1. It-temp barra ma kienx mill-aqwa fl-aħħar
jiem. Sħana għandna kemm trid u riħ
isfel minn dawk li jwaħħal ukoll. Għal
dawk li baqgħu joħorġu jafu kemm it-temperatura baqgħet iktar qawwija
mis-soltu. Iż-żmien hu li hu. L-istaġun ukoll. Irridu nilmentaw però fl-istess ħin inkomplu
nbatu b’dak li ma nistgħux nikkontrollaw.
Nistgħu biss inħarsu ‘l quddiem meta jistaġun jinbidel.
2. F’dan però u żgur l-agħar jibqa’ li
t-temperatura politika baqgħet hija wkoll tielgħa ‘l fuq. Għax fejn is-soltu mal-waqfien tas-seduti
parlamentari tonqos id-doża, f’dan iż-żmien baqgħet għaddejja. Baqgħet hekk proprju għax hemm wisq punti
f’linja sħiħa ta’ amministrazzjoni xejn korretta li titlob mill-Oppożizzjoni li
ġġibhom għall-attenzjoni. Dmir li jrid
jiġi eżegwit, inkella nkunu parti minn dak li m’aħniex. F’dan hemm il-polemiċi. Dak qal ħaġa, u l-ieħor qal oħra. Ma naqblux u l-pajjiż irid jisma’, jaħseb u
jagħżel.
3. Biss hemm diversi fatti, ċari u tondi li
ħadd ma jista’ jmerihom. Dawn jitolbu
żewġ passi: l-ewwel, għarfien tagħhom, wara deċiżjonijiet. Tant hemm f’daqqa kumulu ta’ dnubiet mortali
li biex tinżamm il-kredibilità politika tal-pajjiż iridu jittieħdu passi. Hemm l-aspett purament politiku bejn iż-żewġ
partijiet fejn fuq dawn l-iżbalji l-oppożizzjoni qegħda tikber, per hemm dak
nazzjonali. Dak fejn il-poplu tagħna
jitlef mill-prestiġju li jgawdi li jmiss ma’ kollox.
4. Ma hemmx xi fond infinit tal-avvjament
tagħna u proprju għalhekk li rridu kuljum nikkoltivawh. Nikkumbattu għalih u ninsistu sabiex
fil-letarġija sajfija ta’ ħaddieħor, il-vuċi tas-sewwa tinstemgħa. Għax tant hawn skandli kbar u ħoxnin
għaddejjin, għax tant hawn sitwazzjonijiet ta’ libertà assoluta fl-użu
tal-poter mingħajr forom sempliċi ta’ responsabbiltà fejn min għandu l-poter
f’idejh għaddejj jgħaffeġ, jimxi biex jissoda politika ta’ pjaċiri, inġustizzji
u ebda konsiderazzjoni tar-regoli fundamentali li kull amministrazzjoni li
tipprova tkun tajba trid iżżomm.
5. Ma’ kull jum naħsbu li wasalna fil-qiegħ
biex l-għada niskopru oħrajn ġodda. Hemm
telf ta’ prestiġju però hemm fuq kollox wieħed ta’ kontroll u dixxiplina
interna. Jidher ċar li s-sitwazzjoni
qegħda tant ikkumplikata, mħawda, fejn il-poter weħel ma’ idejn li ma kellux
jeħel magħhom u li jekk ma jittieħdux deċiżjonijiet politiċi tul dan is-sajf,
meta niġu lejn l-aħħar tas-sena ser naraw iktar temperatura għolja. Nafu li hemm ministri u segretarji
parlamentari li qed jippruvaw jaħdmu b’mod korrett u attent, però
sfortunatament hemm wisq oħrajn li m’humiex.
Il-ħsara li qegħda ssir minn dawn hija verament qawwija u f’ħafna
irreparabbli.
6. Jista’, diversi fit-triq qed jistaqsu,
kollox jibqa’ għaddej? Bit-temperatura
tibqa’ għolja u l-poter jibqa’ mwaħħal f’idejn min żbalja u qed ikompli
jiżbalja? Għax nafu li sakemm dak li ma
għandux isir joħroġ hemm proċess, però meta wieħed jibqa’ lura wara allura
l-kumplikazzjonijiet jikbru sew. Biċċa
biċċa f’dawn l-aħħar xhur hemm tant truf u għeqiedi li jekk ma jkunx hemm min
jaqta’ barra dak li ma ħadimx tajjeb s’issa ma jkunx jista’ jiddritta
l-affarijiet.
7. L-interess nazzjonali jitlob li wieħed
jiċċaqlaq. Għax li tiżbalja wieħed
jifhem għax omm il-ġifa biss ma tagħlix.
Biss, meta jkollok min verament u mhux apparentement żbalja u jibqa’
jinsisti li ma għamel xejn ħażin, allura hemm konsiderazzjonijiet oħra. Il-pajjiż huwa issa fortunatament parti
mill-Unjoni Ewropea. U f’demokrazija
moderna bħal tagħna, oġġettivament titlob li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata. Hemm wisq punti jiġru barra mas-saqajn ta’
dak li ingħad pubblikament u dak li jingħad fit-triq min-nies li hemm min issa,
iktar minn qatt qabel, qiegħed jiddubita fuq it-tmexxija tal-pajjiż.
8. Il-kelma fi ħdan u f’ħalq il-moderat hija
proprju, l-ewwel, li min jaħtar jagħmel dan għax ikollu fiduċja f’dak li jkun;
u t-tieni, li meta jkollu quddiemu dak li hawn illum u jibqa’ hekk statiku,
allura jaħseb li mhix biss kwistjoni ta’ fiduċja. Jieqaf jaħseb fil-progress u l-meritokrazija
u jibda jifhem u jirraġuna f’termini ta’ rigress u bażużliżmu. Il-poplu japprezza u jifhem li t-temp barra
ma jgħinx lil kulħadd biex jaħseb tajjeb, biss l-interess nazzjonali jitlob li
d-deċiżjonijiet it-tajbin jittieħdu u malajr, fl-arja kondizzjonata.
No comments:
Post a Comment