7.5.18

Mhux Għal Dan Ivvutajna.

1.   Hekk smajt persuna tgħidli tul din il-ġimgħa.  Votant li jikkunsidra ruħu la li huwa fuq naħa, u anqas fuq in-naħa l-oħra tal-politika.  Wieħed li jħares li jara kif sejrin l-affarijiet fil-pajjiż u jiddeċiedi għal rasu; parti mill-maġġoranza li nbniet mill-Partit Laburista f’dawn l-aħħar għaxar snin.  Huwa fost dawk li qegħdin jifhmu li hemm effett kumulattiv għal dak kollu li qiegħed iseħħ f’pajjiżna.  Li issa dħalna f’dell li jrid iżid iktar lilu nnifsu fl-iswidija.  Dan fir-rapporti negattivi varji, fejn isem pajjiżna jiġi msemmi f’kuntensti xejn tajba, b’kummissjonijiet li jridu jiġu jifhmu u jistaqsu kif inqlibna ta’ taħt fuq.

Koreografija politika

2.   Il-vot, kull ċittadin tagħna jużah għall-ġid, u mhux għad-deni tiegħu nnifsu.  Biss, kif qegħdin naraw, il-fiduċja li tingħata toħloq effetti varji f’min jirċeviha.  Għandi suspett li dan il-kliem qaluli wara l-aħħar meeting li sar mill-partit tal-Gvern.  It-ton użat, il-ġestikular, il-mod sħiħ ta’ kif twassal il-messaġġ bagħtu messaġġ ċar għal min ma marx imma baqa’ d-dar jisma’ waħdu u jirrifletti.  L-istil sħiħ ta impressjonijiet varji li welldu l-ħsieb li kollox kien ippreparat b’koreografija politika li tabbanduna dak ġenwin.  Fejn, sfortunatament, anki l-messaġġ kien, f’diversi mumenti, diviżiv.

Il-poplu jippretendi aħjar

3.   Il-poplu jippretendi li jkun hemm tmexxija serja, ikun hemm min ikun hemm fil-poter.  F’dan, ma hemmx dubju, fil-bidu tal-2013 kien żamm f’moħħu li l-partit kien ilu żmien twil fl-Oppożizzjoni, u allura tilef ċertu esperjenza fit-tmexxija tal-poter.  Biss, f’din it-tieni leġislatura, minn dan il-Gvern il-poplu qiegħed jippretendi aħjar.  Jippretendi li jwieġeb għall-isfidi li għandu quddiemu, u mhux jaħrab minnhom.  Id-demokrazija, il-ġustizzja, il-valur u t-tħaddim tagħhom huma, u jibqgħu, parti essenzjali li ħadd ma jista’ jaħrab minnhom.  Biss, għal din ix-xewqa u xenqa leġittima, il-Gvern tilef kull sensittività.

Oratorija inkontrollata

4.   Fl-1 ta’ Mejju, diversi stennew li d-diskors kien ser ikun iktar kalm u attent, fejn jiġu mħabbra deċiżjonijiet li jirrettifikaw u jġibu lura r-reputazzjoni tajba li konna qegħdin ingawdu.  Minflok, il-ħarba kienet fuq deċiżjonijiet li wħud mhumiex popolari, u oħrajn li ilhom jiġu mħabbra, riċiklati u mistennija.  Anzi f’mumenti kienu qegħdin jidhru, minflok, fl-oratorija inkontrollata sinjali li jixbħu ħafna rabja.  Saħna u korla li kienet qed tibgħat il-messaġġ li jersaq lejn dawk li l-poter jibdew iħaddnuh b’mod awtoritarju.  Dak li mhuwiex aċċettabbli għalina lkoll ħareġ fil-beraħ, u ma tantx niżel tajjeb.

Demokrazija valur

5.   Il-poplu ta’ dawn il-gżejjer mexa sew ‘il-quddiem, però huwa evidenti li ma hemmx min fehem dan biżżejjed.  Il-poplu llum huwa ferm iktar edukat, moħħu miftuħ u japprezza li d-demokrazija hija valur ikbar milli kien taħt tmexxija tal-Partit Laburista fil-passat.  Il-pajjiż jista’ jiddiskuti, jiddibatti u jitlaq forsi mill-pożizzjonijiet passati tiegħu ta’ ambjent politiku naħa jew oħra, imma f’dan il-proċess irid jifhem sew dak li qiegħed jiġri.  Irid jifhem aħjar jekk dak li qiegħed iseħħ huwiex sewwa jew le, ġust jew inġust u jekk huwiex sejjer, fl-aħħar tal-jum, irendi frott jew telfien diżastruż.  Nifhmu f’dan li għad hemm min huwa parti minn dawk li, fl-innoċenza tagħhom, għandhom pożizzjonijiet marbuta, li ma jiċċaqilqux.  Biss dawn illum sejrin, biċċa biċċa, fil-minoranza.

Kalma u moderazzjoni

6.   L-għajjat, it-tisbit, ir-rabja, il-korla jistgħu jiġu wżati f’diskorsi politiċi u jimpressjonaw lil xi wħud, imma mhumiex l-istrumenti li jwasslu għall-ħidma t-tajba.  Forsi, wara li jisimgħuk, ikun hemm min jgħid: “Kemm kien tajjeb!”, imma l-maġġoranza ta’ dawn il-bnedmin fuq dawn il-gżejjer trid li l-argumenti jsiru fil-paċi.  Dik li biex tkun ta’ suċċess trid issir bil-kalma, bil-moderazzjoni u bl-attenzjoni.  Min jgħolli leħnu, ħafna drabi jitlef l-udjenza li tiddetermina l-kunsens.  Proprju f’dan ħareġ, iktar u iktar fl-istess jum, il-kuntrast tal-mod u tas-sustanza ta’ dak li ngħad miż-żewġ mexxejja prinċipali ta’ pajjżna.

Pożizzjoni diffiċli

7.   Il-pajjiż qiegħed f’pożizzjoni politika diffiċli, u li qegħda tikkumplika ruħha jum wara jum.  Hemm bżonn li min irċieva l-fiduċja ta’ diversi jifhem dan, ma jmurx lura u jabbuża minnha.  Il-poter jitla’ ‘l fuq f’moħħ il-bniedem.  Iwasslu jaħseb li ħadd u xejn ma huwa sejjer jibdel il-preżent.  Biss ilkoll nafu li, tkun kif tkun, hemm bidu u tmiem.  Proċess naturali u inevitabbli.  Mhux kulħadd jifhem dan.  Imma l-poplu jagħrfu.  Jagħrfu iktar fil-ġudizzju tiegħu, ta’ dak li għalih ta l-kunsens elettorali.  Proprju għalhekk nifhem ferm dak li ntqalli bi gravità ċara bil-kliem: “Mhux għal dan ivvutajna.”

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...