7.3.18

Kind of Blue.




1.    Fil-ħajja tiltaqa’ ma’ bnedmin li minn kliemhom, minn għemilhom, jolqtuk għas-sewwa.  Ħafna drabi ma jkollokx il-ħin li tifhem jew tistaqsi dwarhom, u jgħaddi ż-żmien biex tifhem kif u għala laqtuk.  Ħafna drabi, id-diskussjonijiet u d-dibattiti politiċi tant ikunu intensivi li ftit ikollok ħin taħseb iktar fuq dawn il-persuni uniċi wara li tkun tlaqthom.



2.    Ftit snin ilu, bħala Ministru għall-Ġustizzja, kelli f’dan ix-xorti unika li llum napprezzaha ferm aktar.  Għamilt perjodu niltaqa’ ma’ Kenneth Clarke, li bejn l-2010 u l-2012 okkupa l-kariga ta’ Secretary of State for Justice and Lord Chancellor tar-Renju Unit, u dan terġa’ fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Kien dejjem kalm, attent għal dak li għaddej; biss, preparat jidħol f’kull argument.  Jifhem malajr, isegwi d-dettalji u jwieġeb direttament lura.



3.    Għandi ritratt tiegħi miegħu f’dawn il-laqgħat intensivi, maqbudin proprju fuq numru ta’ punti li konna qegħdin nippruvaw nipperswadu lil xulxin bihom.  Avolja iktar anzjan minni sew,u kif nifhimha aħjar illum, mimli esperjenza politika, ma kienx jiddejjaq jidħol jagħtini appoġġ ma’ sħabi l-oħrajn.  Kien forċina għalija f’żewġ mumenti partikolari.



4.    Hu u anki ministri oħra, speċjalment Angelino Alfano, li jibqa’ dawl, moħħ u politiku Taljan mill-iktar onest u li ġġieled il-korruzzjoni.  Kienet esperjenza sabiħa u interessanti għalija.  Fejn dak kollu li għaddejt minnu fil-professjoni u fil-politika kont insibhom repożitorji tajba għall-ideat u l-viżjoni li nħaddan b’saħħa.



5.    Kif nafu, dawk li servew f’dawn il-pożizzjonijiet, ħafna drabi jafu li wara mhux sejrin jerġgħu jiltaqgħu.  Biss, ħabib li jgħix l-Ingilterra u jniżżilli ktieb jew tnejn fis-sena, ġiebli lejn in-nofs tas-sena li għaddiet, l-awtobijografija proprju ta’ Ken Clarke, bit-titolu “Kind of Blue.  A Political Memoire”.  Laqatni mill-ewwel u ddeċidejt li nagħtih prijorità fil-lista ta’ dak li naqra.



6.    Bdejtu lejn Novembru, naqrah biċċa biċċa.  Huwa verament interessanti, mimli bi spjegazzjonijiet ċari ta’ dak li huwa għadda minnu, sija bħala sempliċi deputat, kif ukoll bħala ministru taħt tlett Prim Ministri Konservattivi.  Dawn kienu Margaret Thatcher, John Major u David Cameron, fejn serva f’karigi diversi.



7.    Huwa miżgħud b’informazzjoni u riflessjonijiet.  Bniedem, li waqt li naqrah, għalkemm tgħallimt ħafna, indunajt għala konna naqblu tant.  L-ewwel: huwa fundamentalment persuna moderata, umli, saqajh mal-art, fiċ-ċentru, favur l-Unjoni Ewropea, favur munita unika u kontra kull estremiżmu.  Huwa ċertament repożitorju evidenti ta’ informazzjoni dwar il-politiċi tallum.



8.    Fil-librerija tad-dar għandi bijografiji u awtobijografiji ta’ politiċi differenti u anke mix-xenarju politiku Ingliż.  Għandi ta’ Harold Wilson, ta’ James Callaghan u iktar viċin fiż-żmien, ta’ Tony Blair, il-famuż “A Journey”.  Biss, narah li fih ferm iktar lezzjonijiet demokratiċi u umani x’jgħaddi, speċjalment lilna l-politiċi minn oħrajn li jispiċċaw iktar jiddefendu lilhom infushom iktar milli effettivament jispjegaw għala ddeċidew ħaġa u mhux oħra.



9.    Fih hemm l-importanza tad-dettall li politiku għandu jkollu.  Il-bżonn tad-diskussjoni ħajja u kostanti fuq l-argumenti fejn il-bnedmin jiġu rispettati, mhux konfrontati.  L-apprezzament tal-ħidma determinanti li ssir fil-Kabinett tal-Ministri.  Fejn il-prinċipju kostituzzjonali tar-responsabbiltà kollettiva tal-ministri jitħaddem għax ikun hemm deċiżjonijiet politiċi f’daqqa.



10.  Hemm spjegazzjoni partikolari li wieħed irid isegwi biċċa biċċa, waqt li wieħed ikun qiegħed jaqrah, dwar x’wassal lir-Renju Unit jivvota favur il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.  Il-kunflitti interni fi ħdan il-Partit Konservattiv, magħmula bejn dawk li saru ewroxettiċi fix-xejn u dawk favur.  Bl-ideat tal-protagonisti David Cameron, Boris Johnson u Theresa May linejati ċarissimi.  Tifhem iktar dak li jiena nara bħala traġedja.  Tifhem iktar għala Clarke baqa’, u għadu sa issa, favur l-Unjoni Ewropea.



11.  Jista’ jkun li jkun hemm min jaħseb li jista’ jifhem il-politika, is-sistema demokratika u kostituzzjonali Ingliża billi jaqra kotba oħra, però naħseb li jkun żball kbir li ma jiġix moqri dan.  Iktar u iktar minn dawk l-ammiraturi u l-adulaturi tal-gvernijiet Blair, li ħafna fil-Partit Konservattiv u f’pajjiżna kienu jarawh bħala l-imgħallem, “The Master”.  Hemm opinjonijiet u analiżi tal-karattri u tal-iżbalji li saru minnhom, li jiftħu l-għajnejn u jikkonvinċu fil-fond dwar il-gambetti li ħa n-“New Labour”.



12.  Irrakkonta, u ċertament għandu iktar x’jirrakkonta.  F’karriera twila li żammitu jirrappreżenta kostitwenza elettorali li ma nbidlitx.  Waħda li żamm ruħu għad-dispożizzjoni tal-poplu mingħajr ma ċċappas.  Baqa’ persuna retta u rispettata ħafna minħabba l-ideat u l-integrità politika tiegħu. Tant li llum, Ken Clarke huwa l-ixjeħ membru parlamentari, il-“Father of the House of Commons”.



13.  F’dawn l-aħħar jiem sibt ruħi d-dar b’din il-mewġa ta’ rjiħat u ddedikajt iktar ħin biex, fl-aħħar, spiċċajt il-ħames mitt faċċata pjaċevoli tiegħu.  Nammetti li kważi kważi ddispjaċieni li rnexxieli naqrah kollu, għax tant fih materjal, u tant akkumpanjani tajjeb f’dawn l-aħħar ġimgħat.  Baqa’ għalija, u għandu jkun gwida tajba li wieħed, stranament, jibqa’ jħoss anke jekk ikun qiegħed il-ktieb lura fuq l-ixkaffa.


No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...