17.3.13

Mill-bank tal-Oppożizzjoni




1.         Mhux ser inkun b’xi mod apoloġetiku dwar ir-riżultat li l-partit ġieb fl-aħħar appuntament elettorali tiegħu.  Dak hemm qiegħed u fih diversi messaġġi li tajjeb li wieħed jirrifletti dwarhom.  Messaġġi direttissimi lejna, u oħrajn lejn il-klassi politika kollha kemm hija.  Iċ-ċaqliq fl-elettorat ta’ bejn wieħed u ieħor 6% huwa, f’termini tal-politika Maltija, “tsunami”.  Kważi fl-istess jum meta l-Ġappun kien qiegħed ifakkar dak il-mument sfortunat u mill-ikreh, aħna konna qed naraw ir-riżultat ta’ dak li konna qegħdin immissu imma li ma bdejniex nirrealizzaw biżżejjed.  Kien hemm diversi aspetti li setgħu jwassluna li nifhmu verament li l-poplu mexa ferm iktar ‘il quddiem miż-żewġ partiti proprju għax id-demokrazija qegħda hemm u hija libera.

2.         Is-skiet ta’ parti sostanzjali tal-elettorat, li kien jawguralek imma jibqa’ attent u lura, kellha tkun indikazzjoni li kollox kien qiegħed jimmira lejn direzzjoni waħda.  Ħassejt li ħafna għamlu hekk għax riedu li jkollhom il-libertà assoluta li jesprimu ruħhom fil-kaxxa tal-vot.  Mhux għax neċessarjament saru ta’ partit jew ieħor, anzi għax riedu jibdlu  mingħajr ma jintrabtu li fil-futur jaġixxu bl-istess mod jew ieħor.  L-akkużi reċiproċi fl-aħħar dwar atti ta’ korruzzjoni u l-proċessi penali li segwew ġiebu stmerrija minn ħafna mill-elettorat fuq iż-żewġ partiti.  Kien hemm reazzjoni, l-ewwel, għall-fatt li dan sar fl-aħħar u mhux fil-mument meta nqalgħu; u t-tieni li kull politiku beda jiġi mqiegħed fid-dubju fuq dak li huma l-kwalitajiet tiegħu.

3.         Il-messaġġ huwa dirett biċ-ċar lejn il-bżonn li l-klassi politika ġġib ruħha sewwa, b’integrità, onestà, rispett reċiproku u serjetà.  Kif ukoll li tifhem li l-elettorat m’għadux lura u sar jifhem ferm u ferm iktar milli naħsbu.  Fit-triq twila ta’ din il-kampanja ltqajt ma’ ħafna li għamluli analiżi politika preċiża u korretta.  Ma qagħdux lura milli jesprimu l-kritika ċara u diretta tagħhom lejn ħafna punti u passi.  Għalija kienu dejjem iktar sinjali ċari li l-pajjiż qiegħed jixba bil-mod ta’ kif saret il-politika.  L-azzjonijiet ħżiena, id-daqqiet tas-sejf u l-kliem żejjed dejqu.  Il-pajjiż kien spettatur parteċipi attiv, mhux passiv, ta’ dak li seħħ fil-Parlament.  Id-diskors żejjed, in-nuqqas ta’ solidarjetà u l-adurazzjoni lejn il-poter ġiebu ħafna togħmiet morri f’ħalq diversi.

4.         Il-kampanja minnha nfisha, fit-tul tagħha, dejqet ukoll lill-elettorat tagħna.  Ġieb biċċa negattiva fuqna.  Min-naħa l-waħda l-fatt li x-xandir kien kollu bumbardament, jiġifieri filgħodu, wara nofsinhar u darbtejn filgħaxija b’politiċi jaqbżu għal għonq xulxin u min-naħa l-oħra li dehret li din hija xi forma ta’ oppressjoni medjatika li kien hemm bżonn li tispiċċa.  Billi konna aħna lkoll li ddeċidejna dan, sar x’sar fl-aħħar tlett ġimgħat tal-kampanja kien kollu għalxejn.  Fid-djar tan-nies, flok xi dibattitu kont tara stazzjonijiet oħra li ma fihom politika ta’ xejn.  Diversi, iktar fl-aħħar jiem, kellhom sens ta’ liberazzjoni, li ser ineħħu dak li kien qiegħed idejjaqhom u dan sibtu għand dawk kollha ta’ opinjonijiet differenti, li rrid ngħid li baqgħu paċenzjużi magħna u jiftħulna l-bieb ta’ djarhom.

5.         Wara jum ta’ laqgħat u fil-kumulu ta’ ġimgħat, kont inħossni li qiegħed iktar u iktar minn qabel naħdem solu kontra l-kurrent.  Kontra dan il-kurrent qawwi ta’ nies li vvutawlna fil-passat li però f’qalbhom riedu bidla.  F’ħafna ħassejt, anzi, li dan ma kienx ċaqliq minħabba din il-leġislatura, imma kumulu ta’ oħrajn passati.  Fl-1998 kien hemm reazzjoni kontra l-Gvern Laburista, fl-2003 kien hemm il-pass pożittiv favur l-Unjoni Ewropea u fl-2008 kien hemm il-biża’ li ser jerġa’ jiġi lura l-Partit Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998.  Dawn il-kunsiderazzjonijiet żammew lin-nies ikomplu jivvutaw fuqna b’maġġoranzi varji.  Però issa dehrilhom li kien il-mument meta l-Partit Laburista jistgħu jafdawh, anzi aħjar li jippruvaw lill-mexxej tiegħu anke jekk mhux neċessarjament li jerġgħu jaraw uċuh mill-passat.

6.         Personalment nistqarr li kienet ta’ sofferenza akbar nara dan kollu jseħħ quddiemi, aktar u aktar meta kien hemm ħidma validissima li nħoss li ma ġietx apprezzata tajjeb biżżejjed.  Waqt il-kampanja kont dejjem konxju li stajt nispiċċa barra mill-Parlament.  Xorta rajt li għandi nibqa’ nwettaq dmiri lejkom u lejn il-partit, għax hekk titlob l-irġulija.  Ma rajtx li jkun pass ta’ lealtà li nabbanduna l-vapur, imma li  nkompli għaddej anke jekk kont qiegħed nissogra li wara noqgħod niġi mgħajjar li għeriqt.  Minkejja dan kollu, u dak kollu li kelli ngħaddi minnu, ġejt elett u ta’ dan nirringrazzja lil dawk kollha li wrew fiduċja fija.

7.         Biss, issa, fuq il-bank tal-Oppożizzjoni qegħdin.  Hemm ħafna xogħol li jrid isir.  Il-partit jerġa’ jorganizza ruħu, jiġu lura lejn iċ-ċentru u ma jmurx lejn il-lemin.  M’hemmx bżonn sajjetti jew xogħol tal-għaġġla, iżda dan għandu jsir bil-għaqal, bil-paċenzja u bis-sabar.  Irridu nerġgħu nduru magħna nfusna.  Niltaqgħu iktar spiss u nifhmu żewġ punti importanti: l-ewwel, nifhmu kemm verament il-partit biddel lis-soċjetà bil-programmi ċari u diretti fl-edukazzjoni għax hemm maturità ikbar u li, fl-opinjoni tiegħi, qabżet lil dik taż-żewġ partiti.  It-tieni, li għandna nippreparaw lill-partit, l-ewwel fil-ħidma diretta fl-Oppożizzjoni; u t-tieni, lejn li jkollna wieħed li kapaċi jisfida partit ieħor immexxi minn Prim Ministru li nippreżumu li ser ikollu, sa dak iż-żmien, esperjenza ta’ ħames snin u ta’ ċerta età.

8.         Żgur mhux forsi, biex dan isir irridu mmorru lura għal proċess ta’ djalogu mas-soċjetà biex nifhmu, u t-tieni, li nibnu mill-ġdid id-diversi kumitati u sezzjonijiet.  Nara prijorità li nagħżlu u nifformaw tajjeb lill-kandidati, b’mod partikolari li nifhmu iktar xi jfisser li aħna demokratiċi nsara.  Hemm diġà ħafna bnedmin validi li ħadmu, u għadhom lesti li jservu, kif ukoll b’mod partikolari diversi oħrajn ġodda li lesti jidħlu magħna.  Il-vuċi tal-partit qegħda tħares lejn dan il-bżonn ta’ organizzazzjoni, formazzjoni u preparazzjoni.  Iktar ma dan isir b’attenzjoni u perseveranza, mingħajr atrit jew ġlied intern, tant aħjar.  Hemm triq twila quddiemna, iżda jiddependi minna kemm ser nimxuha tajjeb.  Jekk iva, ma hemmx dubju li ser naslu.

4.3.13

Il-Politika tas-Sewwa




1.         Wasalna fl-aħħar tal-kampanja elettorali li kienet u għadha, minnha nfisha, barra mis-soltu.  Kien hemm, u għad hemm, konfront ta’ ideat għaddej.  Il-poplu forsi ġie bumbardat b’ħafna messaġġi varji u b’metodi differenti.  Żgur mhux forsi, il-Partit Nazzjonalista baqa’ wieħed rilevanti, progressiv u kapaċi jwassal ‘il quddiem dak li jemmen fih.  Dak li jrid sabiex dan il-pajjiż jibqa’ jimxi verament ‘il quddiem.  Il-vantaġġi prinċipali tal-partit huma varji, però l-iktar tnejn evidenti huma: l-ewwel, l-esperjenza li nbniet f’dawn is-snin; u t-tieni, l-abbiltà tal-Prim Ministru li żamm ir-riedni tal-Istat.

2.         Id-dgħajsa ta’ dan il-pajjiż għaddiet, u għadha għaddejja, minn diffikultajiet kbar.  Il-maltemp konna fih u għadna ma ħriġniex minnu.  Id-diffikultajiet finanzjarji li ħakmu lid-dinja, u b’mod dirett lill-ġirien Ewropej tagħna, ma telqux.  Jidhru li telqu, però qed jiġu kkontrollati u r-realtà hija li kif wieħed jitlaq mill-attenzjoni li hemm bżonn, allura jerġgħu jħabbtuna sew.  Min jaħseb li dawn l-aħħar snin kienu faċli ma jafx x’inhuwa jgħid.  Minkejja l-kumplikazzjonijiet varji li għaddejna minnhom, xorta waħda l-ekonomija baqgħet ħajja u t-tessut tas-servizzi soċjali ma ttikilx, anzi ġie xorta miżjud.

3.         Il-kaxxa ta’ Malta baqgħet hija wkoll waħda soda.  Għall-kuntrarju ta’ diversi Stati Ewropej oħra, pajjiżna baqa’ fost il-ftit li baqa’ jiġi mfaħħar fuq il-ħidma tiegħu.  Imfaħħar fir-rata tal-progress, tal-avvanz u li żamm mal-marġni li s-serjetà finanzjarja trid.  Fortunatament għalina, rajna s-suq tax-xogħol jikber u l-fiduċja tal-investituri fina ma naqsitx.  Mill-Unjoni Ewropea komplejna nieħdu aktar gwadann.  Komplejna nimxu ‘l quddiem biex akkwistajna fodni varji li assiguraw tkabbir f’setturi varji u, fl-istess ħin, komplew iggarantewlna l-għixien tagħna.  Bil-fondi Ewropej, li dan il-Gvern kien fost l-iktar kapaċi fl-istess Unjoni li jonfoq u juża tajjeb, stajna niddedikaw flus għal setturi li konna ilna nixtiequ li nkabbru.

4.         Is-setturi li ħadu gwadann prinċipali kienu dawk tal-edukazzjoni u s-saħħa.  Hawn stajna nkomplu nagħmlu qabżiet fil-kwalità li qatt qabel ma kien irnexxielna nwettqu.  L-apparat modern li ġie mixtri u ġie kontinwament użat għall-ġid tal-poplu tagħna, kif ukoll il-kwantità kbira ta’ mediċini li baqgħu jiġu servuti mingħajr ħlas huma kollha mertu ta’ dan l-għaqal.  Għax it-tmexxija ta’ pajjiż titlob ħafna għaqal.  Titlob attenzjoni f’dak li wieħed qiegħed jonfoq, u fuq x’hiex qiegħed jagħmel dan.  F’ħafna sens, dan il-Gvern huwa vittma tas-suċċess tiegħu proprju għax irnexxielu javvanza fejn ħaddieħor ma rnexxilux.

5.         F’kuntrast, kull min isiefer barra minn xtutna jaf, għax ra u sema’ dak li pajjiżi oħra għaddew minnu.  Kemm persuni tilfu l-impieg, kemm l-ekonomija marret lura, kemm għalqu ħwienet, kemm tnaqqsu l-pensjonijiet u s-servizzi soċjali huwa fatt li aħna ngħarfu.  Pajjiżna, fortunatament m’għaddiex minn dan proprju għax ħaddanna għal ħafna ħin il-politika tas-sewwa.  Dik li tħares li l-ekonomija tkun għas-servizz tal-bniedem u mhux il-kontra.  Dik li tħares lejn kif tipproteġi d-dinjità tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol u, fl-istess ħin, tiggarantihielu.

6.         M’huwiex bilfors li dan il-pajjiż irid jitmexxa mill-Partit Nazzjonalista għal-leġislatura li ġejja, però għal min jagħraf dak li għaddejjin minnu, allura jaf li huwa kien kapaċi jmexxi ‘l quddiem bil-politika tas-sewwa tiegħu.  Il-pajjiż jista’ jibqa’ fuq it-triq it-tajba, jista’ jibqa’ jvinċi dak li għadu ġej jekk ikollu idejn sodi u mimlija b’esperjenza, bħal ma għandu Lawrence Gonzi.  Li wieħed jissogra u jesperimenta jġib f’riskju dan kollu.  Illum nafu fejn aħna, għada le.  Proprju għalhekk li nħeġġeġ sabiex, wara riflessjoni tajba, tikkonvinċu ruħkom li vot għall-partit tagħna huwa wieħed għas-sewwa tagħna lkoll.

Wasalna fl-aħħar tal-kampanja




1.                  Fl-aħħar qed naqbżu l-aħħar Ħadd li qiegħed jeħodna għall-aħħar ftit jiem ta’ din il-kampanja twila.  Tul dawn id-disgħa ġimgħat rajt lill-elettorat ta’ dan il-pajjiż jiċċaqlaq u jirreaġixxi għal dak li kien għaddej.  Fil-bidu kien hemm ħafna entużjażmu fost uħud, imma dan tilfuh aktar tard.  Oħrajn bdew isegwu fl-aħħarnett, kif dejjem jiġri.  Hu x’inhu, għandna quddiemna proċess elettorali mill-iktar diffiċli.  Wieħed li għalih m’jinix ċert kemm hemm għarfien ta’ x’inhuma l-punti li fuqhom wieħed għandu jikkonċentra.

2.                  Ngħid dan għax il-fatt li l-pajjiż ġie bumbardat bi programmi politiċi ma rajthiex wisq popolari.  Il-fatt li filgħodu, f’nofsinhar, wara nofsinhar, fis-sitta, fit-tmienja u fl-għaxra ta’ filgħaxija kullimkien hemm l-istazzjonijiet prinċipali għaddejja ma tantx kienet proprju indikata.  Iktar u iktar meta, f’numru ta’ programmi kien hemm tfigħ tat-tajn politiku fix-xejn, b’dibattiti li ma jwasslu mkien salv għal konfużjoni ġenerali.  Sibt numru sew ta’ persuni li fi djarhom iddikjaraw li ma jridu jsegwu xejn u anzi li qed jieħdu l-impressjoni li kull min qiegħed jagħti servizz fil-politika m’huwiex proprju rett.  Dan minnu nnifsu nkwetani.

3.                  Il-gazzetti, u dawk elettroniċi wkoll, f’din il-kampanja tilfu mill-impatt tagħhom.  Il-pajjiż naqqas sew fix-xiri jew fil-qari sħiħ ta’ dak li jkun hemm għaddej.  Intilef l-interess u miegħu wkoll xi forma ta’ gidba jew kurżità biex tkun taf dak li huwa verament ġdid jew tajjeb.  Li żgur għamel iktar impatt kien il-famuż “Facebook”.  Rajt iktar nies jidħlu jaraw x’qed jiġri u jippruvaw isegwu dak li jkun qiegħed jitla’.  Hemm interazzjoni aqwa u verament diretta li biha tista’ tasal għand dawk li jridu jarawk imma mhux neċessarjament jiltaqgħu miegħek.  Biss, hawn ukoll ħassejt: l-ewwel, li hemm ħafna nervożiżmu u messaġġi qosra aħjar u t-tieni, li kien hemm ukoll forom ta’ abbuż minn dawk li ma fehmuhx.  Huwa finalment strument soċjali u għalhekk mhux faċli tittrasformah f’wieħed politiku.

4.                  Anke fil-mezz l-antik tal-fuljett fid-djar rajt tibdil.  Diversi ma rawhomx.  Kull ma għamlu kien li ġabruhom fl-aħħar tal-ġurnata u rriċiklawhom.  Nuqqas ta’ interess fuq naħa u fuq l-oħra s-sens ta’ telf ta’ żmien tara jew dak li diġà taf, jew m’intix proprju interessat li tkun taf.  Rajt, bħas-soltu, ħafna karti barra.  Biss, skantajt kemm kandidati tal-Partit Laburista għamlu mhux biss fuljetti imma kważi libretti b’folji u stampi kbar.  Sinjali differenti mis-soltu.  Biss, nibqa’ niddubita kemm verament rawhom u kemm inżammu, almenu għal iktar minn jumejn fid-djar.

5.                  Fid-djar għad hemm l-impatt dirett.  Sibtni diversi drabi niġi mistoqsi domandi interessanti, speċjalment minn min ser jivvota għall-ewwel darba.  Biss, hawn ukoll missejt parti mill-elettorat li, għall-ewwel darba, iddikjara li m’huwiex interessat li jipparteċipa b’xi mod.  Dan xorta ma jfissirx li wieħed m’għandux jiltaqa’ mal-elettorat.  Iżda, f’ħafna mumenti, ħassejtni li l-votant tradizzjonali naqas u issa hemm mewġa oħra li nħoss li anqas wieħed mill-partiti ma huwa jifhem.  Qed niġu ssuperati u hemm għeluq għalina jekk nippruvaw ngħaddu fit-toroq ta’ qabel.

6.                  Wasalna fl-aħħar tal-kampanja elettorali u nittama li f’dawn l-aħħar jiem, il-partiti jirnexxilhom iwasslu verament il-messaġġ sħiħ tagħhom.  Hemm f’ħafna mħuħ konfużjoni ġenerali ta’ x’jirrappreżenta wieħed u x’jirrappreżenta l-ieħor.  Dan speċjalment għall-Partit Nazzjonalista li għandu programm elettorali li huwa bażat fuq dak li jista’ verament jitwettaq ġdid.  Dan għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li huwa maqsum bejn dikjarazzjonijiet li ser jibqgħu jwettqu dak li aħna qed nagħmlu diġà u proposti li ma jistgħux isiru jew, it-tieni, li huma ambigwi għax ifissru differentement għal kull persuna.

7.                  X’ser ikun l-eżitu tal-kampanja, finalment inkunu nafu l-Ħadd li ġej.  Nittama però li nifhmu iktar dak li għaddejjin minnu f’dawn il-jiem u nappella sabiex min ser jivvota jieħu ħsieb jifhem sewwa x’inhuma l-punti li jimmeritaw attenzjoni vera.  Fuq dan nassiguraw li nimxu ‘l quddiem u mhux nieqfu u mmorru lura.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...