2.8.17

Elezzjonijiet farsa

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ partiti demokratiċi oħra u jikkundanna bil-qawwa dak li seħħ fil-Venezwela. L-elezzjonijiet farsa li ġew organizzati mir-reġim soċjalista tal-President Nicolas Maduro m’għandhomx jiġu aċċettati u rikonoxxuti.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li tul dawn l-aħħar xhur, is-sitwazzjoni politika marret ferm aktar għall-agħar. Tul dawn l-aħħar xhur, rajna Gvern aktar awtoritarju, li qed ikompli jneħħi s-separazzjoni tal-poter u joħnoq id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u dik tal-għaqda u l-assoċjazzjoni.
 
Id-demokrazija f’dan il-pajjiż qegħda biċċa biċċa tiġi żarmata bl-istess metodu li dittaturi oħra għamlu f’sekli u żminijiet oħra. Diġà rajna li żewġ appuntamenti demokratiċi - dak tar-referendum għat-tneħħija tal-President kif ukoll dawk tal-elezzjonijiet reġjonali - twaqqfu irregolarment mir-reġim.
 
Issa l-elezzjonijiet ġenerali huma parti minn din l-istrateġija antidemokratika li qed iservu biss biex jiġu eletti membri tal-Partit Soċjalista fejn il-koalizzjoni tal-Oppożizzjoni Mesa de la Unidad Democratica (MUD)immexxija minn Henrique Capriles titlef kull saħħa politika istituzzjonali.Għalhekk ġie organizzat bojkot mill-Oppożizzjoni li kien effettiv għax kien
biss 18.5% tal-poplu li mar jivvota.
 
Kif kien qal tant tajjeb Rafael Caldera, President demokratiku kristjan ta’dak il-poplu, “id-demokrazija trid tissielet ma’ ħafna ostakli u diffikultajiet biex tibqa’ ħajja fid-dinja moderna tal-lum”.
 
Proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista, li ġġieled f’diversi ċirkostanzi simili hu wkoll għad-demokrazija f’pajjiżna, l-ewwel jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Oppożizzjoni demokratika b’mod partikolari mal-partit demokratiku Kristjan COPEI, u t-tieni jappella b’saħħa biex pajjiżna wkoll jingħaqad ma’ diversi stati oħra fl-Unjoni Ewropea biex jikkundanna dak li ġara u ma jirrikonoxxix bħala leġittimi l-elezzjonijiet farsa li saru.
 
Carmelo Mifsud Bonnici
Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ
 
David Stellini
Kelliem għall-Affarijiet Ewropej
01.08.17

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...