10.5.18

AMBAXXATA F’LISBONA – ĦIDMA U INIZJATTIVI




 
5423. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna f’Lisbona fil-Portugal tul dawn l-aħħar tletin xahar?

24/04/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Dawn huma l-ħidmiet u inizjattivi tal-Ambaxxata Maltija f’Lisbona għal dawn l-aħħar tletin xahar:

I.             Unjoni Ewropeja

Ix-Chargé d’Affaires attenda għal mija u wieħed u sebgħin (171) laqgħa organizzati minn diversi Ministeri Portugiżi. Matul dawn il-laqgħat, il-Ministeri nfurmaw lill-Ambaxxati tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjonijiet u d-deċizjonijiet li kienu se jittieħdu mill-Portugal f’diversi laqgħat fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.

Dawn il-laqghat kienu mqassma kif ġej:
Ambjent: 16-il laqgħa
Kummerċ: 6 laqgħat
Affarijiet Barranin: 38 laqgħa
Agrikoltura u Sajd: 32 laqgħa
ECOFIN: 31 laqgħa
Ġustizzja u l-Affarijiet Interni: 21 laqgħa
Kunsill Ġenerali (GAC): 27 laqgħa

Il-Proċess ta’ Rabat (Migrazzjoni): F’Novembru 2015, ix-Chargé d’Affaires attenda laqgħa dwar ir-Rabat Process f’Porto, fejn ġew diskussi fost l-oħrajn it-traffikar ta’ immigranti u l-Valletta Summit.

II.            Il-Presidenza Maltija Għall-Unjoni Ewropea

a)            Matul il-Presidenza Maltija, l-Ambaxxata laqqgħet l-Ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea tliet darbiet. Il-Ministru Portugiż tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru tal-Intern, u s-Segratarju tal-Istat għall-Unjoni Ewropea attendew għal dawn il-laqgħat.
b)            Ġie organizzat ukoll kunċert fi żmien il-Presidenza Maltija.
c)             Ix-Chargé d’Affaires spjega l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija lill-membri tal-Ministeri Portugiżi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
d)            L-Ambaxxatur mhux residenti Malti għall-Portugal spjega wkoll dawn il-prijoritajiet lil tnejn u għoxrin rappreżentant ta’ partiti politiċi Portugiżi fil- Parlament Portugiż.
e)             Ix-Chargé d’Affaires ipparteċipa f’attivitajiet simili taħt il-Presidenzi tal-Irlanda, Litwanja, Greċja, Italja, Latvia, Lussemburgu, l-Olanda, Slovakkja u l-Bulgarija.
f)             Fuq inizjattiva tal-Ambaxxata ta’ Malta, il-President tal-Portugal beda jorganizza laqgħat għall-Ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea matul kull Presidenza.


III.          Affarijiet Reġjonali

Med 7: Ix-Chargé d’Affaires attenda għal madwar 15-il laqgħa oħra bejn l-Ambaxxaturi tal-pajjizi tal-Mediterran (Med 7) fejn jiġu diskussi suġġetti varji dwar ir-reġjun. Għal dawn il-laqgħat jattendi s-Segretarju tal-Istat għall-Unjoni Ewropea Portugiż.

Med 7 Seminar: L-Ambaxxata ippartecipat fil-Med 7 Seminar f’Lisbona.  Dan kien l-ewwel Seminar internazzjonali tal-Med 7 li ġie organizzat mill-Minsteru tal-Affarijiet Barranin Portugiż u l-għan kien li jiġu diskussi l-isfidi Soċjo-Ekonomiċi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. 
https://www.idn.gov.pt/conteudos/documentos/Med7_Seminar.pdf

Lisbon Forum 2014: L-Ambaxxata attendiet għall-Lisbon Forum kull sena. Il-Lisbon Forum jiffoka b'mod partikolari fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u r-riforma demokratika fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Iservi wkoll bħala pjattaforma għad-djalogu u l-qsim tal-esperjenzi bejn l-Ewropa u r-reġjuni ġirien tagħha, speċjalment in-Nofsinhar tal-Mediterran.


North South Dialogue: L-Ambaxxata pparteċipat f’dawn il-laqghat li jsiru kull sena li l-għan tagħhom hu li jiġu mxerrda l-valuri universali sostnuti mill-Kunsill tal-Ewropa:  drittijiet umani, demokrazija, u s-saltna tad-dritt.

Arraiolos Meeting: L-Ambaxxata assistiet lill-Ufficcju tal-President ta’ Malta dwar stedina lill-President Portugiż, li attenda l-Arraiolos Meeting li sar f’Malta f’Settembru 2017.

IV.          Konsolari

L-Ambaxxata assistiet Maltin, kif ukoll persuni ta’ Nazzjonalità Ewropea, li kellhom bżonn għajnuna konsolari, bħal ħruġ ta’ passport urġenti, u servizzi konsolari oħra. L-Ambaxxata tinnota li bl-introduzzjoni ta’ erbgħa linji diretti tal-ajru bejn Malta u l -Portugal, dan it - tip ta’ xoghol diġà beda jiżdied konsiderevolment.

L-Ambaxxata assistiet ukoll seba’ vapuri b’reġistrazzjoni Maltija li ltaqgħu ma’ diffikultajiet loġistiċi fl-ibħra Portugiżi.

V.            Kummerċjali

Studenti tal- Ingliz: L-Ambaxxata ħadet l-inizjattiva li żżur skejjel f’Lisbona biex tħajjar studenti Portugiżi biex iżuru Malta għal korsijiet tal-Ingliz. L-assenza ta’ konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi kienet intopp prinċipali dwar din l-inizjattiva  li issa għandha tiġi irregolata. Il-kuntatt kien ġie stabbilit ma’ Feltom li kull sena joffru inċentivi biex organizzaturi barranin ta’ dawn l-iskejjel iżuru Malta u jaraw il-faċilitajiet għal studenti barranin.

Kamra tal-Kummerċ Malta/ Portugal: L-Ambaxxata varat il-Kamra tal-Kummerċ Malta/Portugal f’Novembru 2013. Ix-Chargé d’Affaires nieda inizjattiva personali u vara Sit Elettroniku dwar din il-Kamra www.mpcc.org.mt. Dan is-sit ikollu mal-ħamest elef viżitatur kull sena.  Il-Kamra tal-Kummerċ assistiet persuni li xtaqu informazzjoni dwar investiment u esportazzjoni minn/lejn Malta.

Portugalia Exportador: L-Ambaxxata pparteċipat fil-Portugalia Exportador f’Novembru tal-2013, 2014 u 2015 fejn esportaturi Portugizi wrew ix-xewqa li jesportaw il-prodotti tagħhom.

Air Malta/Ryanair: L-Ambaxxata kienet strumentali f’diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ linja diretta bejn iż-żewġ pajjiżi. Dwar dan l-Ambaxxata kellha laqgħat ma’ tmien linji tal-ajru differenti. Il-kumpaniji Air Malta u Ryanair bdew titjiriet diretti f’Marzu ta’ din is- sena u huwa mistenni li madwar 30,000 turist Portugi¿  i¿uru Malta kull sena b’dawn it-titjiriet.

VI.          Inizjattivi tal-Ambaxxata

Go Abroad Week: L-Ambaxxata pparteċipat fil-Go Abroad Week f’Diċembru 2015, fejn studenti Universitarji fl-ISCTE Business School ġew imħajjra jibdew karriera f’Malta.

VII.         Żjarat Statali u Uffiċjali

Żjara Statali: L-Ambaxxata tinsab involuta mill-qrib fil-preparazzjonijiet ta’ Żjara Statali li ser issir mill-E.T. l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’Mejju 2018.

VIII.       Żjarat uffiċjali oħra

Summit tal-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran: Ġiet mogħtija assistenza lill-Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza li attendew is-Summit tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Din l-istedina ġiet mill-Prim Ministru tal-Portugal, Dr. Antonio Costa f’Novembru 2017

5+5 Mediterran tal-Punent: L-Ambaxxata assistiet u attendiet għal laqgħat li għalihom ġew f’Lisbona il-Prim Ministru, Ministri tal-Affarijiet Barranin, tal-Energija u Ambjent, Il-Ministru tal-Intern, u l-Ministru tat-Trasport.

·               Prim Ministru, l-Onor Joseph Muscat- Jannar 2017
·               Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Onor George Vella - Mejju 2014
·               Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, l-Joseph Mizzi - Ottubru 2014
·               Ministru Għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil tal-Klima, L-Onor Leo Brinact - Frar 2015
·               Ministru tal-Intern u s-Sigurta Nazzjonali, l-Onor Carmelo Abela - Mejju 2015
·               Ministru tal-Familja u s-Soliderjata Soċjali l-Onor Marie Louise Coleiro Preca - Jannar 2014. Din kienet tinvolvi wkoll żjara bilaterali fejn il-Ministru Coleiro Preca iltaqgħet mal-Ministru tal-Familja u Servizzi Soċjali Portugiż u ġie ffirmat memorandum ta’ ftehim bejn iż-żewġ Ministri dwar kooperazzjoni.
·               Ministru tal-Kompetittività u Qasam Diġitali, Qasam Marittimu u Servizzi Ekonomiċi, l-Onor Manuel Mallia -Lisbon Global Forum/Lisbon Web Summit, Novembru 2016.

Euroferes: L-Ambaxxata assistiet delegazzjoni Parlamentari li attendiet għall-laqagħa tal-Euroferes f’Ottubru 2014. Din kienet laqgħa interparlamentari dwar l-Enerġija u l-Effiċjenza rinnovabbli.

IX.          Promozzjoni u Attivitajiet Soċjali

L-Ambaxxata torganizza riċeviment kull sena li jikkommemora l-Indipendenza ta’ Malta. Dan iservi biex tiġi irreklamata Malta bħala pajjiż turistiku. Ix- Chargé d’Affaires jattendi wkoll riċevimenti simili ta’ pajjizi oħra mat-tliet darbiet kull ġimgħa.

Seduta  109
08/05/2018

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...