7.8.17

Forza taċ-ċentru moderata


 
1.      Forsi ndumu biex nifhmu, imma s-suċċess tal-Partit Nazzjonalista kien, f’kull żmien, jiddependi f’kemm jirnexxilu jkun forza moderata, u waħda li taħdem u tħares miċ-ċentru tal-pożizzjoni politika.  F’dan ix-xahar, li ssoltu wieħed ikollu l-mistrieħ fih, inħares ħafna drabi lejn kitbet bnedmin li twieldu u ħadmu minn din il-linja ta’ ħidma.  F’Awissu nsibni, fost l-oħrajn, niftakar f’Don Luigi Sturzo, li waqqaf il-Partit Popolari Taljan u f’Alcide de Gasperi, li kien huwa li għamel id-Democrazia Cristiana suċċess.  It-tnejn mietu tul dan ix-xahar: tal-ewwel fit-8 tal-1959, u t-tieni fid-19 tal-1954.  Ulied ċentru moderat.

Ħidma tajba

2.      Nibda fuq din in-nota għax il-moviment demokratiku Kristjan li aħna parti minnu stabilixxa linja ġdida politika fid-dinja.  Waħda li tħares li taħdem fid-demokrazija b’metodi li huma dejjem fuq din il-linja.  Ma kellniex min jiġġustifika li jagħmel azzjonijiet ħżiena f’isem għan li għalih seta’ jarah bħala tajjeb.  Proprju għax konna attenti u preparati għal dak li kien għaddej fis-soċjetà li ħriġna b’diversi miżuri u proposti li minnhom għamilna l-ġdid.  Il-pajjiż, taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, ma ħalliex warajh wirt żbaljat.  Ħadem, u dik il-ħidma għandha magħna titgawda.

Mingħajr estremiżmu

3.      M’aħniex però niddefendu dak li għamilna qabel.  M’aħniex nifhmu li qed nippermettu lill-Partit Laburista li jieħu mertu ta’ xogħol li wettaqna aħna.  Għax ilkoll nafu li fil-politika, dak li jsir f’ġurnata, dejjem jekk ikun tajjeb, il-frott minnu ma joħroġx mill-ewwel, imma maż-żmien.  Kull min jiżra’ jaf li mhux neċessarjament ser jaħsad kemm irid.  Għax jekk l-ekonomija hija soda preżentement, dan ġej għax ittieħdu diversi deċiżjonijiet strateġiċi tajba minna. L-istess l-aspett soċjali u demokratiku.  Bnejna stat b’diversi miżuri li kienu bilanċjati; iħarsu lejn l-uċuħ kollha tas-soċjetà mingħajr ma jkunu estremisti.  Bilanċjati fit-triq tan-nofs: dik taċ-ċentru soda u ċar.

Deherna dak li m’aħniex

4.      L-estremiżmu politiku, għal min irid il-ġid lil pajjiżna, ħsara jispiċċa jagħmel.  Dawk li jġibu ruħhom iħarsu lejn il-politiċi ta’ din l-għaġna, ħafna drabi dittaturi, fuq il-lemin jew fuq ix-xellug, jispiċċaw bħalhom huma wkoll għax ikunu jridu jimitawhom.  Fil-politika jew qiegħed hemm għalik innifsek, jew qiegħed għal dawk li jivvutawlek.  Meta tagħżel tal-ewwel tmur lejn l-estremiżmu.  Dan huwa magħruf minn ħafna li jsegwu dokumentarji varji, jaqraw u jiflu.  Fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien hemm diversi fil-poplu li llum il-ġurnata nsib li sfortunatament ħarsu lejna u ħadu l-messaġġ li konna fuq dik il-linja.




Ulied ir-raġuni

5.      Fil-ħajja, il-metodu huwa importanti.  Il-mod ta’ kif tieħu r-raġun huwa determinanti.  Jista’ jkollok raġun, però tispiċċa tieħu t-tort b’dak li tgħid u dak li tagħmel.  Jista’ jkollok messaġġ politiku validu, imma l-metodu li bih twasslu jispiċċa jitlef mis-sustanza tiegħu.  Tista’ tkun bniedem tar-raġuni, però tibgħat il-messaġġ li miegħed ma tirraġunax.  L-għajjat, l-aggressività, dak li jarawh bħala reċtar, jispiċċa jbegħdek min-nies.  Il-poplu Malti, fil-maġġoranza tiegħu, jrid politika moderata, jrid politiċi li jirrappreżentaw dan u li jistgħu jifhmuhom u jaħdmu magħhom.  Proprju għalhekk li fil-passat konna suċċess, u proprju għalhekk li għandna nħarsu mill-ġdid biex inkunu fil-futur.

Passi żgħar u sempliċi

6.      Irridu issa f’din l-opportunità ġdida nifhmu li rridu nbiddlu.  Jekk ser nerġgħu nkunu dak li konna f’dawn l-aħħar snin, bl-istess metodu u bl-istess “protagonisti”, allura mhux ser navvanzaw.  Hemm ħafna li jista’ jsir mingħajr ma naraw esaġerazzjonijiet jew azzjonijiet żbaljati fi ħdan il-partit.  Għandna diversi li huma moderati, leali, attenti u ulied il-poplu.  Irridu nbiddlu bihom biex inġibu lilna nfusna f’dak li aħna.  Nikkonċentraw lura fuq passi żgħar, sempliċi u diretti.  Fuq quddiem il-mezzi tal-komunikazzjoni tagħna.  Iktar bnedmin li jarawna, li jisimgħuna, li jaqrawna.  Lura li jkollna kotba politiċi pubblikati li jagħtuna l-okkażjoni nifhmu iktar dan kollu u dak li ġej.

Il-futur għalina

7.      Il-futur huwa quddiemna, għad-dispożizzjoni tagħna.  M’aħniex barra mill-politika għax qegħdin fl-oppożizzjoni.  Anzi, b’dak li sejjer isir minna f’dawn il-ġimgħat ser jinfluwenza ‘l-partit fil-Gvern, li qiegħed jitlef mill-ideat, mill-proċess tiegħu u qed jinfetħu xenarji interni differenti.  Dan iktar u iktar bl-appuntamenti elettorali li ġejjin u bil-pożizzjonijiet politiċi li ser jinqalgħu, il-Presidenza tar-Repubblika, fl-Unjoni Ewropea flok il-Perit Karmenu Vella, u Leo Brincat.  Irridu nifhmu li l-voti m’humiex muniti li ma jiċċaqilqux mis-senduq.

Bnedmin tar-riforma tal-ġustizzja soċjali

8.      Dawk li vvutawlna l-bieraħ ma jfissirx li ser jerġgħu; anqas li dawk li m’għamlux hekk, mhux ser jibdlu l-fehma f’dak li ġej.  Irridu għalhekk nifhmu li sejrin lejn elettorat differenti li rridu nkunu kapaċi nikkonvinċuh.  Kapaċi nkunu, għal darb’oħra, bnedmin tar-riforma, tal-ġustizzja soċjali li, għax għandhom il-metodi tagħhom imwielda fiċ-ċentru moderat, jirbħu lura moħħ u qalb il-poplu lejn il-bidliet il-ġodda li pajjiżna tant għandu bżonn.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...