1. Il-pubblikazzjoni ta’ żewġ abbozzi ta’ liġi, kif imħabbra nhar il-Ħamis, 30 ta’ Settembru mill-Prim Ministru f’konferenza stampa, għandhom iservuna bħala passi ta’ għaqda u mhux ta’ konfront. L-abbozzi ta’ liġi li jdaħħlu l-kunċett tal-Whistleblower u dak li jemenda fil-fond il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni huma opportunità unika sabiex iż-żewġ naħat tal-Kamra jingħaqdu. Hawn opportunità għal iktar maturità u għarfien lill-poplu li kull naħa, Gvern u Oppożizzjoni, huma kontra l-illegalità u l-korruzzjoni.
2. Għalkemm hemm min jaħseb li f’dan il-perjodu partit jista’ jirbaħ punti politiċi billi jimplika u jakkuża lill-ieħor b’aġir żbaljat, b’dak ta’ korruzzjoni, fir-realtà mhux qed jinduna li qiegħed iċekken il-klassi politika kollha. Kemm ilni fil-politika ppruvajt ma naqax fin-nassa li ngħajjar lill-membri taN-naħa l-oħra bħala persuni li huma korrotti. L-ewwel, għax ma nemminx li xi ħadd miż-żewġ naħat tal-Kamra huwa korrott, anzi nemmen li nkun qed nikkorrompi t-tessut demokratiku jekk nallega li xi ħadd huwa korrott, meta naf li dan mhux! It-tieni, għax nagħraf li l-Parlament għandu jkun dejjem magħqud kontra l-korruzzjoni li ssir barra u li, meta nidħlu f’kontroversji politiċi inutili tispiċċa minflok tinqabad, tiżgiċċa u taħrab.
3. L-Oppożizzjoni, anke jekk ma taqbilx ma’ dan għax forsi tħoss li qegħda titlef “xi żiemel tal-battalja”, trid tirrikonoxxi li min huwa korrott ma jagħmilx miżuri legali intenzjonati sabiex jinqabad, imma jaħrabhom u ma jagħmilhomx. Naħseb li huwa żball politiku fit-tul li l-partit mhux fil-Gvern jipprova jċekken dawn il-miżuri li qegħdin jingħaqdu ma’ diversi oħra. Ħidma fid-direzzjoni opposta hija iktar indikata fil-klima politika tal-lum, fejn aktar persuni fl-elettorat tagħna jħarsu lejna b’xettiċiżmu u kritika, fejn kull pedestall jew rispett tmermer. Irridu ningħaqdu għall-politika t-tajba, li t-tnejn nittama li rridu.
4. Ma nippretendix ftaħir għal dawn il-passi legali, li fihom qegħdin ninkludu atti ta’ illegalità u korruzzjoni fis-setturi privati, kummerċjali u pubbliċi, però naħseb li jkun żball li nippruvaw nitqatlu meta t-tnejn għandna nagħtu sehemna iktar. Għamilna ħilitna sabiex infasslu abbozzi ta’ liġijiet li jwieġbu għall-kumplessità u għall-iżviluppi tal-lum. Ikun żball tal-Oppożizzjoni li, flok tieħu sehem bil-kalma mingħajr polemiċi żejda, topponi u ċċekkinhom. Il-verità hija li hemm lista’ twila ta’ liġijiet li saru tul dawn l-aħħar snin sabiex inżidu fil-mekkaniżmi ta’ kontroll li hawn il-bżonn li nwassluhom lill-poplu, miż-żewġ naħat tal-Kamra.
5. Huwa żball li bil-kritika nagħtu l-impressjoni li dawn l-għodda legali u amministrattivi favur, u għad-disposizzjoni taċ-ċittadin, ma jeżistux. Meta nagħmlu dan inkunu qed insaħħu l-korruzzjoni u l-illegalità għax in-numru ta’ persuni li qed jaraw u ma jitkellmux u li jridu jersqu 'l quddiem biex jirrappurtaw, jonqos. L-impressjoni li tingħata bil-misinformazzjoni hija fiha nnifisha kontro-produċenti għax flok turi li hemm sistema, li min verament ikkommetta atti ta’ korruzzjoni hemm liġi li tikkastigah; hemm diversi, anzi hemm varjetà ta’ istituzzjonijiet li jinvestigaw tali fatti u jieħdu l-passi jekk ikun il-każ, dak li jkun minflok jaħseb li dawn ma jeżistux, u min iwettaq dawn l-atti jibqa’ ma jinqabadx.
6. Issa, iktar u iktar bl-abbozz ta’ liġi dwar il-“Protezzjoni ta’ Min jiżvela Informazzjoni li tkun Protetta” ser ikun hemm għodda għal dak il-ħaddiem li qiegħed jara irregolarità, illegalità fil-post tax-xogħol u li flok jimxi 'l quddiem u jirrapporta, joqgħod lura u ma jitkellimx. Dan l-abbozz iżid fit-trasparenza, fil-kontabilità, fil-legalità, imma fuq kollox iżid fil-valur tax-xogħol għall-ħaddiem Malti u Għawdxi. Iżid, l-ewwel, għax jara tibdil u osservanza tal-liġi fil-post tax-xogħol, fl-ambjent, fil-kundizzjonijiet ta’ saħħa tiegħu; u t-tieni, jassigura aktar l-istabilità tal-post tax-xogħol tiegħu, tal-impjieg tiegħu għax jassigura li l-kumpannija li jaħdem fiha taħdem skond is-sewwa u tosserva l-kapital tal-patrimonju tagħha u mhux titilfu fl-illegalità.
7. Hawnhekk hawn opportunità unika għall-politika Maltija. Meta naħa tgħajjar lill-oħra bil-korruzzjoni, bl-aġir żbaljat, ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li fost il-poplu kulħadd jaħseb li naħa hija korrotta u ma jibdewx l-ispekulazzjonijiet u l-għidut fuq min ikun xeħet it-tajn. Mingħajr konfronti u polemiċi inutili għandna nibgħatu l-messaġġ hemm barra li ż-żewġ naħat tal-Kamra huma magħquda kontra l-korruzzjoni. Dawn l-abbozzi saru bl-ikbar serjetà u ħadna l-passi kollha neċessarji sabiex ikollna l-aqwa liġijiet li jiffunzjonaw f’pajjiżna u għalhekk nappella sabiex flok inċekknuhom, ningħaqdu sabiex ikunu mezzi effikaċi u diretti li l-poplu, il-ħaddiem ikollhom fiduċja sħiħa fihom sabiex jużawhom kif jixraq.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Posts (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...