21.8.17

Bnedmin b’Dinjità.




1.     Il-bniedem huwa verament kumplikat.  Anzi, forsi aħjar, huwa stess kaġun dan.  ‘Homo’, li suppost huwa ‘Sapiens’, insibuh jaġixxi b’dan il-mod.  Kif Fyodor Dostoyevsky, f’parti mill-ktieb tiegħu “L-Aħwa Karamazov” jirrifletti li għalkemm wieħed jara li l-bniedem jaf isir bestjali, fil-fatt għandu jammetti li l-annimali mhumiex kapaċi jwettqu azzjonijiet ta’ ħdura bħalu.  Illum dan huwa iktar u iktar minnu, bi gravità aqwa għax fi żmien il-kittieb Russu r-rapporti tal-eventi umani ma kienux iġibu l-att innifsu jseħħ quddiem min qiegħed jarah.  Mentri llum fid-dinja, bil-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-affarijiet inbidlu kompletament.



Skandaluż



2.     F’din id-dinja tekonoloġikament avvanzata, fejn kollox huwa suppost jimmira lejn iktar edukazzjoni, ċiviltà u tħaddim tal-valuri tal-ħajja naraw xeni u aġir li la jirrispettaw, u anqas huma xierqa għall-bniedem.  Dan ħassejtu direttament waqt li kont qiegħed nara, fuq il-mezzi tax-xandir rispettivi, żewġ rapporti ta’ inċidenti mill-iktar koroh barra żewġ postijiet ta’ divertiment.  L-ewwel, il-mewt taż-żagħżugħ Taljan Niccolò Ciatti fi Spanja, u t-tieni ta’ żewġ barranin li ftit żmien ilu qalgħu xebgħa tajba ġewwa Paceville.  Ir-rappurtaġġi ġiebu biċċa d-daqqiet lil bnedmin minn oħrajn li, għax ħassewhom iktar b’saħħithom, komplew għaddejjin bla rażan ta’ xejn fuq l-oħrajn.  Aġir skandaluż u li għandu jiftħilna għajnejna fejn qegħdin f’din is-soċjetà.



Inġusta, żbaljata u illegali



3.     Għal min, bħali, rahom, jagħraf minn naħa l-gravità tal-aġir diżuman, u fuq l-oħra l-fatt li għalkemm setgħu twaqqfu, ħadd ma intervjena.  Fi Spanja, mijiet ta’ spettaturi kien hemm, u ħadd ma ħass li qegħda ssir xi ħaġa inġusta, żbaljata, illegali, tant li għandu jintervjeni b’difiża u solidarjetà għal min kien qiegħed mal-art ilaqqatha.  L-istess hawn: persuni li suppost jipproteġu u jiddefendu, li suppost għandhom liċenzja, ħallew kollox għaddej, anzi ħadu sehem attiv huma stess.  Xeni mhux biss kundannabbli, għax din il-kelma ma tesprimix biżżejjed dak li l-bnedmin ta’ rieda tajba ħassew f’dawn iż-żewġ postijiet fejn hemm mhux il-liġi tal-ġungla tal-annimali, imma tal-bnedmin li ma jibqgħux dak li suppost huma.



Materjaliżmu liberali



4.     Is-soċjetà tagħna tidher li fil-progress tagħha qed titlef mill-valuri fundamentali tagħha.  Fil-materjaliżmu liberali tagħna, sejrin iktar għall-forza ta’ liġijiet li Charles Darwin iddeskriva fil-kitbiet tiegħu.  Fejn m’għadniex iktar dak li konna biex inkunu dak li m’aħniex.  Qed nitilfu mis-sustanza li hija tagħna, li tagħmilna bnedmin għax suppost li għandna nikkompetu ma’ xulxin, nattakkaw lill-oħrajn u mmorru lejn duttrina li n-nażiżmu ppriedka u pprattika.  Dawn l-inċidenti huma għalija indikazzjoni ta’ linja li għaddejja, fejn min qiegħed imexxi, flok jibdel il-kurrent qiegħed minflok imur aktar fih.  Qed nitilfu, u dan mingħajr ma nindunaw.



Jum nazzjonali



5.     Dan iktar u iktar żiedli ma’ dak li rajt f’dan il-pajjiż tagħna fil-jum nazzjonali tal-15 ta’ Awissu.  Sas-sena li għaddiet kien hemm reverenza lejn din il-ġurnata li tfisser tant għall-ħajja demokratika tagħna.  F’dan il-jum, ħamsa u sebgħin sena ilu, daħal il-Konvoj li ddetermina li pajjiżna jibqa’ wieħed liberu u ma jaqax taħt in-nażi-faxxiżmu.  Huwa jum sagru, qaddis.  L-ewwel lejn dawk li fl-altruwiżmu u s-solidarjetà magħna tilfu ħajjithom; it-tieni, għall-patrijotti veru ta’ din il-gżira għax bqajna ħajjin, inxejru l-bandiera tas-sewwa f’isem il-ġustizzja u bqajna neżerċitaw id-dritt li nibqgħu Nsara u ma nsirux bilfors atei.



Nieqfu minn kollox



6.     Kien jum li fih konna nieqfu minn kollox, salv l-emerġenza.  Issa, b’emendi legali, diversi ħwienet jistgħu jiftħu u jibqgħu għaddejjin fil-ġurnata qisu ma jeżistix dan il-jum sagru.  Biss, kif nafu, dak li huwa legali mhuwiex dejjem moralment u nazzjonalment korrett.  Ulied missirijietna li jinsabu midfuna u li għandna d-dmir li nirrispettaw, qegħdin b’dan nonqsuhom.  Kif il-patrijota Pollakk Karol Woytila kien qal: “La patria e l’eredità e nello stesso tempo, è la situazione patrimoniale derivante da tale eredità; ciò riguarda anche la terra, il territorio.  Ma più ancora il concetto di patria convolge i valori e i contenuti spirituali che compongono la cultura di una data nazione”.



Għeruq storiċi



7.     Għandna dawn l-għeruq storiċi u kulturali tagħna li armejna għax is-suq qiegħed jiddetta, għax qed insiru iktar bnedmin għas-servizz tal-ekonomija, għax qed insiru iktar parti minn dawk li jaħsbu, żbaljatament, li l-liberaliżmu huwa l-liġi naturali tal-bniedem.  L-interess privat għandu limitu, u s-suq irid jiġi regolat sew u mhux jiġi permess li jmur kontra l-istorja u t-tradizzjonijiet tagħna.  F’dan però ammirajt iktar lill-bdiewa li ma waqgħux għal din it-tentazzjoni.  Għax dawn huma bnedmin li, fil-maġġoranza tagħhom jagħrfu minn missirijiethom il-qdusija tal-jum.  Li jifhmu, mill-ħidma diretta tagħhom man-natura li hemm Min huwa fuqhom u li għandhom jirrispettaw iktar mill-flus.



Deżert



8.     Il-ġimgħa kompliet f’din id-direzzjoni, meta fil-bżonn narċiż li wieħed iqiegħed fuq il-mezzi soċjali dak kollu li wieħed jara.  Mingħajr ħsieb, rajna mara li dehret mingħajr ħwejjeġ taġixxi b’mod mill-iktar stramb.  Diversi rawha, mingħajr ma ġihom f’moħħhom li kienet persuna hija wkoll, u mhux oġġett.  F’dan wieħed għandu jagħti kredtu lill-mezzi ta’ dan il-partit li ma daħlux għaliha.  Kif ukoll, u iktar, il-kliem meqjus tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia, li appella għad-dinjità umana tagħha.  Kien vuċi tar-raġuni f’deżert ta’ materjaliżmu.



Valur patrijottika



9.     Dawn huma kollha atti umani li juru li qed nitilfu mid-dinjità nazzjonali tagħna.  Dan huwa patri mill-valur patrijottika tagħna, dan il-ġid komuni għalina li għandna obbligu li niddefendu.  Għandna dmir li nħarsu dan il-patrimonju uman.  Għax m’għandniex nippermettu li nitilfu mid-dinjità tagħna, li mmorru lejn dak li ma jagħmilx minna bnedmin aħjar.  Li flok nagħmlu passi lejn iċ-ċiviltà, immorru lura minn fejn tlaqna.  Biss, kollox jiddependi minna.  Kemm lesti nikkumbattu għal dan, u t-tieni li nifhmu li f’dak kollu li jiġri fis-soċjetà rridu nkabbru aktar l-għarfien li aħna bnedmin li għandna dinjità.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...