19.11.16

Ordni u stabilità.


1.     Xi żmien ilu kont qrajt dawn il-kliem miktuba minn Henry Kissinger: “Our age is insistently, at times almost desperately, in pursuit of a concept of world order.  Chaos threatens side by side with unprecedented interdependence”.  Kliem li tul din il-ġimgħa ġabar iktar sens u rilevanza wara l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti tal-Amerika.  Id-dinja timxi ‘l quddiem fl-ordni u l-ġustizzja.  Meta, minflok, ikun hemm id-diżordni u l-instabilità, is-sitwazzjoni tmur lura.  Proprju għalhekk li wieħed għandu neċessarjament jara dak li ġej għalina u kif ser jinbidlu l-pożizzjonijiet politiċi.



Sehem Obama

2.     Barack Obama, tul it-tmien snin tiegħu, irnexxielu jżomm dak il-pajjiż fuq quddiem, b’sehem determinanti u strateġiku f’dak li għaddej fuq il-mappa.  Mexxej fl-aħjar tiegħu żamm pożizzjonijiet li jekk ma wasslux għall-paċi, almenu naqqsu l-konflitti.  Li rnexxielu jkun fuq quddiem sabiex dan il-poplu jibqa’ dak li jxerred u jagħti xiehda tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Il-boxxla morali f’dak il-pajjiż ma ntilfitx.  Baqa’ wieħed fejn, bid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet kollha tiegħu, li fih ir-reliġjon baqgħet importanti u d-deċiżjonijiet politiċi jiġu meħuda bis-sens.  Kien jaf x’inhuwa jagħmel, anke jekk mhux kulħadd kien jaqbel miegħu.



Fatturi ġodda

3.     F’din il-bidla x-xenarju ser ikun differenti.  Ir-realtà politika hija issa li ser immorru lejn toroq ta’ instabilitajiet ġodda.  Imwielda minn fatturi differenti.  Minn naħa n-nuqqas ta’ formazzjoni politika, mill-oħra mill-ideat u l-karattru li huma fatturi li m’humiex proprju l-iktar li ser jeħduna lejn ordni, paċi u stabilità mondjali.  Dan ser jiftaħ pożizzjonijiet ġodda li jafu jibdlu kompletament il-bilanċi mondjali.  Mexxejja oħra ser jieħdu sehem ċentrali u d-dinja ser ikollha ddawar l-attenzjoni tagħha lejhom, tittama li f’dawn l-erba’ snin ma nsibux ruħna nvoluti f’konflitti li jġibu nkwiet u distruzzjoni.



Ħidmet Putin

4.     Fl-aħħar snin kien hemm mumenti diffiċli ħafna għad-dinja u għall-Mediterran li ħallewna mmarkati.  Il-gwerra ċivili fil-Libja ma kenitx faċli.  Biss, ferm iktar kumplikati kienu dawk li żviluppaw fl-Ukrajna u fis-Sirja.  Ħidmet Vladimir Putin ikkumplikat u fl-istess ħin ressqet lejn tensjonijiet ġodda li qajmu r-rivalitajiet li ż-żmien tal-gwerra bierda ħafna minna nafu sew x’sarrfet.  F’mumenti ħafna, speċjalment fil-kwistjoni tal-Krimea, ħassew li dak li ma seħħx fl-Unjoni Sovjetika, kien ser isir issa.  Ma’ dan, il-kwistjoni tas-Sirja, bi ġlied qawwi fejn il-pendlu jiċċaqlaq daqqa favur naħa u daqqa oħra.  Ġustament jew inġustament, dak li ġara proprju għax għadu mhux solvut, sab ruħu parti mill-kampanja presidenzjali.



L-Unjoni Ewropea llum

5.     L-inesperjenza fit-tmexxija futura Amerikana ser tkun ta’ vantaġġ għal min irid ikompli jimxi f’din il-linja.  Dan għax ma hemmx xi element differenti libih nistgħu naraw tibdil fil-politika barranija Amerikana.  Ma hemmx ħafna li huma konvinti li ser ikun hemm xi intiża ġdida, jew xi ftehim fuq dawn iż-żewġ xenarji.  U dan huwa iktar viċin tagħna fl-Unjoni Ewropea milli naħsbu.  L-ewwel għax nikkordinaw ħafna mal-pożizzjonijiet li l-Istati Uniti tal-Amerika tieħu.  It-tieni, għax il-preżenza Russa għal diversi stati ex-sovjetiċi hija theddida.  It-tielet, għax il-kunflitt Sirjan ġieb miegħu xmara ta’ rifuġjati li qed iħabbtu sew fuq il-partiti politiċi tagħha.



Ibħra xejn faċli

6.     Fi ftit snin, il-karti fuq il-mejda nbidlu sew u l-mazz ġie mħallat diversi drabi.  Hawn biżgħat ġodda.  Sew politiċi, kif ukoll ekonomiċi li qegħdin bil-mod tagħhom imissu mal-kurrent ħaj tal-ordni u l-istabilità li lkoll irridu u nfittxu.  Il-mexxejja Ewropej li kellna ċertu konfort fihom issa huma wkoll qed jagħrfu li m’għadhomx b’saħħithom bħal ma kienu.  Angela Merkel fil-Ġermanja qegħda tħallas prezz politiku f’dan.  Franza bi François Hollande ma tantx tista’ titqies bħala determinant.  Ir-Renju Unit, bid-deċiżjoni li joħroġ mill-Unjoni Ewropea.  Jean-Claude Juncker għall-Kummissjoni Ewropea li qiegħed isib ruħu b’ibħra xejn faċli u kompletament ġodda.



Allejanzi jinbidlu

7.     Minn dan jidher iktar ċar li d-dinja li konna mdorrija biha fl-erba’ snin li ġejjin ser tgħaddi minn ċertu taqlib.  Jista’ jkun hemm min jipprova jieħu vantaġġ fuq id-dgħjufija ta’ oħrajn, kif rajna jsir f’okkażjonijiet oħra fl-istorja passata.  Jista’ jkun ukoll li ser naraw fatturi ġodda ta’ stabilità u ordni li jieħdu iktar rilevanza u importanza.  Allejanzi li drajna jafu ma jibqgħux kif kienu.  Toroq u metodi li kellna jafu jibdlu l-mira tagħhom.  Forsi stati li sa ftit ilu, bħall-Indja u l-Brażil, għad isibu spazju għal sehem ikbar milli kellhom, iktar u iktar fl-assenza ta’ ħaddieħor.



Sehem Xi Jinping

8.     Li jkun jaf iktar determinanti huwa s-sehem li ċ-Ċina, immexxija minn Xi Jinping, taf bih iċċaqlaq iktar ‘il quddiem.  Għandha għad-dispożizzjoni tagħha sitwazzjoni li mit-Tieni Gwerra Dinjija qatt ma kellha f’idejha.  Nafu li preċdentement ittieħdu diġà deċiżjonijiet li fuqhom tista’ tkompli timxi.  Il-pożizzjonijiet li ġew meħuda sarrfu f’politika barranija li hija xiehda ta’ stat li qiegħed jissoda iktar lilu nnifsu.  Fuq naħa hemm rabtiet ma’ pajjiżi varji li qabel ma konniex nimmaġinaw li ser isiru, speċjalment fil-kamp ekonomiku.  F’din il-linja, is-sehem ta’ dan il-pajjiż ser ikun iktar u iktar wieħed li minnu d-dinja ser tiddependi għall-istabilità u l-ordni.



Il-Pedamenti Veri.

9.     Il-fatt li dan il-mexxej trawwem u tbaskat minn żmien twil ilu fil-politika hija f’dan iktar vantaġġjuża.  Għax mexxejja jista’ jkun li jitwieldu, imma iktar minnhekk iridu jiġu mbaskta u mrawma.  Il-politika, kif l-esperjenza turina, titlob ħafna iktar mill-abbiltà li tagħmel il-flus fil-karriera li tagħżel.  Din il-ħidma umana neċessarja tiddependi għas-suċċess tagħha mill-preparazzjoni, esperjenza u direzzjoni ċara tal-mexxejja tagħha.  Dawn huma l-pedamenti veri.  Proprju għalhekk nemmen li partit politiku jibqa’ rilevanti għas-soċjetà, jibqa’ wieħed li jassigura l-ordni u l-istabilità jekk ikollu ideoloġija u linja politika bażata fuq valuri li ma jintilfux maż-żmien.  Fl-assenza ta’ dan irridu nkomplu nippreparaw rwieħna għal xenarji u sitwazzjonijiet kompletament ġodda li ma jwasslux lejn l-ordni u l-istabilità.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...