10.5.18

AMBAXXATA F’MADRID – ĦIDMA U INIZJATTIVI

 
5424. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna f’Madrid fi Spanja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

24/04/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lil Onor. Interpellant li :

Ġenerali
Ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u Spajna huma ferm pożittivi li qegħdin ikomplu jissaħħu. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata Maltija f’Madrid ħadmet bla waqfien sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jiġu pprofonduti. 
Konsulari
L-Ambaxxata dejjem kienet għad-disposizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fi Spanja u dawk li jivvjaġġaw lejn Spanja, u ċittadini Spanjoli li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsolari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali.

Ta' min wieħed isemmi li l-Ambaxxata hija f'kuntatt qarib mal-Assoċjazzjoni ‘Amigos de Malta.Din hija organizzazzjoni li tħaddan fiha Spanjoli ta’ dixxendenza Maltija residenti f’Valencia. Għal dawn l-aħħar erba' snin, l-Ambaxxatur ħadem ħafna sabiex jagħti lil din l-Assoċjazzjoni dimensjoni aktar importanti u jinżamm kuntatt kontinwu. Fi Frar ta’ din is-sena, l-Ambaxxatur żar ukoll Seville fejn iltaqa’ ukoll ma’ diversi Maltin li jgħixu fir-reġjun ta’ Andalucia, bħala parti minn avveniment li ġie organizzat mill-Konslu Onorarju ta’ Malta f'Seville.

Dawn l-aħħar snin, l-Ambaxxata ħadmet bla waqfien sabiex ittejjeb in-‘network’ tal-Konsli Onorarji Maltin ġewwa Spanja. Mal-wasla tiegħu ġewwa Spanja, l-Ambaxxatur sab sitwazzjoni fejn il-kosta ta’ 3,000 kilmoteru fit-tramuntana ta’ Spanja, li hija waħda miż-żoni l-iktar rikki fi Spanja, kient taqa’ kollha taħt Konslu Onorarju wieħed. Ghal daqs tant l-Ambaxxatur nieda proċess sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata. Fil-fatt, f’Settembru tal-2017, l-Ambaxxatur żar Oviedo u Vigo fejn infetħu żewġ Konsolati Onorari Maltin ġodda u qegħdin isiru l-aħħar preparamenti sabiex jinfetaħ Konsolat Onorarju ġewwa Bilbao. L-Ambaxxata qiegħda ukoll taħdem sabiex tiġi ffinalizzata l-applikazzjoni għall-Konslu Onorarju ġdid f’Barċellona.

Promozzjoni ta’ Malta
Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur attenda diversi avvenimenti u għamel diskors sabiex jippromwovi lil pajjiżna, fosthom:
-               Lecture’ organizzanata mill-Kulleġġ tal-Inġiniera Ċivili ta’ Spanja u l-Universita’ Ewropea ġewwa Madrid f’Marzu 2016.
-               Attivita’ organizzata minn ‘Casa Mediterraneo’ ġewwa Alicante bit-titlu ‘Encounters with Mediterranean Countries’ fit-23-24 ta’ Novembru 2017. Dan l-avveniment kien kompletament iddedikat għall-Malta.
-               Avveniment organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ Belġjana-Lussemburgu ġewwa Barċellona fl-14 ta’ Diċembru 2017.
-               Lecture’ organizzanata minn ISDE (‘International Law, Foreign Trade and International Relations’) fid- 9 ta’ Marzu 2018 ġewwa Barċellona. 

Matul is-snin, l-Ambaxxatur kellu bosta intervisti ma’ ġurnalisti Spanjoli dwar diversi temi li ġew ippublikati fuq gazzetti ewlenin, kemm f’Madrid, kif ukoll f’diversi bliet li l-Ambaxxatur iżur fuq bażi regolari. Fosthom: ma’ rivista Spanjola ‘Sector Ejecutivo’ f’Jannar 2016; mal-ġurnal ‘La Razon’ f’Settembru 2017; ma’ diversi ġurnali fi Frar tal-2018 waqt iż-żjara ġewwa Seville; u diversi intervisti ma’ ġurnali prominenti waqt iż-żjara f’ Oviedo u Vigo f’Settembru 2017. Waqt dawn iż-żjarat, l-Ambaxxatur iltaqa’ ukoll ma’ diversi Retturi ta’ Universitajiet prominenti sabiex jippromwovi skambu ta’ taħriġ mal-Universita’ ta’ Malta, kif ukoll ma’ Sindki u personalitajiet mis-settur tat-turiżmu sabiex dejjem inkomplu nsaħħu l-isem ta’ Malta.

Waħda mill-iktar inizjattivi importanti li ttieħdet minn din l-Ambaxxata kient il-parteċipazzjoni fil-programm televiżiv ‘Madrid, la ciudad de los 100 países’ (Madrid, il-belt ta’ mitt pajjiż). TeleMadrid, wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni l-iktar importanti fi Spanja, ipproduċiet programm ġdid sabiex juri l-ħajja ta' Ambaxxaturi barranin u ċittadini residenti f'Madrid. Malta ġiet magħżula bħala wieħed mill-pajjiżi biex tipparteċipa f'dan il-programm. Għal daqs tant, fil-ġimgħat li ġejjin ser jintwera programm ta' 45 minuta li ser ikun iddedikat kompletament għal Malta.

Turiżmu
Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ‘l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn Malta u diversi bliet Spanjoli. L-Ambaxxata kienet strumentali f’diskussjonijiet sabiex il-kumpanji ‘Ryanair’, ‘Vueling’ u ‘Norwegian Airlines’ żiedu l-frekwenza tat-titjiriet tagħhom, u kif ukoll li ġew imnedija titjiriet ġodda bejn Malta u Malaga mill-kumpanija ‘AirMalta’, bejn Malta u Bilbao mill-kumanija ‘Volotea’ u bejn Malta u Madrid mill-kumpanija ‘Iberia’.

L-Ambaxxata  ħadet diversi inizzjativi sabiex tħajjar studenti Spanjoli jżuru Malta għal korsijiet tal-Ingliż. Dan isir fuq bażi ta’ kuljum meta d-dipartiment konslari jassisti diversi Spanjoli fil-mistoqsijiet tagħhom dwar dan is-suġġett. Ftit tal-ġimgħat ilu, bil-kollaborazzjoni ma’ FELTOM, l-Ambaxxata żaret skola fejn indirizzat studenti Spanjoli u pprovdiet l-informazzjoni neċessarja fuq l-istudju tal-Ingliż ġewwa Malta.
Kummerċjali
Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, fil-25 ta’ Jannar 2016, l-Ambaxxata, flimkien ma’ Malta Enterprise, organizzat seminar dwar is-settur finanzjarju f’Malta. Fl-10 ta’ Novembru 2016, flimkien ma’ Malta Enterprise u l-Konslu Onorarju ġewwa Valencia, l-Ambaxxata assistiet sabiex jittella’ seminar ieħor fuq l-istess tema. Barra minn hekk, l-Ambaxxata għenet bosta kumpaniji Spanjoli sabiex jespandu l-attivitajiet tagħhom ġewwa Malta. Fost dawn il-kumpaniji, tajjeb li wieħed isemmi lill-grupp Spanjol ‘Alsa’ li permezz tas-sussidjarja tiegħu ‘ALESA’ qiegħed jipprovdi l-ġestjoni sħiħa tat-trasport pubbliku ġewwa Malta.

L-Ambaxxata għamlet ukoll kuntatt ma’ bosta kumpaniji tal-kostruzzjoni Spanjoli, sabiex tħeġġiġhom jespandu x-xogħol tagħhom ġewwa pajjiżna. F’dan ir-rigward, kumpanija ta’ importanza kbira ġewwa Spanja li qiegħda tkabbar il-preżenza tagħha ġewwa Malta hija ‘San Jose Constructora’. Għaldaqstant, din l-Ambaxxata ħadmet sabiex tassisti lil din il-kumpanjia fil-proġett tal-Kappara, li issa wasal fit-tmiem.

F’dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxata ħadmet ukoll bla waqfien sabiex tippromwovi l-proġett tas-Suq tal-Belt ma’ kumpanji Spanjoli. Fil-fatt, kumpanija Spanjola qiegħda tmexxi żewġ ristoranti prominenti ġewwa s-Suq fejn qiegħda tippromwovi l-kċina Spanjola.

Barra minn hekk, l-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ diversi kumpaniji Spanjoli fis-settur tan-navigazzjoni marittima, sabiex inkomplu nippromwovu l-bandiera Maltija. Fil-fatt, l-Ambaxxata ta’ spiss tirċievi talbiet għall-informazzjoni dwar din is-suġġett, u li għal daqs tant l-Ambaxxata tiżgura jingħataw l-għajnuna meħtieġa.  

Attivitajiet imtella’ mill-Ambaxxata
Ta’ kull sena, l-Ambaxxata Maltija f’Madrid torganizza attivita’ sabiex tikkommomera l-Jum Nazzjonali ta’ Malta fil-21 ta’ Settembru. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar tletin xahar, ġew organizzati żewġ ‘luncheons’ fejn kienu mistiedna bosta Ambaxxaturi akkreditati għal Spanja, Maltin li jgħixu Spanja, u kif ukoll diversi personalitajiet Spanjoli mis-setturi tal-Industrija, il-Kultura, in-Negozju u l-Kummerċ ta’ importanza għal pajjiżna.

Barra minn hekk, fl-24 ta’ Novembru 2016, l-Ambaxxata organizzat ‘EUHoMs Luncheon’ fejn laqqat lill-Ambaxxaturi ta’ Membri Stati tal-Unjoni Ewropea. Din hija użanza tal-Membri Stati f’Madrid fejn kull xahar, fuq bażi ta’ rotazzjoni, jiġu mlaqqa’ l-Ambaxxaturi kollha tal-Unjoni Ewropea sabiex jiddiskutu temi kurrenti u jaqsmu l-opinjoniiet tagħhom b’mod iktar liberu.

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
F’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata f’Madrid, bħal bosta Ambaxxati, Ministeri u entitajiet oħra tal-Gvern, kienet iffukata fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Apparti mix-xogħol relatat mal-presidenza tal-laqgħat informattivi li jsiru kull xahar bil-kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Affarrijiet Barranin Spanjol u diversi Ministeri oħra (bħal per eżempju, ECOFIN, FAC, GAC, AGRIFISH u EPSCO), l-Ambaxxata assistiet lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej Malti sabiex jiġi mtella’ il-kunċert ‘Valletta International Baroque Ensemble’ (VIBE) li sar fit-12 ta’ Mejju 2017 ġewwa il-‘Basilica de San Miguel’ f’Madrid.

F’Jannar 2017, l-Ambaxxatur kien il-kelliem mistieden waqt Working Breakfast organizzat minn INCIPE (International Affairs and Foreign Policy Institute) sabiex jitkellem dwar metodi kif l-Unjoni Ewropea tersaq iktar viċin taċ-cittadini tagħha.

Barra minn hekk, fit-23 ta’ Frar 2017, l-Ambaxxata organizzat ‘EUHoMs Luncheon’ sabiex tikkommomera l-Presidenza Maltija. Il-mistieden speċjali ta’ dan l-avveniment kien is- Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet tal-Unjoni Eqropea, fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kooperazzjoni ta’ Spanja.

Żjarat Uffiċjali
Tajjeb ukoll li wieħed isemmi l-assistenza li l-Ambaxxata pprovdiet lil diversi dinjitarji Maltin li żaru Spanja f’dawn l-aħħar tletin xahar, fosthom: l-Eċċelenza Tagħha s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, l-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat, il-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa l-Onor. Chris Fearne, u l-Onor. Edward Zammit Lewis (ex-Ministru għat-Turiżmu). 

Seduta  109
08/05/2018

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...