrizzjoni tad-demokrazija, in-nuqqas ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ħadd ma jridhom lura. Il-kommemorazzjoni tal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin għalhekk tfakkarna f’dak li konna u b’hekk nibqgħu napprezzaw dejjem iktar dak li rnexxielna nkunu llum.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tat-8 ta' Novembru 2009.

Pajjiż f’fażi ta’ progress

1. Dan l-aħħar ġie f’idejja “The FEMA Research Bulettin” maħruġ mill-Università tagħna, stampat mill-Fakultà ta’ l-Ekonomija, Management u Accountancy , li fih kien hemm artikolu li janalizza x’sehem għandhom pajjiżi bħalna fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan l-argument huwa kollu marbut ma’ kemm aħna kapaċi ninfluwenzaw l-opinjonijiet u l-aġenda f’dawk l-istituzzjonijiet ser ikun suġġett ta’ studju separat. Hemm żgur lok għal din l-attenzjoni minn dawk li qegħdin fl-akkademija, però kif u b’kemm ser jirnexxilhom jidentifikaw din l-abbiltà hija ħaġa oħra. Dan għax għalkemm huwa minnu li pajjiż ġdid li jsib ruħu ma’ oħrajn irid l-ewwel jifhem x’qed jiġri, kif jaħdem il-mekkaniżmu intern u wara jista’ jiċċaqlaq, xorta jibqa’ dejjem punti li ma jistgħux jiġu identifikati esternament.

2. Hemm proċess ta’ għarfien ta’ tagħlim fuq kif jaħdmu numru ta’ organizzazzjonijiet. Uħud huma kajmani, jdumu sabiex jiċċaqilqu u oħrajn huma dinamiċi, trid tiġri tlaħħaq ma’ l-abbiltà tagħhom li jiffissaw l-aġenda tagħhom. Uħud għandhom din il-veloċità minnhom infushom, oħrajn il-qafas ta’ l-istruttura organizzattiva u legali tagħhom jiddependu fuq min imexxihom aktar milli fuqhom stess. Għalhekk huwa parir ta’ dejjem li kull min iħares lejn organizzazzjoni jrid jara jekk iridx li tiċċaqlaq ‘il quddiem jew le billi jagħżel persuni li jidħlu fiha bil-qalb u mhux sabiex sempliċement jagħmlu karriera. Anzi l-aħjar li tagħżel min-naħa struttura legali li tmexxi independentement minn min ikun hemm fiha.

3. Ġewwa l-Unjoni Ewropea, bil-poteri li għandha għandek sitwazzjoni li f’ebda għaqda oħra fid-dinja ma hemm bħalha. Dan għax hija struttura organizzattiva u verament dinamika, kif ukoll hemm dejjem iktar persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet determinanti li huma mimlija ħeġġa u inizjattivi. Tiskanta, imma dak li jista’ jidher kumplikat b’regoli li mhux dejjem faċli sabiex wieħed jifhem issibu jitħaddem b’mod effikaċi u, sa ċertu grad, effiċjenti wkoll. Pajjiżna sab ruħu f’dan il-kurrent qawwi, jaħdem u jifhem kif irid jindirizza l-problemi.

4. Dan ma kien faċli xejn fil-bidu, però llum irridu nirreġistraw li rnexxielna naslu fuq diversi punti sabiex nagħtu l-kontribut tagħna l-ewwel fis-sustanza u fid-deċiżjonijiet u, t-tieni ta’ kif nistgħu ninfluwenzaw lill-oħrajn. Il-fatti huma li din il-gżira rnexxielha ġġib fuq l-aġenda Ewropea punti li ħadd ma kien ġieb qabel. Mhux biss, imma ħaddimna ferm iktar minn ħaddieħor il-possibilità li nwasslu messaġġi u tibdil fl-impostazzjoni li kellhom Stati oħra. Ovvjament, il-ħidma sabiex iġġib din il-bidla mhix faċli li tirreġistraha b’dokumentazzjoni jew provi, imma din saret u għadha qed issir.

5. Il-vantaġġ li tkun mal-mejda tad-diskussjoni, li tista’ titkellem u titħaddet ma’ min imexxi pajjiżi oħra ma jistax jiġi kkalkulat b’xi forma pre-stabbilita. Tant hemm possibilità li tersaq bil-kelma t-tajba, bl-użu tar-raġuni, u b’dawn li tibdel il-fehma ta’ l-oħrajn, li ħafna drabi aħna stess f’pajjiżna ma nindunawx kemm din hija qawwija. Tgħallimt li ma tridx toqgħod lura, imma trid taffronta anki lil dawk li jistgħu jidhru bħala l-aktar “ostili”. Dak li tkun qed timmira għalih mhux dejjem jiġik żewġ, imma l-effett huwa kumulattiv. Daqqa timxi ‘l quddiem fuq ħaġa u daqqa tibqa’ wieqaf, biss ma tridx tieqaf. L-użu ta’ l-Unjoni Ewropea hija għodda li ħadd ma jagħraf biżżejjed il-kapaċità tagħha jekk mhux b’iktar impenn, snin u esperjenza.

6. Ovvjament, pajjiżna ser jidħol fi proċess ieħor. Għax issa li bdejna nidraw dak li għandna preżentement ser nidħlu fit-Trattat ta’ Lisbona. Kien ċar li llum jew għada dan kien ġej fis-seħħ u l-oppożizzjonijiet li kien hemm ser jispiċċaw, kif fil-fatt rajna tul dawn il-jiem. Din hija sfida politika ġdida li ser nidħlu għaliha. Ma hemmx dubju li ser jirnexxilna nimxu ‘l quddiem. Fortunatament aħna m’aħniex nieqsa mill-intelliġenza. Għall-kuntrarju ta’ dak li ħaseb ħaddieħor, il-pajjiż ħa diversi opportunitajiet, avvanza ‘l quddiem u żamm lura numru ta’ impatti negattivi milli jseħħu fuqna. L-effett tagħna fl-Unjoni jrid jiġi mistħarreġ fid-dettall, ma hemmx dubju, biss kien ikun żball kbir wisq kieku ma dħalniex.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tat-8 ta' Novembru 2009.

5.11.09

Id-dinja finanzjarja

1. Tibqa’ skantat kif numru ta’ membri parlamentari fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra qishom ma jkunux dejjem parti mir-realtà li għaddejjin minnha diversi pajjiżi fl-Ewropa u fid-dinja. Issa saret moda li niċħdu li s-sitwazzjoni finanzjarja internazzjonali tant hija diffiċli u li din qegħda jkollha konsegwenzi gravi ħafna. Effetti li qed iżommu lura l-iżvilupp u l-proċess normali ta’ diversi setturi fid-dinja ekonomika li qed ikollhom sehem determinanti fuq il-ħajjiet tal-bnedmin.

2. Biss f’pajjiżna għad għandna persuni li jaħsbu li aħna għandna l-poter ekonomiku li nistgħu ngħixu waħedna. Iva, hawn min jilludi ruħu li jimmaġina li dak li jiġri f’pajjiżi oħra ma jseħħx ġewwa tagħna. Dan huwa għal kollox żbaljat mhux biss li taħsbu, imma b’mod partikolari li tgħidu pubblikament. Irridu naċċettaw li l-kriżi finanzjarja li laqtet l-Istati Uniti l-ewwel u wara oħrajn ġiet u l-konsegwenzi tagħha mhux faċli tneħħihom, ngħidu x’ngħidu politikament.

3. Il-kriżi kellha effett interessanti fuq il-prezzijiet ta’ prodotti li għandna bżonn. Iż-żejt prinċipalment li rajnieh, u anzi għadna qed narawh, jibdel il-ħin kollu l-prezz tiegħu. Anki jekk għal xi xhur deher li niżel ‘l isfel ma’ dak li kien qabel, xorta waħda żamm prezz għoli. Issa aktar minn qabel dan reġa’ tielgħa ‘l fuq. Pożizzjoni li, ngħidu x’ngħidu, irridu naffrontaw sabiex inżommu l-ekonomija għaddejja quddiem il-fatt li s-servizzi li huma marbuta mal-konsum taż-żejt hemm ser jibqgħu.

4. Għalhekk, min qiegħed jipprova jgħid li aħna nistgħu ninjoraw dak li għaddej fid-dinja huwa għal kollox żbaljat. Jekk hemm min irid jidħak bil-poplu, jista’ jagħtih x’jifhem li din ir-realtà ma teżistix. Inħoss li proprju fuq dan għandha tinbena jew tintilef il-kredibilità politika ta’ partit minn ieħor. Huwa ċar li llum il-poplu qiegħed jifhem iktar li dak li aħna għandna quddiemna mhuwiex traskurabbli u ser jibqa’ jkollu l-konsegwenzi, li l-Gvern m’għandux tort għalih.

5. Min qiegħed jiddikjara li dan l-istat tal-affarijiet huwa tort ta’ xi politiku partikolari fuq in-naħa tal-Gvern, huwa għal kollox żbaljat fil-fatti. Dan l-elettorat tagħna qiegħed jifhmu u japprezzah. Proprju għax isegwi dak li għaddej fl-Unjoni Ewropea u jaf li ħafna pajjiżi oħra għandhom mhux sempliċi kriżi, imma diżastri finanzjarji kbar. Ħafna għandhom rati għolja ta’ persuni jfittxu għax-xogħol, bi kwantità kbira ta’ fabbriki li għalqu, u anke b’salarji li kellhom jitnaqqsu.

6. Il-politika tal-Gvern għalhekk hija waħda tajba. Dik li jirnexxilha taffronta l-problemi finanzjarji bil-miżuri li permezz tagħhom innaqqsu l-effetti negattivi u fl-istess ħin nassiguraw li x-xogħol jiġi protett. Tul l-aħħar sena l-Ministeru tal-Finanzi rnexxielu jwettaq politika xejn faċli. Waħda li permezz tagħha jirnexxilna ngħelbu d-diffikultajiet li għandna sabiex għada ngawdu mill-prudenza u l-attenzjoni ta’ dak li wettaqna. Il-poplu dan japprezzah għax mhuwiex wieħed nieqes mill-intelliġenza. Wieħed li jaf jagħżel min qed jidħak bih u min jgħidlu s-sewwa.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-1 ta' Novembru 2009.

Tibdiliet fil-Gvern Ġermaniż

1. Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali li fiha rajna l-Kanċilliera Angela Merkel tiġi konfermata għal-leġislatura oħra fil-Ġermanja, issa tul din il-ġimgħa qed naraw il-formazzjoni tal-Kabinett il-ġdid. Ovvjament, il-koalizzjoni l-ġdida, dik bejn is-CDU u l-FDP ser tfisser li l-Ministri tal-partit soċjal-demokratiku ser jispiċċaw nhar it-Tlieta li ġej. Uħud minnhom kienu ilhom tnax-il sena ministri. Fl-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern ġewwa l-Lussemburgu kelli l-opportunità li nifhem iktar minn dan fil-viċin.

2. Fil-fatt, mingħajr ma trid f’dawn il-laqgħat tispiċċa ssir taf numru ta’ ministri fuq livell differenti minn dak tas-soltu, jiġifieri sempliċi ittri u rappreżentanzi normali. Hemm, fil-laqgħat ikollok ftit tal-ħin, jew sejrin nieklu jew nippreparaw għall-mumenti ta’ nkontri, li fihom tgħid kelma. Ħafna drabi tibni dawn ir-rapporti ta’ ħbiberija għax tispiċċa tiddiskuti punti li taqbel magħhom. Ma hemmx dubju li anke hawn, l-affiljament politiku jgħin, però ma jżommx milli tibni dan l-għarfien anki ma’ dawk li tista’ taħseb li mhux ser tara għajn ma’ għajn magħhom.

3. Fil-Lussemburgu ltqajt ma’ Bridget Zypres, li kienet tokkupa għal dawn l-aħħar snin il-pożizzjoni ta’ Ministru tal-Ġustizzja. F’diversi laqgħat konna nispiċċaw nagħtu l-opinjonijiet tagħna. Daqqa naqblu, u daqqa le. Hija bniedma intelliġenti u waqt li ssoltu nitkellmu fuq dak li jkun qed jokkupa l-aġenda f’dik id-data tal-laqgħa, stajt nara iktar l-aspett uman tagħha. Waħda mill-osservazzjonijiet li għamlitli kienet li, issa li kienet ser tispiċċa, għall-ewwel darba kienet qed tnaqqas mix-xogħol. Qaltli li tħossha li tista’ tibda tgawdi ftit mill-ħajja, issa li ma għadhiex ministru wara tnax-il sena kontinwi ta’ ħidma.

4. Biss, anke mar-rebbieħa tlift ħabib. Wolfgang Schäuble, li kien Ministru ta’ l-Intern issa ser jiċċaqlaq bħala dak tal-Finanzi. Kien jimpressjonani fin-numru ta’ drabi li kien jintervjeni jitkellem fuq punt u ieħor. Dejjem determinat, ċar u preċiż f’diskorsu. Jaf jikkonvinċi u jżomm il-pożizzjonijiet tiegħu bl-aktar mod sostnut. U dan huwa iktar u iktar interessanti meta wieħed jikkonsidra li spiċċa ma jistax jimxi għax miġnun snin ilu sparalu tlett tiri. Kien jiġi għal-laqgħat u rari ħafna kien ikun assenti minnhom minkejja l-pożizzjoni fiżika tiegħu.

5. Sibtu diversi drabi f’mumenti partikolari u tani appoġġ f’dak li kont qiegħed nipproponi fl-immigrazzjoni. Imma l-għan prinċipali tiegħu kien marbut ma’ iktar sigurtà fl-Unjoni. F’waħda minn dawn il-laqgħat kien iddikjara: “We are especially committed to the European Idea. This also includes our participation in the creation of a European Security Network, for the citizens of Europe can only seize the chances stemming from more freedom, openness and mobility if their security is not afflicted. Freedom and security therefore are not contrasts, but two sides to a coin”.

6. Kemm dam jokkupa din il-kariga kellu din bħala prijorità. Ikabbar il-vantaġġi li sistema bħal dik tas-Schengen sabiex tkompli tissoda aktar ruħha. Għalhekk il-fruntieri Ewropej kienu għalih importanti li jinżammu tajjeb u proprju għal din ir-raġuni li sibtu kull darba li ġejna biex norganizzaw l-operazzjoni FRONTEX bil-preżenza tal-pulizija Tedeska magħna. Mhux ser ikun faċli li jkollok persuna li jkollha l-istess kwalitajiet bħalu u min dieħel warajh għandu problemi kbar quddiemu. Żgur mhux forsi, d-dell ta’ Wolfgang hemm ser jibqa’ għal numru ta’ snin.

7. Kont qed nittama li jkolli l-opportunità li nerġa’ niltaqa’ miegħu qabel jidħol għall-kariga l-ġdida iżda dan ma kienx possibbli. Daħal irrankat f’dak tal-Finanzi b’ruħu u ġismu, kif jidher ċar mir-rapporti f’diversi gazzetti finanzjarji. Tipikament tiegħu ddikjara mill-ewwel (għadu anqas ħa l-ġurament) li s-sitwazzjoni finanzjarja Ġermaniża hija dik li fl-erba’ snin li ġejjin m’huwiex possibbli li l-budget ikun bilanċjat. Mhux kulħadd ikun ferħan b’dan, però taf li ma hemmx ċajt mal-verità miegħu. Anzi dejjem emmen li mingħajr il-verità ma tagħmel xejn fil-ħidma kontra d-delinkwenza u fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

8. Dawn it-tibdiliet fil-Kabinett Ġermaniż ser jaffettwaw mhux biss l-eventi f’dak il-pajjiż imma wkoll dak Ewropew. M’għandix dubju li l-preżenza ta’ Wolfgang Schäuble ser tkun determinanti fil-politika finanzjarja Ewropea. Iktar u iktar meta diversi Stati għadhom ma rkuprawx mill-kriżi finanzjarja. L-eventi futuri jagħtuna parir, però żgur li tlifnih fl-Intern.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-1 ta' Novembru 2009.

Il-politika tinbidel il-ħin kollu

1. Tul kull leġislatura tista’ ssegwi dak li jkunu għaddejjin minnu l-persuni li jsibu lilhom infushom magħżula mill-poplu biex jiddeċiedu għalihom fil-Parlament. Il-kampanji elettorali, id-diskorsi, l-kitba, il-parteċipazzjoni sħiħa ssawwar u tbaskat lil dawn l-bnedmin li jidħlu għal dan is-sagrifiċċju kbir. Hemm min jiċċaqlaq f’direzzjoni u hemm min f’oħra mhux kulħadd jirreaġixxi l-istess. Nosserva li llum għandna membri parlamentari li jridu jieħdu sehem attiv fi grad ferm ikbar minn dawk ta’ qabilhom. Dan żgur li fih innifsu huwa tajjeb, pożittiv, determinati li jipparteċipaw, però quddiem għajnejn il-poplu (li rridu nammettu li mhux soltu jara dan) hemm min jista’ jallarma jew jiskandalizza ruħu.

2. Għamilt staġun membru parlamentari, ieħor Segretarju Parlamentari u nista’ nifhem xi jħoss min irid jagħti sehemu fid-dibattitu u l-formazzjoni ta’ l-għaġna politika u ma jarax jew jagħraf biżżejjed kif. Kont u għadni nieħu gost nikteb f’artikli bħal dawn u kont nsibni tajjeb apparti diversi aġġornamenti li, kif jiġri ma’ kull membru, daqqa kienu jiġu rappurtati u daqqa le. Ħassejt u għadni nħoss li bihom nista’ nagħti l-opinjoni tiegħi. Biss ma nistax nippretendi li kull persuna fil-politika jrid jillimita lilu nnifsu f’dik il-Kamra meta hemm tant setturi ġodda li żviluppaw f’dawn l-aħħar xhur fejn jista’ jieħu sehem.

3. Anzi, ngħid li llum hemm neċessità dejjem akbar li d-deputati kollha jkollhom aċċess dirett għall-elettorat. Il-ħsieb li lill-politiċi l-poplu ma jridhomx, jew li ma jridx jismagħhom jew li ser idejquh ma naqbilx miegħu. Hija opinjoni kummerċjali żbaljata dik li ssostni li mezzi tax-xandir, biex ikollhom is-segwaċi, jridu jaqtgħu barra dibattiti politiċi interessanti jew mhux. L-effett ta’ din il-mentalità hija dik li qed tagħti lill-poplu biċċiet ta’ informazzjoni bla kap u bla kuda mingħajr stampa ċara.

4. Il-pajjiż jinteressah jagħraf liema deċiżjonijiet ittieħdu u kif dawn wasalna għalihom. Mhux biss, imma aktar u aktar hemm dejjem bżonn ta’ proċess ta’ diskussjoni u djalogu, jsir fuq liema livell isir. Kif jista’ l-Gvern jagħraf x’għandu jagħti prijorità f’ħidmietu? Bis-sempliċi opinjonijiet jew ittri li jidhru fil-gazzetti, jew li xi membru jirċievi? Naħseb li dan il-kunċett ikun għal kollox żbaljat. Flok nagħrfu nħarsu lejn kollox, anki lejn dawk li ma jiktbux jew ma jitkellmux fil-pubbliku, nispiċċaw nindirizzaw problemi ta’ settur li jafu joħolqu ieħor lil settur ieħor.

5. Il-personalitajiet politiċi tallum huma ferm iktar ħajjin, mimlija enerġija u elettriku, minn qabel. Iridu jipparteċipaw, jagħtu sehem u għalhekk għandhom jingħataw dan l-ispazju sabiex isemmgħu leħinhom. Dan jagħmel ġid lis-sistema u anke lilhom infushom. Jekk dan ma jsirx, jekk ma nressqux iktar dibattiti nterni u bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra nkunu qed nitilfu opportunità tad-deheb. Hemm bżonn ta’ iktar skambju ta’ ideat milli kellna qabel u fir-realta naħseb li dan huwa strument salutari għalina lkoll. Mill-verità ħadd ma’għandu jibża’ u iktar ma jkun hemm mekkaniżmi li jressquha ‘l quddiem, tant aħjar.

6. Jekk f’dan il-proċess, persuna tesprimi opinjonijiet varjati, dawn jippermettu aktar għarfien ta’ x’linja għandha tittieħed. Dejjem, ovvjament, mingħajr ma nitilfu mill-prinċipji li jsawruna u li jiġġustifikaw l-għaqda tagħna ġewwa partit politiku. Il-politika tinbidel il-ħin kollu, kemm il-poplu huwa lest għaliha, dik ħaġa oħra. Però lkoll għandna naċċettaw li x-xenarju huwa differenti. Fortunatament il-partit huwa mimli bi bnedmin enerġetiċi u bi proposti u idejat godda. Dawk li jippruvaw ipinġuna bħala konservattivi qed jindunaw kemm huma żbaljati għax aħna progressivi. Il-partit kien u għadu kapaċi jaffronta kull sfida u proprju għax għandu dan li jiggarantixxi l-istabilità u l-paċi fil-pajjiż - ħaġa li ħaddiehor falla kompletament fiha.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal il-Mument tat-25 t’Ottubru 2009.

Il-ktieb ser jibqa’ jew ser isir elettroniku?

1. Waħda mix-xewqat li għandi, u li ilha minn meta kelli ħmistax-il sena, hija dik li xi jum inżur il-Fiera tal-Ktieb ġewwa Frankfurt fil-Ġermanja. Ma kellix, sa issa, din l-opportunità u ma nafx kemm ser jirnexxili. Però għadni nittama. Dan għax f’dawk il-jiem ikun hemm l-aqwa ta’ dak li għaddej fid-dinja tal-ktieb. Għal min isegwi jaf li proprju f’dik il-fiera jinġabru ħafna nies u ssib ideat ġodda, jew kompletament inkella passi oħra fuq dak li kien hemm qabel. Okkażjoni unika li għal dawk bħali li jħobbu l-ktieb m’hawnx isbaħ minnha.

2. Din is-sena din il-fiera kellha l-preżenza ta’ numru ta’ ġganti fis-settur elettroniku bħall-Google, Sony u Amazon li qed jipprospettaw il-ktieb elettroniku. Il-kunċett huwa li ma hemmx bżonn li ġġorr xi ktieb tqil miegħek, jew ġabra ta’ kotba, imma f’apparat wieħed tista’ taqra kwantità. Vantaġġ għal min iħobb jaqra u fl-istess ħin possibilità aqwa sabiex idaħħal f’dan għerf li mhuwiex ser joħloqlu problema ta’ spazju fid-djar. Dan li jissejjaħ “e-book” għandu l-konvenjenza tiegħu, ma hemmx dubju, però ser jibdel ix-xenarju letterarju u ekonomiku, u mhux kulħadd qed jilqgħu b’idejh miftuħa.

3. Għalkemm il-bejgħ ta’ dan l-apparat (“Kindle” Amazon u “Reader” Sony) mhuwiex kbir fis-settur enormi tad-dinja tal-ktieb, xorta waħda għandek l-effett li iktar persuni qed jixtru l-verżjoni elettronika tal-ktieb. Dan b’mod partikolari fid-dinja anglo-sassona imma mhux f’oħrajn fl-Ewropa. Biss il-fiera ta’ Frankfurt serviet żgur sabiex tiftaħ u tagħti aktar attenzjoni għal dan il-mezz ta’ tixrid ta’ ktieb b’saħħa kummerċjali li qatt qabel ma kellna. Hemm vantaġġi interessanti. Għada pitgħada min jikteb il-ktieb ser ikollu l-possibilità li jnaqqas id-dipendenza ta’ l-immaġinazzjoni fuq il-kliem. Il-kittieb jista’ jibni l-mużika li takkumpanja u juri b’mod ċar il-karattri, il-pajsaġġ, l-immaġini kollha li ssoltu kull qarrej jibdel skond kemm kapaċi jifhem.

4. Dawk il-kotba bħal ta’ Charles Dickens jew Joseph Conrad, li kienu inevitabbilment jibdew b’diskussjoni dettaljata tal-fattizzi, statura, karnaġġjon tal-persunaġġi jew tal-ambjent sħiħ ser jonqsulhom il-kliem. Ix-xenarju sejjer jinbidel biċċa biċċa, iktar u iktar meta tqis li kumpanniji bħall-Google ħadu ħsieb jikkonservaw b’mod elettroniku kwantità kbira ta’ kotba minn diversi libreriji u bibljoteki mad-dinja. Il-biża’ f’dan kollu ġej mhux tant fl-informazzjoni imma fl-abbiltà li wieħed jipproteġi d-drittijiet tal-awturi. Quddiem dan, ġewwa Frankfurt kellna lil Angela Merkel, il-Kanċilliera konfermata tal-Ġermanja, topponi u tinsisti għal iktar attenzjoni u protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fil-konfront ta’ din l-innovazzjoni.

5. Din il-pożizzjoni ġiebet ir-reazzjoni nkwetata ta’ Google permezz tad-direttur tagħhom David Drummond. F’intervista li rnexxieli nsegwi, jidher mill-iktar ċar li dak li jidher li huwa “theddida” fir-realtà jista’ jittrasforma ruħu f’opportunità għal tixrid aqwa u ikbar tal-ktieb. Drummond, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jaħseb ħaddieħor fl-analiżi tiegħu, jitlaq mill-punt tat-tluq li xejn ma jista’ jsir mingħajr il-ktieb stampat. Anzi, li mingħajr il-ktieb, il-proġett kollu tal-Google jispiċċa fix-xejn u għalhekk għandhom interess huma stess li jaslu fi ftehim mal-kittieba u kull min għandu f’idejh id-drittijiet tal-awtur sabiex jipproteġuhom. Mhux biss, imma bil-parteċipazzjoni ta’ Amazon hemm dik li jinbiegħu iktar kotba bi prezzijiet iktar raġjonevoli.

6. F’dan però nqabdet taqbida interessanti li l-ħin kollu trid tikkumplika ruħha. Minn naħa l-waħda kawżi, bħal dik li hemm fit-Tribunal ta’ New York kontra Google li jidher li waslu għal ftehim li l-ġudikatura trid tara tiddikjarahx validu fid-9 ta’ Novembru u dik li hemm fi Franza fejn il-grupp “La Martinière” fetaħ huwa wkoll kawża kontra tagħhom bis-sentenza għat-18 ta’ Diċembru. Proċessi li jistgħu jagħlqu u jirrestrinġu l-ftuħ. Fuq in-naħa l-oħra, l-aċċess għall-informazzjoni u l-proċess ta’ demokratizzazzjoni ta’ kotba li qabel ma kienux jistgħu jinsabu jew li l-kontenut tagħhom ma kienx magħruf. Għax hawn għandek magna ta’ għaxar miljun ktieb, li ċert li ser jiżdiedu bil-possibilità ta’ iktar meta bibljoteki nazzjonali bħal dik ta’ Franza, dejjem jekk tasal fi ftehim, taf tagħti lill-Google Books.

7. Ma nemminx li ser naslu f’xi mument meta l-ktieb ser jitlef mill-importanza tiegħu. Jibqa’ jiġi stampat u għax jiġi hekk li wieħed jista’ jimxi ‘l quddiem f’din il-linja ta’ “e-books”. Ovvjament, id-drittijiet tal-awtur iridu jiġu protetti. Huma jiggarantixxu l-bilanċ intern neċessarju sabiex jiċċaqlaq ‘il quddiem dan kollu u jippremja l-intelliġenza u l-ġenju ta’ min jikteb. Biss, il-vantaġġi kbar li t-teknoloġija tippermetti m’għandhomx jiġu miżmuma lura. Il-kotba huma minjiera ta’ informazzjoni, biss jekk il-poplu jkollu aċċess veloċi u li fih aktar minn persuna waħda fl-istess ħin taraha, dan iservi żgur għall-progress. Għax għalkemm il-bibljoteki huma l-protetturi ta’ dan it-teżor, li huwa patrimonju għad-dinja, fir-realtà jsiru jafu huma biss x’ikun fihom. Dan m’għandux ikun fid-dinja ta’ llum u għandna nassiguraw dejjem iktar qari u aċċessibilità. Għalhekk ktieb li jittrasforma ruħu f’mezzi elettroniċi huwa garanzija ta’ edukazzjoni, formazzjoni u demokrazija u, l-iktar importanti jrid jitħaddem b’mod li jissoda d-drittijiet tal-awtur u mhux inaqqashomlu.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-25 t’Ottubru 2009.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...