16.7.13

Kwistjoni ta’ demokrazija



1.         Dak kollu li sfortunatament seħħ tul din il-ġimgħa f’pajjiżna marbut mal-immigrazzjoni irregolari jitlob riflessjoni.  F’dan is-settur, b’mod partikolari l-konfrontazzjoni, ma twassal għal ebda forma ta’ soluzzjoni.  Aġir li jaħrab mill-binarju ta’ diskussjoni, u finalment ta’ persważjoni, huwa żbaljat.  Min, minflok, jidħol għall-proċessi li d-demokrazija tagħtih jagħżel li jimponi fuq ħaddieħor, ikun qiegħed iressaq proposta li qatt ma tista’ sseħħ.  Illum, anzi b’mod partikolari, għandna nifhmu kemm kienet deċiżjoni tajba li dħalna fl-Unjoni Ewropea.  Ngħid dan għal żewġ raġunijiet: l-ewwel, għax mingħajr il-qafas legali li qegħdin fih kien ikun hemm min, bil-poter f’idejh, imur lura lejn aġir anti-demokratiku u t-tieni, għax permezz tagħha nistgħu nkomplu nsibu tarf u soluzzjoni għall-kumplikazzjonijiet li l-immigrazzjoni irregolari u l-ażil iġibu magħhom.  Sfida li nfakkar li bdiet qabel dħalna fl-Unjoni, u mhux wara.

2.         Allura hija, żgur mhux forsi, politika kundannabbli li b’xi mod politiku jittanta ruħu li jitkellem f’termini, f’lingwaġġi, li jagħti pjaċir lil min huwa fuq il-lemin estrem.  Min huwa elett bil-proċess tad-demokrazija moderna u avvanzata tagħna ma jistax imur lura lejn metodi dittatorjali.  Kull min qara l-istorja jaf li minn dawn it-tipi ta’ responsabbiltajiet twieldu traġedji kbar li welldu massakri u ġenoċidji.  It-tieninett, fl-Unjoni Ewropea wieħed irid ikollu l-ħin kollu id-determinazzjoni u l-preparazzjoni biex jifhem u jċaqlaq pajjiżi oħra lejn linja politika jew oħra.  Biex dan isir, kull gvern tal-ġurnata jrid jassigura li l-Ministri tiegħu, id-diplomatiċi tiegħu jkunu preparati u ffurmati biex jaħdmu fuq dik il-linja.  Kif dan jibda jsir, allura tibni rapport ta’ diskussjoni u, fuq kollox, fiduċja li jwelldu riżultati tajba.

3.         Għalhekk kien żball oħxon ieħor li tiġġieled proprju mal-Kummissarja attwali Cecilia Malmström.  Fil-ħames snin li għaddew pajjiżna kellu, għax ħadem għalih, rapport dirett l-ewwel mal-Kummissarji li kienu responsabbli għall-immigrazzjoni; u t-tieni, ma’ diversi ministri ta’ pajjiżi oħra.  Appena laħqet Kummissarja Cecilia Malmström, għażlet li l-ewwel vjaġġ tagħha jkun f’pajjiżna proprju biex tara b’għajnejha dak li konna għaddejjin minnu.  It-tieni, kienet hi li f’diversi mumenti insistiet ma’ stati oħra li pajjiżna għandu sitwazzjoni partikolari u li għandhom jidħlu biex ikunu solidali magħna.  Niftakar li, fl-aqwa tal-kriżi tal-gwerra ċivili Libjana, iffissat laqgħa apposta biex iktar stati jidħlu jaħdmu fil-programm ta’ rilokazzjoni.  Dak il-programm, li permezz tiegħu f’dawn is-snin madwar 800 ruħ bdew ħajja ġdida fi stati varji fl-Unjoni Ewropea.  Malmström qatt ma kienet kontra tagħna u ma nistax nifhem għalfejn kien hemm min ħass il-bżonn li jipprova jwaqqagħha għaċ-ċajt.  Stima tagħti lill-ħbieb, mhux disprezz.

4.         Il-gravità ta’ dan tikber meta wieħed iħares lejn x’jista’ jagħmel legalment pajjiż.  Wara l-aħħar sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, preċiżament ta’ Hirsi Jamaa, l-affarijiet inbidlu.  Inqatgħet kompletament barra l-possibilità li persuni jiġu mibgħuta lura f’pajjiżhom meta interċettati fuq il-baħar, wisq u wisq inqas li tibgħathom lura qabel ma tara jekk għandhomx dritt għall-istatus tal-ażil jew umanitarju.  Dan ix-xenarju l-Gvern għażel li jinjorah kompletament u ħa l-passi preparatorji li ra neċessarji biex jibgħat lura persuni li l-applikazzjoni tagħhom kienet għadha mhux proċessata.  Kumplikazzjoni żejda u aġir li huwa legalment arroganti.  Il-Gvern kien jaf biha din il-pożizzjoni u webbes rasu fix-xejn.  Il-konsegwenzi li ġieb fuqu u fuqna huma agħar.  L-ewwel, is-sitwazzjoni legali ġiet ferm aktar gravi fuqna għax dik il-Qorti ħarġet ordni li aħna bilfors irridu nobdu li dawn il-persuni għandhom jibqgħu hawn; it-tieni, ġiebet il-kundanna ta’ diversi organizzazzjonijiet, mezzi tax-xandir u politiċi u t-tielet, ser iġġib għada pitgħada diversi organi Ewropej hawn jinvestigaw x’sar sewwasew u għala kien ser isir.

5.         Minn dak li ġara nżilna ‘l isfel sew fl-iskaluni li rridu nitilgħu.  Tlifna vantaġġi li konna ksibna u f’ħafna, speċjalment fil-fiduċja, irridu nibdew mix-xejn.  Ngħid dan għax ma kinetx assolutament faċli għalina fl-aħħar leġislatura.  Kellna ferm iktar persuni li ġew u li llum m’għadhomx hawn mis-sempliċi 300 ruħ li waslu issa.  L-isfidi kienu ferm ikbar.  Qattajt ferm iktar sigħat imqajjem mal-lejl tul mhux ġimgħa, imma snin u ma qagħadtx nitbekka barra, wisq inqas inqajjem lill-Prim Ministru tiegħi.  Ma kellniex biex inwieġbu għal dak li ġie fuqna.  Imma rnexxielna, anki jekk kellna attakki varji, żleali u inġusti tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.  Meta spiċċajt minn Ministru, is-sitwazzjoni kienet kompletament differenti minn kif kont bdejt fil-bidu.  Hemm lista twila ta’ tibdil li sar u ħafna minnu sar mertu ta’ fondi li kien irnexxielna niġġieldu għalihom li waslu mill-Unjoni Ewropea.  Fuq kollox irnexxielna nġibu mekkaniżmu li ħadem għar-rilokazzjoni ta’ persuni minn pajjiżna għal pajjiżi oħrajn.

6.         Tul dawn is-snin dħalna fi programmi ta’ rilokazzjoni lejn l-Ewropa u lejn l-Istati Uniti tal-Amerika.  Taħt din il-ħidma ġew rilokati madwar 2,100 persuna.  Dawn, speċjalment familji, sabu assistenza minn pajjiżi oħra b’fondi varji sabiex jibdew ħajja ġdida.  Ġew mogħtija minn dawn il-pajjiżi post fejn jgħixu, fejn jaħdmu, fejn jibgħatu lil uliedhom l-iskola u fejn jingħataw servizzi mediċi.  Proċess li mhu faċli assolutament xejn.  Iktar u iktar meta nafu li biss biss, fl-Unjoni Ewropea kollha, kien hemm ‘il fuq minn 333,000 persuni li applikaw għall-ażil u għalhekk kull pajjiż kellu l-isfidi partikolari tiegħu.  Imma pajjiżna kellu diġà s-sodisfazzjon li sab soluzzjoni umana għal problema umana.  Jekk irridu nħarsu ‘l quddiem, irridu bilfors inkomplu naħdmu sabiex dawn il-programmi jikbru u jissudaw.  Gvern demokratiku m’għandux alternattivi oħra.

7.         Ir-riżultat ta’ dawn il-passi żbaljati li wettaq il-Gvern, fejn kull persuna kompliet tqum ixxomm it-tè jew il-kafè, ħallew effetti ħżiena ħafna għalina.  L-ewwel, rajna tnaqqis mir-rispett lejn id-demokrazija u lagħabna b’ideat tal-lemin estrem, tad-dittatorjati passati; it-tieni, ġeja li aħna pajjiż li lesti li naraw id-drittijiet fundamentali jinkisru għax hekk jaqbel; it-tielet, tlifna fil-kredibilità tagħna; ir-raba’, ħattejna dak kollu li kien inbena tajjeb qabel; il-ħames, daħħalna allarmiżmu żejjed fost il-poplu, qabbadna nar ta’ xenofobija u razziżmu.  L-agħar hu li qabbadna mewġa ta’ kunflitt, tgħajjir li jfakkrek fi żmien Martin Luther King jew fi Pretorja ta’ żmien l-apartheid.  Huwa ċar li l-famuż “interess nazzjonali” mar il-baħar waħda sew.  Il-Gvern, li tant kien żleali fl-Oppożizzjoni u kien jattakkana fuq dan, minflok għamel xi ħaġa mar kompletament lura u dan issa proprju kontra l-interess nazzjonali.

8.         Il-pajjiż laqqat daqqa ta’ ħarta kbira, ma hemmx dubju, u ser ikollna diffikultajiet ferm u ferm iktar minn qabel biex nerġgħu nibdew it-triq.  L-Oppożizzjoni hija verament inkwetata sew fuq dan, proprju għax taf il-konsegwenzi.  Biss, id-diskors tal-Kap tagħna Simon Busuttil kien ċar ħafna.  M’aħniex ser niżbaljaw bħalma għamel il-Partit Laburista u nikkonfrontaw fuq problema li qatt ma kellha tkun hekk.  Aħna nafu li hija politika żbaljata, bħalmakien jaf ukoll Alfred Sant li ġġib l-immigrazzjoni irregolari fin-nofs.  Bnedmin jibqgħu bnedmin, ser jibqgħu jaħarbu mill-gwerer u ser jibqgħu jippruvaw jaħarbu l-persekuzzjoni u dan ħadd m’huwa ser iżommhom.  Din hija r-realtà u jkun ħmar min jaħseb il-kontra.  Illum, proprju fil-jum li l-Franċiżi jiċċelebraw bħala dak tal-libertà u l-fratellanza, il-Gvern għandu iktar minn qabel il-ballun f’saqajh.  Irid jitlaq billi jiskuża ruħu, ifiehem il-verità lill-poplu, jixrob it-tè u l-kafè mingħajr zokkor u jerġa’ jibni dak li konna bnejnilu aħna.  Soluzzjonijiet faċli ma hemmx, biss irid jassigura li l-proġett ta’ rilokazzjoni jkompli jaħdem u jiżdied.  Fl-aħħar mill-aħħar, din hija kwistjoni ta’ demokrazija, ta’ dinjità umana, ta’ drittijiet fundamentali li aħna rridu nassiguraw li jibqa’ jkollna fuq dawn il-gżejjer.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...