1. Illum nieqfu
biex niċċelebraw jum nazzjonali. Jum
solenni, wieħed qaddis, wieħed mimli patrijottiżmu. Fl-istorja ta’ pajjiżna dan il-jum kellu,
għal diversi drabi, rikorrenza ta’ liberazzjoni. Huwa minnu li diversi ser iġibu quddiemhom
l-eventi li wasslu għat-tmiem tal-Assedju l-Kbir. Dak li seħħ fl-1565, xejn inqas minn erba’
mija u erbgħa u ħamsin sena ilu. Kif,
bil-wasla ta’ 8,300 suldat ta’ forza ta’ liberazzjoni żbarkaw fil-Mellieħa
t-Torok, li kienu għaddejjin f’assedju, ħarbu.
L-istorja tfakkarna li mietu madwar 3,000 Malti u Għawdxi u 20,000 Tork,
fost ħerba sħiħa.
Il-Monument tal-Assedju
2. Illum ukoll
ningħaqdu quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir. Dak li sar tant sabiħ minn iben denju ta’ dan
il-poplu, Antonio Sciortino. Wieħed li
kellu jgħaddi ż-żmien biex isir u b’ċertu diffikultà. Kien nannuwi, Il-Gross, Carmelo Mifsud
Bonnici, li kif ġie elett deputat beda jinsisti li għandu jinbena b’numru ta’
domandi parlamentari. Kienu hu li, aktar
tard, bħala ministru ta’ dan il-pajjiż, ħa d-deċiżjoni li jsir u li jiġi
magħżul proprju dan li għandna, u li ngawdu, fl-1927. Minn dak iż-żmien sallum, għalkemm inbidlitlu
l-pożizzjoni, it-tlett figuri tiegħu hemm baqgħu. Baqgħu t-tlieta ma’ xulxin, mhux mifruda,
f’daqqa. Ir-reżistenza tagħna, flimkien
maċ-ċiviltà u r-reliġjon Nisranija baqgħu ħaġa waħda. Wara mijiet ta’ snin taħt
ħakmiet oħra, malli kien hemm Parlament tal-Maltin, ħarġet naturali din
l-għażla li kienet ilha misrura fina s-snin.
Ħadd, la l-Kavallieri, la l-Franċiżi u lanqas l-Ingliżi ma ħassew dan
il-bżonn li ħassejna aħna.
Patrija dmir tagħna
3. Niġu, xi drabi
kkritikati, jew imqegħda f’dawl mhux tant tajjeb, meta aħna fil-Partit
Nazzjonalista nitkellmu dwar il-Patrija.
Nifhmu. Imma l-patrijottiżmu tagħna
m’għandux x’jaqsam ma’ dak żbaljat li ċerti partiti fuq il-lemin estrem
iħaddnu. Il-linja tagħna hija waħda
bażata fuq ir-raġuni, il-fidi u s-sens nazzjonali. Kien il-Qaddis Ġwanni Pawlu II li kien spjega
tant tajjeb dan il-kunċett, meta qal hekk: “Patriottismo
significa amore per tutto ciò che fa parte della patria: la sua storia, le sue
tradizioni, la sua lingua, la sua stessa conformazione naturale. È un amore che si estende anche alle opere
dei connazionali e ai frutti del loro genio.
Ogni pericolo che minaccia il bene comune della patria diventa occasione
per una verifica di questo amore.” U
iktar ukoll il-quddiem jgħid ukoll: “La
patria è il bene comune di tutti i cittadini e come tale è anche un grande
dovere.”[1]
Sitta u sebgħin sena ilu
4. Dan il-jum huwa
marbut ukoll ma’ dak li seħħ fl-1943, meta l-Italja ċediet u l-flotta tagħha
daħlet fl-ibħra tagħna għall-irdoss. Dak
li seħħ 76 sena ilu jista’ jidher huwa wkoll il-bgħid, imma fir-realtà huwa
viċin ħafna tagħna. Għal min jaqra,
jagħraf li dak il-mument ġiet fit-tmiemha l-gwerra għalina. Is-sagrifiċċji umani u materjali li għaddew
minnhom missirijietna kienu determinanti.
Kien hemm, bħal ma rajna qabel, għażla li saret. Ippreferew il-libertà u d-drittijiet
nazzjonali tagħna għal kull ħaġa oħra.
Fis-sekli, il-bnedmin hawn ħassew li l-prinċipju jitlob minnhom li ma
jċedux. Jibqgħu jassiguraw id-dinjità
tagħhom, anke jekk kien hemm prezz li jrid jitħallas. Quddiem il-prezz ta’ telf ta’ ħajjet ħafna,
ta’ ħsara fil-wirt u l-proprjetà tagħna ma ċedewx, ma nxtrawx, imma fiċ-ċokon
tagħhom ikkumbattew.
Illum ukoll
5. F’dan,
ċertament għandna niftakru li dak li seħħ qabel huwa wirt għalina. Wieħed li m’għandniex ninsew. Wieħed li jitlob mingħandna d-dmir li
niftakru, u fl-istess ħin inġeddu ġewwa fina.
Il-prinċipji tagħna sawruna f’dak li aħna. Il-valuri tagħna żammewna f’dak li aħna. Il-kultura tagħna, il-fidi Nisranija u l-imħabba
lejn pajjiżna. Dawn huma l-prinċipji,
pedestalli li għandna nibqgħu nżommu.
Il-linji ta’ ħsieb li ġabuna nifhmu li m’għandniex nintelqu. Anqas ma għandna ninxtraw, imma nżommu
l-pożizzjonijiet tagħna. F’dan il-jum
nifktakru f’ta’ qabilna, u fl-istess ħin nifhmu d-dmir u r-responsabbiltà kbira
tagħna li dak li għandna nżommuh. Għax
iż-żmien jgħaddi, imma l-isfidi l-istess jibqgħu.