31.7.17

Il-Pożizzjoni Politika Tagħna.


1. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed f’proċess ta’ għażla. Waħda li minnha jista’ jġib bidla għalih u għall-pajjiż li qiegħed għal darb’oħra jaħdem biex jarah jimxi ‘l quddiem. Fis-snin ta’ qabel, u dan kull darba li sab ruħu mgħobbi mill-poplu bir-responsabbilità tal-poter mexxa l-quddiem. Bena ħafna għax kellu vizjoni ċara u min ġie warajh ma kellux bzonn iwaqqa dak li sab imma kellu l-opportunità jibni fuqu, jżid. Il-Partit bena soċjetà demokratika ispirata mil-linja politika tiegħu, dik li tispira ruħha mill-valuri insara. Fuq dawn il-pedamenti kienu marbuta s-suċċessi nazzjonali tiegħu.

Parti essenzjali

2. Il-Kristjaneżmu fortunatament huwa magħna u għadu b’saħħtu. Il-valuri tiegħu assigurawlna futur aħjar mill-passat li kellna. Ħadd ma jista’ jiċħad dan iktar u iktar f’din is-soċjetà li l-mod ta’ kif taħseb u tirraġuna huma magħġunin mill-kliem tal-vanġelu u mill-enċikliċi tal-papiet. Hemm min jista’ jaħseb li dan huwa xi xkiel għas-soċjetà. Li jemmen żbaljatament li mingħajr il-valuri nsara nistgħu niksbu riżultati aħjar imma l-esperjenza umana tas-sekli turi proprju l-kontra. Kif qal tajjeb l-istoriku Fernand Braudel “Christianity is an essential reality in Western life: it even marks atheists, whether they know it or not.”

Bidla effettiva

3. Dan għax kif ikompli jispjega “Ethical rules, attitudes to life and death, the concept of work, the value of effort, the role of women and children—these may seem to have nothing to do with Christian feeling: yet all derive from it nevertheless.” Din hija r-realtà tagħna li ma nistgħux naħirbu minnha. L-istituzzjonijiet demokratici tagħna u dawk Ewropej huma ispirati mill-prinċipji nsara. Proprju għalhekk kienu u għadhom suċċess. Ma humiex perfetti għandhom n-nuqqasijiet tagħhom però proprju għalhekk li aħna qegħdin f’proċess kontinwu ta’ bidla lejn iktar effettività. Lejn li nassiguraw li dak li qiegħed jsir jirrispetta id-dinjità tal-bniedem f’dak li verament huwa mhux dak li tejoriji oħrajn jimmaġinaw.

Is-suċċessi tagħna

4. Aħna partit ta’ ispirazzjoni kristjana fid-demokrazija. Użajna l-valuri etiċi tal-kristjaneżmu biex bnejna stat li jħares biex iwettaq numru ta’ prinċipji determinanti. Lejn is-sussidjarjetà u d-deċentraliżżazzjoni tal-poter jiġifieri li ma tħallix il-poter tal-pajjiż fi ftit idejn, għalhekk  bnejna l-kunsilli lokali. Lejn l-interklassizmu fejn ma konniex vuċi ta’ sezzjoni waħda tal-komunità imma wettaqna miżuri favur il-Maltin ġejjin minn liema klassi soċjali ġejjin. Lejn is-solidarjetà li ngħinu li min jinsab fil-bżonn speċjalment lil dawk li qedhin l-iktar l-isfel fil-mezzi ekonomiċi. Lejn il-bniedem li ħadna ħsieb li jkollna l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu sija hawn kif ukoll fuq il-kontinent Ewropew. Lejn ekonomija li tħares li tikkontrola l-kapitaliżmu żbaljat u tissoda fih l-aspett soċjali. Lejn l-importanza li tajna għall-istabilità fil-familja.

Niffurmaw politici futuri

5. Għad fadlilna x’naħdmu u nwettqu fis-soċjetà. Biss għax għandna programm politiku ċar għandna vantaġġ. Nistgħu narmu dan għax fostna jkun hemm min għandu l-idea żbaljata li l-Partit Nazzjonalista m’għandux jibqa iktar wieħed demokristjan. Biss jekk iħares lejn il-passat jirrejalizza li dan il-partit li mit-twaqqif tiegħu kien deċiż li jipproteġi l-valuri nsara u li jġibhom fis-seħħ permezz tal-għodda tal-enċiklici soċjali għamel suċċess għax dak li wettaq ġie aċċettat bħala tajjeb fir-riżultati li kiseb. Ngħid iktar dan waqt li nifhem li sfortunatament f’dawn l-aħħar snin abbandunajna li niffurmaw l-politiċi futuri tagħna f’din il-linja politika.

M’ aħniex komunisti, konservattivi jew liberali

6. Mhux biss inqasna li ngħaddu dan it-tagħlim imma kellna wkoll in-nuqqas li m’ għallimniex għaliex ma nistgħux nkunu ħaġa oħra. Ma nistgħux inkunu dawk li huma marbuta mal-materjaliżmu ta’ Marx u Lenin. Anqas mat-tradizzjonaliżmu konservattiv li  jrid jippreserva s-soċjetà f’dak li hi fejn il-klassijiet soċjali ma jiċċaqilqux. Anqas mill-liberaliżmu li jassigura li min huwa b’saħħtu fis-suq u fis-soċjetà jkompli jikber u jaqta barra lil min huwa lura. L-istorja Ewropea hija mimlija bi żbalji politiċi li ttieħdu minn dawn l-ideoloġiji politiċi. Jekk hemm min qiegħed jitħajjar li jimithom jkompli, però għandu jkun jaf li ser iġib ruħu f’pożizzjonijiet fejn il-poplu jikkundannah u jkun irid ineħħih.

Hemm principju u beħsiebni nżommu

7. Qiegħed f’dawn il-jiem nisma bħalkom dak li l-erbgħa kandidati għal kap tal-partit qed jgħidu. Min qiegħed jibża jiddikjara li huwa għandu għal qalbu l-valuri nsara għax jilludi ruħu li se  jgerexx xi kaħli qiegħed f’dan jiżbalja doppjament. L-ewwel għax kap denju tal-partit nazzjonalista jrid jirrispetta r-raġuni għala ġie mwaqqaf il-partit u t-tieni għax hemm xewqa għatxana qawwija għalih mal-elettorat tagħna. Tul dawn is-snin li ħdimt bi pjaċir u ferħ favur dan il-partit żammejt ruħi leali lejn dawn l-prinċipji. Ma dħaqtx bikom li ħadd wara ħadd stajtu taqraw dak li naħseb f’dawn l-artikoli. Il-linja tiegħi hija ċara u hekk ser tibqa għal dawk  minnkom li qed iduru fuqi għall-parir. Għax l-prinċipju demokristjan  nemmen fih għax rajtu u nibqa narah li huwa l-iktar kapaċi jgħamel il-ġid lill-bniedem. Mhux lest li naqbad għal dan il-partit toroq li flok is-sewwa tiġi minnhom dnewwa, flok il-ġustizzja soċjali l-inġustizzja soċjali. 

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...