6.2.18

Inaċċettabbli


1.      Fl-aħħar tas-sena li għaddiet, il-Kunsill tal-Ewropa, li pajjiżna huwa membru tiegħu, ħareġ dokument minn taħt ‘l hekk imsejjaħ Kummissarju għad-Drittijiet Umani, bit-titolu “Women’s sexual and reproductive health and rights in Europe”.  Dan fih espressament l-opinjoni tal-Kummissarju Nils Muiznieks, u mhux xi deċiżjoni tal-Membri Stati.  F’dan id-dokument, li hemm aċċenn għall-punti varji dwar is-suġġett, hemm ukoll partijiet li jitkellmu dwar “il-bżonn” tal-abort.  Hemm, anzi, paragrafi li jwasslu lil dak li jkun biex jifhem li huwa jara l-abort bħala dritt fundamentali tal-mara.  Mhux biss, imma li huwa “obbligu legali” ta’ kull Stat Membru ta’ din l-organizzazzjoni li “jirriformaw” il-liġijiet tagħhom u jippermettu l-qtil ta’ trabi fil-ġuf.

Ma hemmx obbligu legali

2.      Pajjiżna ilu membru tal-Kunsill tal-Ewropa għal żmien twil.  Dan mhuwiex l-Unjoni Ewropea u m’għandux jitħawwad miegħu.  Fih, għal diversi snin, Membri Parlamentari tagħna u ministri pparteċipaw f’diskussjonijiet varji.  F’numru kbir ta’ punti kien hemm qbil bejn l-Istati kollha, però fuq ħafna oħra ma kienx hemm.  Fosthom baqgħet dejjem tiġi dibattuta l-kwistjoni tal-abort.  Hemm pajjiżi li ppermettew.  Hemm oħrajn li le, u dan jew billi qalu le għal kollox, inkella billi rrestrinġew ħafna.  Kull pajjiż għamel fil-libertà tiegħu, dak li l-poplu ħadd li għandu jsir.  Ħadd ma mpona fuq ħadd, u ma hemmx, l-ewwel, ebda liġi Ewropea jew internazzjonali li tgħid li l-abort huwa “dritt”; u t-tieni, ebda sentenza tal-Qorti Ewropea li tgħid dan.

Anqas ma hemm sentenzi

3.      Wieħed mill-merti tal-Kunsill tal-Ewropa kien li twaqqfet Qorti għall-protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.  Dawn id-drittijiet mhumiex fl-arja, imma miktuba.  Is-sentenzi li interpretaw l-artikoli nfluwenzaw ħafna liġijiet u ġiebu tibdil.  Mhux kull ma qalet din il-Qorti, li hi magħmula minn imħallfin varji u b’opinjonijiet u formazzjonijiet differenti, jista’ wieħed jaqbel magħhom.  Hemm, ħafna drabi, meta marru travers.  Bħalma meta ddeċidew li kull Stat huwa obbligat li jneħħi l-Kurċifiss mill-klassijiet jew il-postijiet pubbliċi.  Dak li jiddikjaraw mhuwiex, żgur, vanġelu, u wieħed jinnota li kien hemm ukoll sentenzi li ma qablux u biddlu dak li kien ingħad qabel.  Imma b’danakollu, minkejja dan, f’ebda ħin u f’ebda sentenza ma ngħad li hemm dritt fundamentali għall-abort. 

Disprezz lejna

4.      F’dan il-kuntest, għalhekk irid ikun ċar li dan ir-rapport, li ġie ppreżentat minn dan il-Kummissarju, ma jirrappreżentax qbil bejn il-membri.  Mhux biss.  Anqas ma għandu s-saħħa ta’ liġi.  Huwa kjarament l-opinjoni li huwa personalment iħaddan, kif id-dokumenti u l-artikoli tiegħu juru. Opinjoni li, meta taqraha, tifhem iktar kemm hija parti mill-kurrent li sfortunatament wieħed isib f’ċerti mentalitajiet tal-partijiet ta’ fuq tal-Ewropa.  Dik li huma jifhmu aktar minn dawk li huma mal-Mediterran.  Mhux biss, iżda li dawk li ma jħaddnux l-istess ideat bħalhom huma injoranti, ripressivi, lura u mhux progressivi.  Hemm, anzi, disprezz qawwi b’mod partikolari lejn dawk il-pajjiżi fejn il-kultura Kattolika għadha b’xi mod teżisti.

Dawk l-iktar vulnerabbli

5.      Sakemm persuna f’din il-kariga tħaddan opinjoni fuq punt daqshekk sensittiv, wieħed jifhem.  Però, li wieħed jimponi l-opinjoni tiegħu fuq oħrajn, dak huwa żbaljat.  Bir-rispett lejn dan il-Kummissarju, jew ħaddieħor, aħna f’dawn il-gżejjer nibqgħu intitolati għall-opinjoni tagħna u nibqgħu sovrana li niddeċiedu aħna x’nagħmlu u x’ma nagħmlux.  Il-fatt li f’dawn il-gżejjer mhuwiex legali li persuna tneħħi l-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf ma jfissirx li aħna lura.  Huwa parti mid-dritt tal-ħajja li nħaddnu.  Linja ta’ ħsieb li ilha ġejja u li qatt ma nbidlet għax kull ġenerazzjoni kkonvinċiet ruħha fiha.  L-imħabba lejn it-tfal u l-bżonn li wieħed jipproteġi dawk l-iktar vulnerabbli żammna fuq din it-triq.

Questions to the Human Rights Commissioner

6.      M’aħniex poplu li ma jagħrafx id-distinzjonijiet, jew dak kollu li hemm involut fl-argumenti li jitressqu.  F’dan il-poplu m’hawnx maġġoranza li ġiet konvinta li fil-ġuf ta’ mara ma teżistix persuna diġà ffurmata.  Anzi, hawn proprju l-kontra: l-opinjoni li mill-mument tal-konċepiment, tal-għaqda, bdiet il-ħajja li trid tiġi protetta.  Punt li mhuwiex politiku, u li fuqu jaqblu persuni ta’ opinjonijiet varji.  Tant dan huwa minnu, li nhar l-24 ta’ Jannar 2018, l-ex Ministru Dr George Vella, tabib prattikanti u politiku għal snin twal, kiteb artikolu mill-iktar ċar u interessanti fit-Times of Malta bit-titolu “Questions to the Human Rights Commissioner”.

Nifhmu d-dinja

7.      Hemm huwa staqsa numru ta’ domandi u talab spjegazzjonijiet li, sallum, baqa’ ma ħax.  Kif ukoll esprima pożizzjonijiet ċari li m’għandna ebda diffikultà li naqblu magħhom fis-sħiħ.  Nifhmu, u konvinti, li ħadd m’għandu d-dritt jimponi fuqna, u ebda Kummissarju tad-Drittijiet Fundamentali fil-Kunsill tal-Ewropa ma kellu, u qatt għandu, xi dritt jiddettalna.  F’dawn il-gżejjer għandna l-istess drittijiet demokratiċi bħal ħaddieħor.  M’aħniex lura; anqas ma niġġudikaw il-pożizzjonijiet tal-oħrajn bħala ‘l quddiem jew lura.  Nifhmu d-dinja.

Favur il-ħajja

8.      Il-Partit Nazzjonalista kien, u għadu sallum, favur il-ħajja u kontra t-terminazzjoni tal-ħajja fil-ġuf tal-omm.  Jekk hemm min f’pajjiżna qiegħed jipprova jagħmel użu minn dan ir-rapport jew xi ittra biex idaħħal l-aġenda tiegħu nkiss inkiss għall-abort fil-Parlament nagħrrfuh li aħna ser inkunu kontra dan l-aġir.  Ngħid dan għax drajna naraw dan it-tip ta’ manuvrar politiku.  Jekk hemm min, minn ġewwa l-Gvern, li jrid jiftaħ il-bieb għal dan għandu jersaq ‘il quddiem, jiddikjarah pubblikament u ma jinħebiex wara ħaġa jew oħra.  F’dan ħa jkun ċar li għalina l-abort huwa kompletament inaċċettabbli għax nemmnu li l-ħajja trid verament tiġi protetta mill-bidu sat-tmiem tagħha.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...