11.8.13

Kundanna lid-demagogija.



1.                  Wara l-aħħar gwerra dinjija, il-politika nbidlet fuq diversi punti.  L-esperjenzi li d-dittatorjati għaddew lill-Ewropa u lid-dinja sarrfu f’diversi deċiżjonijiet li permezz tagħhom id-demokrazija bdiet triq ferm iktar soda minn qatt qabel.  Filwaqt li f’moħħ uħud kien hemm dubju dwar liema sistema hija l-aħjar għall-bniedem u għas-soċjetà li huwa jgħix fiha u jorganizza, wara dan inbidel kollox.  Inbeda proċess, speċjalment minn dawk id-diversi politiċi li daqu l-imrar tad-dittaturi, li bih kull rabta, kull forma marbuta ma’ aġir anti-demokratiku u dittatorjali għamlu ħilithom biex jispiċċaw.  It-tieni, bdew metodi ġodda li jmorru dijametrikament opposti għad-dittatura u dan biex jassiguraw il-libertà u l-ġustizzja.

2.                  L-iktar importanti, kull kostituzzjoni assigurat kapitolu ċar u sod fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, ta’ kull persuna umana jiġu protetti.  Kull bniedem, hu x’inju l-kulur tal-ġilda tiegħu, ir-reliġjon li jħaddan, għandu drittijiet li twieled bihom li ebda persuna oħra, hi min hi, m’għandha dritt li tneħħilu.  L-aġir tar-reġimi nażisti u faxxisti kontra l-Lhud, u kategoriji oħra, flimkien mal-falsità li hemm xi razza superjuri għall-oħrajn, ġiebu reazzjonijiet diretti, b’saħħithom sabiex possibilment ma jiġux ripetuti fl-istorja tad-dinja.  Dik kienet il-falsità li proprju f’’dawn il-jiem, sebgħa u sebgħin sena ilu l-mibki atleta James Cleveland “Jesse” Owens kisser fl-Olimpjadi ta’ Berlin.  F’dawk il-jiem, f’Awissu tal-1936, proprju fil-qalba tan-nażismu Berlin fejn ir-razza arjana kellha turi kemm hi superjuri, sfat pruvata l-kontra.  “Jesse”, ta’ ġilda sewa, fit-3, l-4, il-5 u d-9 ta’ Awissu rebaħ erba’ midalji tad-deheb in fila fl-atletika.

3.                  Meta wieħed iħares lura lejn dak kollu li għaddiet minnu d-dinja, ma jistax ma jgħaddilux minn moħħu li kienu d-diskorsi demagoġiċi ta’ żewġ dittaturi li ġiebu t-traġedji li għaddejna minnhom.  Kaxkru diversi f’toroq bla sens, intenzjonati biss biexi iġibu warajhom bnedmin lejn ħolm vojt għall-popolarità personali tagħhom.  Il-politiċi, diversi minnhom, jaħsbu li iktar ma tkun popolari, iktar tkun tajjeb.  Iktar ser jassiguraw isem fl-istorja.  Biss, il-voti u l-popolarità jistgħu jinkisbu b’żewġ metodi importanti – wieħed dittatorjali u l-ieħor demokratiku.  Wieħed dak li tuża d-demagoġija, l-ieħor li tuża r-raġuni.

4.                  Id-demagoġija ġiet espressament abbandunata mill-politiċi kollha li bnew l-Ewropa moderna tal-lum.  Taqra fejn taqra ssib kontinwament dikjarazzjonijiet ta’ bnedmin b’viżjoni, demokratiċi li ħadmu għal-libertà u l-ġustizzja li jiddikjaraw li ma jridux jużaw dak l-argument politiku ikrah.  Għax id-“demagoġija”, kif jgħid il-mibki Erin Serracino Inglott fil-Miklem tiegħu hija: “sengħa kif wieħed iqanqal in-nies billi jolqothom fid-debboli tagħhom biex iħalluh imexxihom kif jidhirlu, wkoll jekk m’hux skond il-loġika jew ir-raġuni.”  U taħt “demagogu” jkompli jgħid: “demokratiku mħassar jew korrott; xewwiex politiku”.  Illum nitkellmu fuq fuq populiżmu li m’hija xejn ħlief reinkarnazzjoni pulita tad-demagoġija.

5.                  Fil-ħidma politika, kull bniedem isib diversi tentazzjonijiet sabiex jikseb il-popolarità minn fuq dahar ħaddieħor.  Jidher sabiħ hu billi jkerrah lill-oħrajn.  Strument perikoluż li minnu, għalkemm faċli ħafna tidħol fih, diffiċli biex iżżommu lura. Iktar u iktar dawk li għandhom f’rashom idoli politiċi li ġejjin mill-kamp ta’ dawk li kienu jew dittaturi, jew psewdo-dittaturi.  Illum li għalaqt ħmistax-il sena fil-ħajja politika attiva ngħid li għamilt ħilti kollha biex ma nkunx demagoġiku, anzi li nuża l-forza tar-raġuni biex nipperswadi lill-elettorat.  Persważjoni bażata fuq l-użu tar-raġuni, mhux tal-passjonijiet.  Jekk jien verament politiku demokratiku li nagħti valur lil din is-sistema, irrid jien ukoll nieħu ħsieb li ma nixħetx velenu fiha.  Kemm kienet tkun faċli li naqbad dik it-triq proprju wara snin twal ta’ ħajja fl-eżerċizzju tal-professjoni legali fejn titgħallem l-arti ta’ kif tipperswadi u kif taġixxi.

6.                  Insemmi dan proprju din il-ġimgħa, meta rajt numru sew ta’ persuni f’dan il-pajjiż iħossu li għandhom xi dritt leġittimu li jgħajru lill-Kummissarja Cecilia Malmström b’diskors bla sens.  Kundannabbli, ma hemmx dubju, minn kull min huwa verament demokratiku.  Waqqgħulna wiċċna l-art.  Biss, iktar mid-diskors ta’ mistħija, wieħed irid jara wkoll li dan huwa konsegwenza ta’ messaġġ politiku żbaljat.  Ta’ messaġġ li l-persuni li huma immigranti irregolari ġew imqabbla ma’ oġġetti.  Ta’ nies li tneħħitilhom kull forma ta’ dinjità u ġew identifikati bħala l-għedewwa tas-soċjetà.  Dawk li ġejjin biex jeħduna, biex jibilgħulna l-kultura, ir-reliġjon u allura fis-“suppost” interessi nazzjonali rridu nneħħuhom.  Niftakru li fil-Ġermanja tal-1936 dan kien ukoll il-messaġġ politiku li ġieb diżastru sħiħ.

7.                  Żgur mhux forsi ntbagħat ukoll il-messaġġ żbaljat li l-Kummissarja Malmström, li naf li ħadmet sew favur pajjiżna, għandha hija xi parti minn din is-sitwazzjoni u qed taġixxi kontra tagħna.  Il-kumment li hija għandha teħodhom f’pajjiżha l-Iżvezja kien assolutament barra minn loku u kundannabbli.  Gravi ħafna, li f’demokraziji normali kienu jitolbu sanzjoni u skużi politiċi diretti u ċarissimi.  Ir-realtà hija li min jittanta jilgħab bid-demagoġija jġib lilu nnifsu f’dawn is-sitwazzjonijiet.  Iġib lilu nnifsu parti minn aġir ta’ irresponsabbiltà ta’ ħaddieħor.  Id-demokrazija ma tippermettix li min jixħet il-ġebel jaħbi idu, imma trid trasparenza u użu dirett tar-raġuni.  Jista’ jkun li hemm min jieħu għalih fuq dan li ktibt, imma nħossu dmir li ngħidu għax għandi dubji kbar kemm ħaddieħor qed jgħidulu.  Nittama li fil-futur nisimgħu aktar bl-użu tar-raġuni u ma nisimgħux iktar diskorsi demagoġici li jġibu dawn il-konsegwenzi.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...