13.7.17

Differenti mis-Soltu.





1.      Dan is-sajf ser ikun wieħed differenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Is-sħana esterna ser tkun magħna waqt li nibdew u nlestu l-proċess biex jiġu magħżula Kap u diriġenza ġdida.  Kif inhuwa aċċettat minn ħafna, il-pass minn naħa tal-Kap u l-Viċi kapijiet li jirriżenjaw wara l-aħħar riżultat elettorali xejn tajjeb huwa wieħed kuraġġuż, però neċessarju.  Hemm bżonn li l-partit jibdel kompletament il-mod ta’ kif kien qiegħed jaffronta l-politika.  Jibdel l-istrateġija u t-tattika, però jirriafferma l-prinċipji demokristjani tiegħu.  Dan għax ma tlifniex l-identità tagħna.

Bidla effettiva

2.      Hemm bżonn li nbiddlu u mhux nidhru li qegħdin inbiddlu.  Irridu nkunu iktar diretti f’dak li rridu nagħmlu sabiex mhux sempliċement nidhru li għamilna tibdil, imma li effettivament dan iseħħ.  Il-poplu, ngħidu x’ngħidu, attent għal dak kollu li qiegħed isir.  Jifher u jagħraf ħaġa minn oħra.  Anke jekk il-pjaċiri, il-klijenteliżmu qawwi kellu effett fl-aħħar elezzjoni, però xorta rridu naċċettaw li diversi ħassewhom iktar moħħhom mistrieħ bil-Gvern preżenti milli bil-bidla tagħna.  F’mumenti ċert li, mingħajr ħafna ma fehmu, konna qed nibgħatu l-messaġġ li l-arloġġ ser imur lura.

Dak li qed naffrontaw

3.      Il-politika trid tagħmilha, però trid issir fil-kuntest nazzjonali.  Ma tistax issir f’bozza, mingħajr ma tieħu inkonsiderazzjoni li l-Partit Laburista huwa mmexxi minn kap li rnexxielu jibqa’ jżomm maġġoranza qawwija għal issa tmien snin.  Mill-2009 hemm ir-realtà assoluta li l-Prim Ministru assigura saħħa elettorali qawwija f’żewġ appuntamenti elettorali: għall-Parlament Ewropew u tnejn oħra għal dawk nazzjonali.  Dawn il-fatti, dawn il-figuri ħadd ma jista’ jaħrab minnhom.  Irid sempliċement jaffrontahom.  Irid jifhem li mhuwiex faċli li tibdel il-fehma tal-bnedmin li qed jibgħatu sinjal, b’mod ċar, li qegħdin komdi kif fi żmien ieħor kienu taħtna.

Realpolitik Maltija

4.      X’ser jiġri minn Joseph Muscat il-futur irid jurina.  Jekk huwiex ser jibqa’ jmexxi ‘l-Partit Laburista jew le hija f’idejh.  Jista’, kif iddikjara, jitlaq, u jista’ jibdel il-fehma u jibqa’.  Però dan, f’ħafna sens jista’ jkun argument li huwa wieħed sekondarju.  Għax anki jekk ma hemmx dubju li għandu abbiltajiet li oħrajn qablu ma kellhomx, il-punt huwa li rnexxielu jqabbad mekkaniżmu politiku li qiegħed iħalli l-marka tiegħu.  Dan huwa li aħna rridu nikkonfrontaw.  Nistgħu nagħmluh mhux billi mmorru għal mudelli tal-passat reċenti, imma billi jkollna l-kuraġġ ninvestu lejn il-futur b’għodda u mexxejja li huma differenti u ġodda.  Kif beda Muscat irridu nidentifikaw aħna mexxej tagħna, bi djalogu intern u b’għarfien tar-realpolitik Maltija.

Dimensjoni Ewropea

5.      F’dan wieħed irid mill-ewwel, u mingħajr dubju, jirrikonoxxi l-pass kuraġġuż ta’ dawk li għażlu u dawk li ser jagħżlu li joffru s-servizzi tagħhom lill-partit.  Karigi jistgħu minn barra jidhru postijiet ta’ prestiġju; biss ilkoll nafu li jġorru magħhom responsabbiltà kbira.  Ma ninsewx li m’għadniex partit fuq gżejjer waħedhom fil-Mediterran, imma issa aħna wieħed fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Għalhekk aħna parti mill-politika u mill-istrateġija ta’ dak il-kontinent.  Dak li ngħidu, dak li nagħmlu, fejn nieħdu sehem, jirrifletti fuqna u fuq dak li qiegħed isir hemm.  Għalhekk irridu nassiguraw li l-għażliet tagħna jmorru fuq dawk li jservuna u jagħmlulna l-ġieħ anki f’din id-direzzjoni.

Tul is-sajf

6.      Tul dan is-sajf irridu, bħal bennejja li jibqgħu jaħdmu minkejja t-temperaturi, nassiguraw li nissudaw il-pedamenti tagħna.  Irridu nimxu fid-direzzjoni li nagħtu spazju ugwali lil dawk li qed iservu fil-politika.  Il-Membri Parlamentari, bħala dawk il-persuni li ġew magħżula mill-poplu biex jirrappreżentawh, għandhom jingħataw l-opportunità li jkunu fuq il-mezi tax-xandri tal-partit.  Jekk appellaw fuq livell lokali, il-vuċi tagħhom għandha tinstema’ biex tirrifletti ‘l-partit sħiħ f’dak li huwa.  Il-votant ħafna drabi jidentifika l-partit skont id-deputat li jkun ivvota għalih.  Proprju għalhekk li dan huwa essenzjali għax m’aħniex partit elitista, iżda tal-massa.  Tul l-aħħar snin rajt Membri Parlamentari jingħataw il-ġenb.  Il-vuċi tagħhom ma tinstemgħax u l-volontà elettorali ma tiġix rispettata.

L-identità ma tlifnihiex

7.      Fil-verità llum, iktarma jien immiss lura mhux biss mal-partit fil-parti ta’ isfel tal-pajjiż, imma mal-bqija ta’ pajjiżna, nifhem kemm l-identità tagħna hija ċara għalihom.  Ċara li aħna għadna demokratiċi nsara.  Ċara għal diversi li iktarminn qabel qed jinsistu magħna li ma nitilfux din il-linja politika.  Aħna ma tlifniex l-identità tagħna.  Għadna differenti mill-partit l-ieħor.  Għadna wkoll kapaċi naslu u nwasslu l-vuċi ta’ dan il-poplu.  Kapaċi nħarsu ‘l quddiem u nifhmu li bidliet hemm ħafna, però aħna qed nikkumbattu għall-bidliet it-tajba.  Dawk li jmexxuna ‘l quddiem bħala partit tal-poplu.



No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...