15.11.16

Fruntieri ġodda.


1.      Iż-żminijiet jiġu u jmorru, ibiddlu u jitolbu li nagħrfu sew fejn u għala għandna aħna ninbidlu.  Fis-soċjetà tallum, dak li nsejħu “l-media  soċjali” sar għandha saħħa ferm ikbar fuq dak li aħna u dak li nagħmlu.  Però, mhux waħdeha.  It-tixrid kontinwu permezz tat-teknoloġija moderna ta’ fatti u impressjonijiet, li jum wara jum qegħdin naraw quddiemna, dawwru direzzjonijiet varji fil-kamp soċjali, kulturali, ekonomiku u politiku.  Hija għodda għad-dispożizzjoni tagħna.  Imma, bħal kollox, tista’ tiġi utilizzata tajjeb u tista’ sservi għal manipulazzjoni u ndħil żejjed.

2.      Ma’ kull xahar, f’dawn il-gżejjer qegħdin jiżdiedu dawk li qed isiru iktar familjari mal-ħajja teknoloġika u l-użu tal-forom varji ta’ kompjuter, tablets u mobiles intelliġenti.  Uħud ilaħħqu magħhom mill-ewwel, oħrajn jaqbduhom biċċa biċċa.  Il-fatt hu li ma’ kull ġurnata għandna ferm iktar persuni li huma reġistrati bid-dettalji personali tagħhom ma’ Facebook u ma’ Whatsapp.  Żewġ strumenti ta’ komunikazzjoni li faċli tidħol fihom, li però daqshekk ieħor faċli wieħed jinqabad u jinħakem minnhom.

3.      Hemm però forom varji ta’ manipulazzjoni f’dawn iż-żewġ toroq ta’ informazzjoni, li ċert li diversi ma jafux bihom.  X’nagħmlu bihom, dak li naraw u naqsmu ma’ oħrajn jinġabar u jiġi użat, ħafna drabi, għal skopijiet kummerċjali, imma mhux hekk biss.  Il-gosti, l-għażliet, l-antipatiji, l-ideat, l-appartenenza jiġu miġbura u użati biex niġu misqija daqqa dak li rridu, u daqqa dak li ma rridux.  Mingħajr ma trid, hemm mumenti meta wieħed iħoss li hemm min qiegħed josservak mill-bogħod, moħbi minnek u m’intix tinduna bih.  Juża dak li tgħid u twettaq b’dawn l-istrumenti għal skopijiet differenti minn tiegħek.

4.      Proprju minħabba f’dan li diversi stati ewropej, fosthom tagħna wkoll, għandhom Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data.  Għandna fih gwardjan attent għal dak li għaddej sabiex iwaqqaf l-abbużi u l-indħil żejjed fil-ħajjiet tal-persuni normali.  Mhux ħidma faċli, anzi, taf tkun kumplikata meta jkollok l-użu tal-internet.  Biss, tul dan is-sajf rajna sfidi ġodda.  L-ewwel, meta dawn l-istituzzjonijiet fil-Ġermanja u fl-Italja ċċaqilqu sabiex jimblukkaw l-użu awtomatiku ta’ informazzjoni personali bejn Facebook u Whatsapp.  Fil-fatt, l-ewwel pajjiż impona fuq Facebook li jikkanċellaw kull data li setgħet waslet għandhom mingħand Whatsapp ta’ ‘l fuq minn 35 miljun ċittadin.  Kif qal tajjeb Johannes Caspar, għandha tkun deċiżjoni ta’ kull persuna li tiddeċiedi, wara li jiġu spjegati lilha l-konsegwenzi, jekk tippermettix li l-informazzjoni personali tagħha tgħaddix min-naħa għall-oħra.  Dan huwa pass tajjeb u għandu jiġi segwit fid-dinja preżenti.

5.      Ma kienx l-uniku inċident tul dawn ix-xhur.  Dan għax fl-Istati Uniti tal-Amerika ħareġ fl-aħbarijiet li l-kumpannija Yahoo kienet qegħda tara u tikkopja l-emails tal-klijenti tagħha kollha sabiex tgħaddihom lil aġenziji tas-sigurtà mingħajr ma tat l-ebda avviż.  Dan huwa preċedent ikrah li jkisser mill-fiduċja u jdaħħal suspetti fejn ma kienx hemm qabel.  Kif qal tajjeb avukat f’dan is-settur: “In the post-Snowden world, customers are counting on technology companies to stand up to novel spying demands in court, because customers themselves have no opportunity to challenge these invasions of their privacy”.

6.      Għax din l-informazzjoni personali hija ta’ valur u trid tiġi protetta, l-ewwel minn dak li jkun, li għandu jingħata l-għodda tal-ispjega biex iwettaq dan; it-tieni mill-Istat, li għandu dmir li jiggarantixxi liċ-ċittadin tiegħu użu liberu mill-abbuż, u t-tielet, għax ilkoll nafu limeta wieħed jaqsam ikun qiegħed jiġbed miegħu oħrajn li jistgħu jkunu mqabbda miegħu.  Fil-verità, dawn huma l-fruntieri u l-isfidi l-ġodda tagħna li kuljum jinbidlu.  Nutilizzaw għalhekk il-mezzi teknoloġiċi fil-libertà, però għandna dritt nippretendu li nkunu protetti u ma niġux abbużati minn min jopera fihom.


No comments: