25.7.17

Lejn kapitolu ġdid.


 
1. Il-proċess elettorali intern fi ħdan il-Partit Nazzjonalista tul din il-ġimgħa rregistra pass ieħor. Wieħed li minnu, kif lkoll nafu, ser jiġi finalment magħżul mill-kunsilliera u mit-tesserati tiegħu kap ġdid. Min ser fl-aħħar jidħol għal dan il-piż u responsabilità għandu bżonn l-appoġġ tagħna lkoll. Ix-xenarju politiku preżenti għalina m’ huhiex wieħed feliċi anzi huwa mimli mrar. Ħaġa ġabet oħra u forsi għal uħud hemm min jaħseb li t-triq hija f’direzzjoni waħda mingħajr bidliet li bihom nistgħu nirreġistraw lilna nfusna lura lejn dak li huwa tajjeb għalina.

Kurrent qawwi

2. Għandna quddiemna erba’ kandidati. Lkoll m’hemmx dubju għandhom l-merti tagħhom. Fuq kollox però rridu nirreġistraw il-kuraġġ tagħhom li jersqu ‘l quddiem biex jippruvaw jibdlu l-eventi li dħalna fihom. Lkoll nafu bid-diversi kumplikazzjonijiet li hemm. Nafu wkoll bin-nuqqas ta’ fiduċja li nibtet biċċa biċċa. Konxji li l-moral tas-segwaċi tal-partit m’huwiex f’dan il-mument proprju għoli. Għalhekk min qiegħed ismu fuq il-lista - Adrian Delia, Alex Perici Calascione, Chris Said u Frank Portelli għandhom x’jaqdfu fih. Hemm kurrent qawwi li jrid saħħa biex jingħeleb.

Jimbidel l-intern tal-partit

3. Min jidħol jaf li jekk jrid jirbaħ il-kunsens elettorali jrid jibdel. Jrid jibdel l-intern tal-partit. Mhux ser ikun faċli li tiġi ffaċċjata realtà u verità li ilha biex tiġi hekk numru ta’ snin. Jekk dak li ħdimna bih, dak li ġie utilizzat fil-kampanji elettorali ta’ erba’ appuntamenti ma ħadimx, wasal iż-żmien li jinbidel. Ma nistgħux nippretendu li għax nibqgħu ninsistu li nagħtu dak li ma jridx jiġi mittiekel f’xi mument ser jkun hemm min huwa tant iddisprat u bil-guħ li jikkunsmah. Morna bl-istess metodologija, bl-istess vuċijiet, bl-istess koki , bl-istess riċetti li wasal iż-żmien li naċċettaw li aħna li kellna nuqqas u mhux il-klijent li waqaf jidħol għandna.

Bidla bis-serjetà

4. Il-bidla trid issir bis-serjetà lejn id-direzzjoni t-tajba. Lejn dik idejologika l-ewwel u lejn liema strateġija u tattika wara. Min jaf ftit storja politika Maltija għandu jinduna li tul dawn l-aħħar snin kien hemm min pprova jibdel il-bazi ideoloġika tagħna. Nimxu maż-żminijiet ma tfissirx nintilfu f’dak li aħna nirrapresentaw. Il-Partit Nazzjonalista kien diġà ideoloġikament differenti mill-Partit Laburista u kostituzzjonali mhux abbazi ta’ linja ta’ interess jew vantaġġi partiġjani imma ta’ ħsieb, ta’ ideat u formazzjoni. Fiż-żmien setgħu it-tlieta ħadu minn ta’ xulxin imma ħadd ma pprova jidħol u jissostitwixxi lill-ieħor. L-għażla demokratika kristjana ġiet proprju f’dan bħala parti mir-riforma soċjali tas-soċjetà għall-kuntrarju tas-soċjaliżmu u tal-liberaliżmu li oħrajn kienu jirrapreżentaw.

Vokazzjoni għas-sewwa

5. Hemm sitwazzjonijiet ġodda li jridu jiġu konfrontati ma’ hemmx dubju. Biss m’ għandniex nintilfu f’linja ta’ pragmatiżmu politiku li jġibna bla ruħ u kuxjenza. Nitilqu mill-prinċipji tagħna u nkunu intelliġenti f’kif napplikawhom għar-realtà tal-lum. M’għandniex naqtgħu qalbna f’dan għax hemm soluzzjonijiet li rridu nfittxu u nsibu. Inmexxu lin-nies lejn il-vokazzjoni tas-sewwa li jridu u jippretendu minn għandna. Dan iktar u iktar illum meta hawn iktar bnedmin li qed ifittxu u jixtiequ il-verità f’dinja li flok tgħin qed tħawwad iktar l-affarijiet. Min jiġi finalment magħzul dawn ser jkunu parti mid-domandi li jrid iwieġeb fil-karta tal-eżami politika.

Pożizzjoni skomda

6. Ma għandix rasi marbuta f’dan. Għaddejt minn ħafna ċirkostanzi u staġunijiet interni fi ħdan il-partit. Ħassejt diversi drabi li għandi ngħid l-opinjoni tiegħi kif naraha lil kull min kellu t-tmexxija anki jekk kont naf li ma jaqbilx miegħi. Sibtni f’pożizzjonijiet skomdi diversi mumenti proprju minħabba dan, biss ippreferejt nkun veritier miegħi innifsi milli nimxi mal-kontra. F’kelma oħra ngħid dak li ma naqbilx miegħu jew dak li kont nara li mhux ser iġib suċċess ta’ xejn. Sfortunatament f’diversi mumenti kelli raġun u għalkemm baxxejt rasi pprevedejt dak li kien ser iseħħ. Xtaqt li ngħatajt widen iktar għall-ġid tal-partit. Naċċetta però dak li ġara. Il-lealtà tiegħi f’dan kollu hemm kienet u hemm baqgħet. Ma ċċaqilqitx.

Konsultazzjoni interna

7. Anki jekk nittama li ma jkunx hemm wisq demm politiku li jiġi mxerred f’din il-kampanja interna jiġi min jiġi elett ser jkollu l-appoġġ normali tiegħi. Appoġġ bbażat fuq ir-raġuni, fuq il-konsiderazzjoni tas-sewwa mhux fuq il-vantaġġ personali. Il-lealtà tiegħi f’dan tul dawn is-snin żammejtha boxxla importanti l-ewwel lejn il-poplu u t-tieni lejn il-partit. Ma għandhix dubju li din ser tkun ukoll il-linja ta’ diversi membri tal-grupp parlamentari bħali li għaddew diġà min ħafna u kapaċi jagħtu pariri tajbin. Jiddependi f’dan minn min jiġi elett jekk jagħlaqx lilu nnifsu f’kastell jew jekk jismax u jikkonsulta.

Partit huwa djalogu

8. Min irid jkun suċċess f’dan irid jifhem li l-kap tal-partit m’huhiex dak li għandu poteri li ma jimxux id f’id mad-demokrazija. Ma huhiex dixxendent tal-monarkiji  imma parti minn bnedmin li flimkien jridu il-ġid. Li flimkien jużaw it-talenti varji tagħhom biex jsawwru politika li tagħmel il-ġid lill-poplu kollu. Jekk min jiġi elett jiddeċiedi li jingħalaq f’kamra mal-ftit jkun qiegħed jaqta ruhu barra min dak li haddiehor kapaċi jagħtih. Il-partit huwa l-ewwel djalogu, t-tieni huwa dibattitu, t-tielet huwa diskussjoni u fl-ahhar nett huwa deċizjoni ffurmata fuq it-tlett punti ta’ qabel. Kap ma jiġix aċċetat għax jiddeċiedi ħażin jew għax jaqta l-irjus ta’ dawk li jridulu l-ġid. Kap jsir biċċa biċċa bil-kunsens intern ta’ kull persuna anki ta’ dawk li setgħu fil-bidu kienu xettiċi jew qalu kontra tiegħu.

Kull persuna importanti

9. Forsi għedt ftit iktar milli kelli ngħid. Imma nħossni fid-dmir għal min irid jisma li nagħmel dan. Ndaħħal idi fil-feriti miftuhin mhux biex inkabbarhom imma biex ngħin sabiex jingħalqu. Nawgura kampanja tajba lil kull wieħed mill-kandidati. Kull wieħed huwa mportanti bħal ma huma dawk li ser jappoġġjawhom u jivvutawlhom. M’għandniex xi lussu politiku li nagħmlu il-kontra. Anzi rridu nagħrfu li kull persuna huwa importanti. Jekk min jiġi elett jifhem dan kollu allura nkunu qed nibnu verament kapitolu ġdid fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...