1.11.16

Idejna fuq il-Polz.


 
1.      Din is-soċjetà hija magħmula minn dawk li għandhom u minn dawk li m’għandhomx.  Il-Partit Nazzjonalista huwa wieħed li jirrappreżenta s-soċjetà kollha, il-klassijiet ġejjin minn fejn ġejjin.  Għalhekk jagħraf il-ħtiġijiet tagħhom u jipprova jkun katalist għall-bidliet li għandhom bżonn.  Iktar u iktar f’dawn iż-żminijiet fejn dawk li huma minn fuq qed jitilgħu iktar malajr u dawk li m’għandhomx neżlin biċċa biċċa.  Id-dmir tagħna huwa li nsemmgħu leħinna fil-pajjiż, fl-istituzzjonijiet demokratiċi u ninsistu li jittieħdu passi veri li jagħmlu differenza f’ħajjet il-bnedmin.  Nitkellmu favur u f’din il-linja nkomplu proprju għax idejna hija fuq il-polz.

Il-ġid mhux jasal għand kulħadd
2.      Ma tlifniex mill-kuntatt ma’ dawk li nippruvaw nirrappreżentaw.  Nifhmu dejjem iktar li hemm sejħa, anzi għajta qawwija li ġejja minn dawk li jridu jissieltu sew biex ilaħħqu mal-ħajja.  Din il-vuċi, wara tlett snin, dan il-Gvern qiegħed forsi fl-aħħar jibda jiddeċiedi li ser jibda jagħti każ tagħhom.  Imma r-realtà hija li dak li tressaq fil-Baġit m’huwiex bla ebda mod biżżejjed.  Jidher mod, mentri meta ser niġu fir-realtà tal-affarijiet, ser insibuh mhux adegwat.  Għax il-ġid nazzjonali li qiegħed jiġi ġġenerat mill-magni ta’ ekonomija b’saħħitha mhux qed jitqassam b’ugwaljanza u b’ġustizzja.  Fuq kollox, mhux minnu li l-ġid qiegħed jasal għand kulħadd.  Anzi, qiegħed jibqa’ għand uħud li l-Gvern komdu magħhom.

Frak
3.      Dan iktar wara l-aħħar ġimgħa fejn il-Baġit wera li l-passi msejħa “soċjali” huma biss frak.  Minn but l-Istat nafu li hemm numru sew li qegħdin igawdu minn pakketti ta’ salarji ġenerużi, menti hemm oħrajn li m’għandhomx din ix-xorti.  Fil-Baġit smajna lkoll li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena tħallsu erba’ mija u tlieta u erbgħin miljun ewro (443 miljun ewro) iktar f’pagi, jew 28% aktar mili tħallsu fl-istess żmien fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.  Jekk dan huwa minnu, id-domanda naturali li tqum hija: min ħa minnhom?  Żgur li mhux id-diversi persuni li qegħdin, għat-tielet sena skorruta u konsekuttiva, jgħixu fil-prekarjat.  Jgħixu f’pożizzjonijiet ekonomiċi li jew iridu xogħol prinċipali u wieħed part-time jew tnejn part-time biex jippruvaw ikampaw.

Liberal-kapitaliżmu
4.      Il-problema hija verament fil-linja u l-politika soċjali li dan il-Gvern iddeċieda li jħaddan.  Waħda li ma għandha x’taqsam xejn, la mas-soċjaliżmu ta’ Marx, Engels u Lenin, anqas mas-soċjal-demokrazija ta’ Olaf Palme.  Hija waħda purament liberali fejn il-kapitaliżmu huwa mħaddem fl-agħar forma tiegħu.  Ma hemmx għarfien veru fit-tbatija tal-klassi ta’ isfel nett.  Għax m’humiex fuq il-prijorità tal-Gvern li jiddefendihom, anzi minflok qed naraw kampanja sistematika sabiex tnaqqas mingħajr rispetti dawk li verament jiddependu mill-għajnuna soċjali.  Kellna saħansitra l-aħbar ferħana tal-istess tmexxija tgħidilna kemm inqatgħu niex mis-suppost “dipendenza”.

Irnexxielna niffrankaw
5.      Kieku l-Gvern għandu idejh fuq il-polz jagħraf li hemm diversi persuni f’din is-soċjetà li huma ġenwini u li qed isibu ruħhom imneħħija.  Bnedmin li jsibu ruħhom iridu jikkumbattu s-sistema biex jieħdu dak li stat progressiv u soċjali għandu jipprovdilhom.  Dawk li jridu jidhru quddiem arbitri u qrati jissieltu kontra l-kurrent u l-istituzzjonijiet biex jgħixu ħajja deċenti bil-ftit benefiċċji.  Bnedmin li għalihom ta’ qabilna, proprju għax kienu ġejjin mhux mill-klassi sinjura imma minn fost il-poplu, għaddew liġijiet biex jipproteġuhom.  Minflok, għall-ewwel darba smajt fil-Baġit ministru jiftaħar li tant tneħħew niex mill-għajnuna soċjali li issa: “Gawdew it-taxpayers għax irnexxielna niffrankaw il-miljuni fi spiża rikurrenti”.

Soċjaliżmu ta’ taħt fuq
6.      Każ ċar ta’ soċjaliżmu ta’ taħt fuq fejn dawk li m’għandhomx jitteħdilhom saħansitra l-ftit li għandhom.  Il-kontra ta’ dak li ried Karl Marx.  Flok min għandu jaqsam ma’ min m’għandux, issa għandna politika l-kontra.  Mhux inqassmu b’mod intelliġenti biex ta’ taħt jimxu ‘l quddiem, imma l-kontra.  Iktar u iktar fid-dinja tax-xogħol li hija dominata iktar minn forzi liberali-kapitalisti.  Skont il-Gvern: “L-eluf li ħarġu mid-dipendenza fuq l-assistenza soċjali, għax dawn issa qed jaħdmu bi qligħ u qed jibnu ħajja aħjar”, mentri l-verità hija proprju l-kontra.  Dawk li jsibu l-bieb tal-Istat imbarrat u barra jridu jfendu f’suq tax-xogħol fejn għax is-suq qed isuq fejn jaqbillu jafu li mhux qed jibnu ħajja aħjar, u wisq inqas qed jagħmlu s-suppost “qligħ”.

Abbandun tar-responsabbiltà soċjali
7.      Dan iktar u iktar meta issa għandna 31/568 persuna li m’humiex Maltin jaħdmu fis-suq tax-xogħol tagħna.  Żieda ta’ xejn inqas minn 25% f’sena waħda.  F’sitwazzjoni ekonomika fejn il-Gvern ilu jabbanduna r-responsabbiltajiet soċjali tiegħu.  Fejn fuq naħa jagħlaq għajnejh għal dak li għaddej, u fuq l-oħra widnejh għall-karba ta’ min jitlob li din is-sitwazzjoni tiġi affrontata għas-sewwa.  Mhux biss: issa d-doża żdiedet f’dan il-Baġit għax għall-ewwel darba bdejna nisimgħu l-ftaħir li jdarras ta’ kemm “Malta qed tattira l-barranin lejha għax għandha x-xogħol x’toffrilhom”.  U dan għax suppost li “l-ekonomija ħolqot iktar postijiet tax-xogħol iktar milli hawn Maltin lesti li jimlewhom, tant li qed ikollna nġibu n-nies minn barra biex ir-ritmu ekonomiku jkompli sejjer”.

Kollox l-istess
8.      Flok qed naraw Gvern li qiegħed jistudja kif iżid id-dħul lill-ħaddiem Malti, qiegħed bl-iskuża li għandna ħafna suppost “għażżenin” idaħħal minn barra minn xtutna lil min lest li jaħdem bil-kundizzjonijiet l-iktar baxxi.  Saret farsa totali kif, is-suppost  miżura li tħabbret is-sena li għaddiet li biex kumpannija timpjega ħaddiema mhux Maltin trid tagħmel avviż fil-gazzetti lokali.  Dak li tħabbar bħala forma ta’ attenzjoni u kontroll sar timbru għall-ftuħ totali.  Flok qed nassiguraw salarju u kundizzjonijiet deċenti għall-ħaddiema Maltin qed nissudaw iktar il-qligħ lil ċerti kumpanniji li jaqilugħa tajjeb.

Favur iċ-ċittadin tagħna
9.      B’dan il-muviment fis-suq qed jiġi assigurat l-immobiliżmu u l-għarfien li s-salarju ser jibqa’ fejn huwa.  Anzi, proprju kif rajna tant tajjeb bil-manuvri varji li saru bil-kumpannija Dr La Rue, il-kundizzjonijiet u l-pakkett tas-salarju niżlu.  Dan għax huwa ċar li min qed iħaddem qiegħed jifhem li l-Gvern m’huwiex lest li jiċċaqlaq biex jiddefenti ‘l-ħaddiem u jżomm dan milli jsir.  Min għandu l-polz tal-poplu għandu jagħraf dan u jaħdem biex jibdlu, u mhux iħallih kif inhuwa.  Proprju għax il-Partit Nazzjonalista għandu jdejh fuq il-polz li qiegħed isemma’ leħnu favur dawk li qegħdin ‘l isfel, li huma ċittadini Maltin onesti u biżlin biex il-ġid nazzjonali jitqassam b’ġustizzja.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...