16.5.18

Il-flus mhux kollox




1.    Hekk jingħad meta wieħed għani jittratta ħażin lil tal-familja.  Jingħad meta s-sinjura ma ġġibx il-kuntentizza jew il-paċi fil-familja.  Jingħad mata l-flus ma jwasslux biex l-ulied jitrabbew sewwa.  Jingħad minn min m’għandux minnhom.  Jingħad ukoll minn min għandu minnhom imma jixtieq iktar jew xi ħaġa oħra wkoll.  Il-flus jgħoddu ħafna: “Mingħajrhom”, jgħid il-Malti, u l-Malti jaf xi jgħid: “la tgħannaq u lanqas tbus”.  Ħalli mbagħad, ngħid jien, almenu, x’valur fihom il-bews u t-tgħanniq li jinxtraw bil-flus?  Il-proverbji fihom l-għerf tal-popli.  U l-poplu Ruman kien jgħid: “Pecunia non olet” (Id-deheb ma jintinx).  Verament, jgħidu li l-ewwel ma ħareġ b’din l-osservazzjoni kien l-Imperatur Vespasjanu, meta ngħata l-kuntratt lil ċerti persuni, għall-bini tal-latrini.  Ħafna, wara Vespasjanu, ma xammewx l-intiena.  Mammona, l-alla falz tal-flus, kellu ħafna min iqimu.  Kien meqjus bħala alla potentissimu.  L-inċens tiegħu kien itaffi l-intiena.



Permezz tal-għaqal



2.      Iżda l-flus mhux kollox.  Dawk tal-ġenerazzjonijiet tiegħi jiftakru żgur lill-Prim Ministru Duminku Mintoff fil-meetings pubbliċi u li kienu jkunu ffullatti verament jgħid: “Nixtieq li kapaċi nġib ix-xogħol, daqs kemm kapaċi nġib il-flus.”  Il-fiduċja tinġieb billi wieħed jimxi b’mod responsabbli.  L-ekonomija ta’ pajjiżna, li llum kulħadd jaf, u jiftaħar biha, li sa issa hija soda, naċċettaw li nbniet fis-snin meta kellna gvernijiet Nazzjonalisti, ibda bil-pedamenti u l-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami.  Permezz tal-għaqal bnew it-turiżmu, is-servizzi finanzjarji, il-qasam industrijali produttiv, u xerrdu t-tagħlim kemm sekondarju, tekniku, kif ukoll terzjarju.



Żmien partikolari



3.      Żmien partikolari li għandna nħarsu lejh biex nitgħallmu lezzjonijiet politiċi uniċi.  Meta l-gvern daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma għamel għedewwa mill-pajjiżi Għarab jew minn xi pajjiż ieħor tad-dinja, fosthom iċ-Ċina u r-Russja.  Meta la kien hawn kriżijiet li jifirdu fuq it-twemmin reliġjuż u lanqas fuq l-ideoloġija politika.  Meta ma kienx hawn surplus tal-flus f’idejn il-Gvern, iżda kien hawn super-surplus ta’ fiduċja, minn barra u minn ġewwa.



L-istorja tgħallem



4.      Fiż-żmien li Mintoff kien irnexxielu jżid f’daqqa waħda l-ħlas tar-Renju Unit għall-użu tal-bażijiet militari, kien hawn min beda jaqta’ qalbu.  Minn fost in-Nazzjonalisti qrajna u smajna lil min kien jgħid: “Kif jista’ jkun li xi darba jinżel minn hemm, b’dawn il-miljuni f’idu?”  L-istorja għallmet mod ieħro.  Il-Partit Laburista ta’ żmien l-Integration dam fil-Gvern biss tlett snin (1955-58), għalkemm kien daħħal gliegel ta’ sterlini mingħandhom.  Wara l-1971, meta reġa’ rnexxielu jżid il-ħlas b’mod qawwi, dam sittax-il sena (1971-1987).  Imbagħad reġa’ tela’ Gvern Nazzjonalista, li għamel żewġ leġislaturi (1987-1992 u 1992-96), u wara intervall żgħir, xejn inqas minn tlieta oħra (1998-2004, 2004-08, 2008-13).  Illum stess hawn min qed jerġa’ jaqbad l-istess triq għax qiegħed jaħseb li bil-flus li nkisbu bil-bejgħ tal-passaporti, dawk li ġejjin b’ħidmietna mill-Unjoni Ewropea, dan il-Gvern ser jibqa’ hemm għal dejjem.

Triq fil-baħar



5.      Il-flus jagħmu ‘n-nies: bħalma l-bews u t-tgħanniq jinxtraw bil-flus, hekk il-kunsens tal-voti wkoll jista’ jinxtara.  Mammona alla setgħan, iżda alla falz.  Il-falz ma jreġġix, u jaqa’.  Għax, kif nafu, anki min ikollu ħafna surplus, kultant jitqarraq bl-abbundanza tiegħu stess.  Fil-Greċja antika kienu jsemmu lil Kresus, li dam jirrenja fuq Lidja erbatax-il sena u kien sinjurun, iżda mbagħad sab siegħetu.  Bil-flus tagħmel triq fil-baħar.  Tista’ wkoll tipprova tagħmel mina taħt il-baħar biex tgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta.  Jalla l-ġid lin-nies!  Iżda l-flus aħna nafu li mhux kollox!  Min jafda biss fil-flus jispiċċa biex jitgħarraq.



Dinja aħjar



6.      Min jibni fuq il-blat tas-sewwa, jibni fis-sod.  Jibni fuq il-valuri ta’ dejjem.  Dawk li żammewna sodi u fit-triq it-tajba.  Dawk li fuqhom bnejna l-Istat demokratiku tagħna.  Dawk li mexxewna biex nagħżlu nidħlu għall-isfida tal-Unjoni Ewropea, li fasslu bnedmin ta’ viżjoni, raġuni u għaqal bħal De Gasperi, Adenauer, Schuman.  Sfida u mħatra li llum ċertament nistgħu niddikjaraw li qed nirbħuha.  Kien hemm ċertament min iddieħeq bina għal xi żmien.  Dawk li ppruvaw iċekknuna għax nibbażaw iktar fuq il-ħsieb u l-ideal, milli fuq il-materjaliżmu.  Iktar fuq il-valuri milli fuq il-flus.  Iżda jien nemmen, li kif turi d-dinja, is-sewwa jirbaħ żgur.  Għax hekk għallmitna l-istorja tal-bnedmin, ta’ dawk li kienu embrijuni ta’ ftit ċelloli, li meta jitħallew jikbru f’ġuf ommhom sarrfu f’persuni ta’ sens u sustanza li mingħajr flus, mingħajr ma saru oġġetti jew proprjetà tal-Istat, biddlu d-dinja waħda aħjar.














No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...