1. Tul dawn ix-xhur id-dinja marret u tidher
li għadha sejra lejn taqlib kbir. Hawn
ġlied għaddej preċiż mal-bibien tal-Ewropa.
Kwistjonijiet li qamu biċċa biċċa.
Uħud telqu għal rashom, oħrajn qabbdu lil xulxin. Il-katina ta’ azzjoni u reazzjoni qed tissoda
aktar ruħha ma’ kull jum. Id-dinja llum
mhix dik li kienet fil-bidu ta’ din is-sena.
Hawn xenarji varji ta’ kumbattimenti militari, ta’ livelli u raġunijiet
kompletament differenti. Kull parti fiha
il-periklu tagħha. Kull kunflitt qiegħed
iħarbat fi triqtu ħajjiet ta’ innoċneti.
X’ser tkun id-dinja ma nafux, wisq inqas jekk il-paċi tirrenjax.
2. Din il-katina stramba u perikoluża telqet
mill-fatt li ġewwa s-Sirja l-kunflitt intern baqa’ għaddej. Baqa’ jikkomplika ruħu b’iktar imwiet u
instabilità. Wara, is-sitwazzjoni
ikkumplikat iktar ruħha bil-kwistjoni ġewwa l-Ukrajna. L-irvelli bla waqfien kontra president li
ried jingħaqad aktar mar-Russja milli mal-Unjoni Ewropea qabbdu stat ta’
aġitazzjoni li sarrfet f’kumplikazzjonijiet kbar. It-teħid arbitrarju u kontra kull dritt
internazzjonali mir-Russja tal-Krimea ġieb ferm iktar inkwiet. Inkwiet li sarraf fil-kunflitt li beda
f’Donetsk u Luhansk li għadu għaddej sal-lum.
Eluf tilfu ħajjithom, diversi ħarbu minn djarhom. Oħrajn li ma kellhom x’jaqsmu assolutament
xejn tilfu ħajjithom meta ajruplan tal-Malasja tniżżel kiesaħ u biered.
3. Id-demm tal-innoċenti għadu jiskula
mad-dinja kollha. L-inkwiet li qabad
ġewwa l-Iraq, Gaza, Iżrael u l-Libja għandu ħaġa waħda inkomuni: ċittadini
normali tilfu ħajjithom u oħrajn tilfu ġidhom.
Kull kunflitt għandu r-raġunijiet tiegħu. Kull kunflitt jimmerita attenzjoni għax dak
li qiegħed jinġabar, aktar ma jgħaddi żmien, aktar ser jiġma. Il-qtil, l-użu tal-armi sofistikati tal-lum,
il-mibegħda li nġemgħet fis-snin huma kollha formoli għal iktar pożizzjonijiet
li minnhom diffiċli tmur lura. Dak li
qiegħed jiġri fl-Iraq b’dan il-grupp magħruf bħala “IS” idur naħa u oħra,
joqtol mingħajr ebda kontroll bnedmin li għandhom biss “id-dnub” li huma nsara
jew ta’ setet differenti minn tiegħu ser iħalli effetti kbar.
4. L-istess dak li qiegħed iseħħ fil-pajjiż
ġar tagħna, l-Libja. Il-ġlied intern
bejn il-fazzjonijiet varji huwa diffiċli li tikkontrollah u dak li qiegħed isir
ser ikollu effetti qawwija ħafna. Dak li
qiegħed jiġri fl-Iraq u fil-Libja huwa mwieled minn raġunijiet differenti. Jista’ jkun hemm elementi motivati u ispirati
mill-istess fanatiżmu reliġjuż, biss il-kurrenti u finalment ir-riżultati ser
ikunu differenti. It-tqawwif ta’ Kalifat
fl-Iraq għandu diġà l-impatt tiegħu.
Jekk dan huwiex ser jistabilixxi ruħu jew huwiex ser jiġi kontrollat
għad irridu naraw. Fuqu però jiddependi
x’ser tkun il-pożizzjoni minn dak li ser joħroġ finalment. Fuqu, żgur mhux forsi, id-dinja minn kull
kurrent qegħda tagħraf li l-IS b’saħħtu jfisser theddid għal-libertà u
d-demokrazija tagħna lkoll.
5. L-aġir tagħhom ingħaqad ma’ dak li qed
naraw fix-xenarji li semmejna diġà. Hemm
effetti immedjati u oħrajn fit-tul fuqhom li huma involuti direttament, kif
ukoll fuqna li m’aħniex. Dan għax ilkoll
ngħarfu li f’dinja globalizzata ser inkunu minsusa. L-ewwel effett dirett issarraf f’allejanzi
ġodda f’dak ir-reġjun bejn l-Iran u l-Istati Uniti tal-Amerika. Però mhux biss għax diversi stati oħra, sija
jekk Sunni jew Xiiti, xorta jagħrfu li dan l-estremiżmu partikolari li twieled
huwa bla kap u kuda u żgur mingħajr raġuni.
L-iskużi reliġjużi huma biss preamboli għat-teħid u l-użu tal-poter. Il-konfronti kollha qegħdin iwasslu
għall-konsegwenzi mhux biss militari imma wkoll ekonomiċi u soċjali.
6. L-ekonomija tad-dinja kif jgħaddi Awissu
ser tibda tara ferm iktar l-impatt negattiv ta’ dan il-ġlied. Hemm setturi ekonomiċi militari li ser
javvanzaw, imma l-oħrajn ser jaraw tnaqqis u tibdil. Ir-rotot u ingranaġġi monetarji, finanzjarji
ser nibdew narawhom jirreaġixxu għal dak li qiegħed iseħħ. L-attenzjoni mondjali ser tinġabar iktar u
iktar lejn jekk humiex ser jinsabu soluzzjonijiet. Iktar ma jgħaddu l-ġranet, iktar ser naraw
pajjiżi involuti. Dak li forsi qiegħed
isir b’ċertu forza ser jiġma b’forza ferm ikbar. Jekk illum hemm numru ta’ pajjiżi, għada
pitgħada ser ikollhom jidħlu aktar.
7. Tul dan is-sajf infetħu bibien ta’ nkwiet
li qed jgħaddi minnhom riħ qawwi.
Kurrent qawwi ta’ nkwiet u kumplikazzjonijiet li għad irridu naraw kif u
lejn x’hiex ser jiżviluppaw. Kemm aħna,
u b’mod partikolari kemm dan il-Gvern ser ikun kapaċi jifhem u jieħu
d-deċiżjonijiet it-tajba għad irridu naraw.
Il-pożizzjoni naċċettaw, ma hemm dubju, li mhix assolutament faċli, iżda
huwa fil-maltempati li l-kaptan u l-baħrin tiegħu jridu juru l-abbiltajiet
tagħhom. Sa issa, sfortunatament,
ir-reazzjoni tal-Gvern kienet kważi dejjem tard, mhux ċara jew koordinata. Nittamaw serjament li l-pożizzjoni tinbidel
malajr sabiex l-effetti ħżiena ta’ dawn il-kurrenti qawwija jiġu mnaqqsa u
kkontrollati. Ix-xhur li ġejjin jagħtuna
tweġiba.