6.10.16

Kondotta żbaljata.




1.     Iċ-ċiviltà demokratika tagħna hija mibnija fuq regoli varji.  Uħud huma miktuba fil-Kostituzzjoni, oħrajn f’liġijiet.  Biss, hemm ukoll imġieba umana li ma titniżżilx fil-kotba tal-liġi proprju għax kull persuna fi Stat bħal tagħna hija mistennija li taf u żżomm magħhom.  Tirrispettahom għax tant huma fundamentali għal min għandu qalb u spirtu demokratiku, li ma hemmx bżonn li wieħed jiktibhom.  Ma twildux f’daqqa, imma nġabru biċċa biċċa.  Għal kull soċjetà li tidentifika ruħha bħala dik li tirrenja fiha ċ-ċiviltà dan kollu huwa naturali u normali.



Civilization is a heritage of beliefs

2.     Antoine de Saint-Exupéry, f’waħda mill-kitbiet tiegħu jispjega aħjar meta jgħid hekk: “And now I am beginning to gain a clearer sight of what a civilization is.  A civilization is a heritage of beliefs, customs and knowledge gathered slowly through the centuries, difficult at times to justify by logic but then self-justifying, like roads if they lead somewhere, in that they reveal to man his own inner expanse”.  Dawn ir-regoli silenzjużi fil-qalb u l-moħħ tagħna lkoll inbnew għalina minn ta’ qabilna, minn ġenerazzjoni għal oħra.  Qegħdin hemm biex jiggarantulna stabilità, libertà u jassiguraw fuq kollox il-ġustizzja.



Il-ġustizzja umana hija sfida

3.     L-amministrazzjoni tal-ġustizzja umana hija dejjem sfida qawwija fiha nfisha għal Stat demokratiku.  Il-bnedmin li mistenni minnhom ġudizzju fuq ħwejjeġ u kwistjonijiet legali bejn bnedmin oħra għandhom piż xejn faċli f’idejhom.  Mas-sekli missirijietna għaddewlna proprju fuq dan statwa li tirrappreżenta dan kollu.  Mara f’forma klassika, b’għajnejha mgħottija biex ma tarax u ma tqisx skont il-wiċċ li jkun hemm quddiemha.  F’idejha x-xellugija l-miżien delikat u maħdum bis-sengħa li jegħleb naħa jew oħra skont il-każ.  F’dik il-leminija xabla twila u b’saħħitha.  Din tirrenja fid-demokraziji.  Mentri għal dawk neqsin mid-demokrazija, hija biss timbru u t-twettiq tal-volontà, arroganti, żbaljata u nġusta ta’ dittatorjat.



Regola fundamentali

4.     Il-ġudizzju uman irid, u jitlob minnu nnifsu serenità, kalma u li ma jaqa’ taħt ebda forma ta’ influwenza.  Is-sistema ġudizzjarja tagħna taħdem u tibqa’ soda għax hemm dan il-pedament.  Hija ‘l fuq u ‘l bgħid mill-partijiet, ma għandhiex minnhom u għalhekk tista’ tħares u tqis oġġettivament.  Din hija parti essenzjali mill-ġebla tax-xewka tal-ġustizzja f’pajjiżna.  Regola fundamentali, tad-deheb, li teżisti anke jekk mhix miktuba.  Waħda li m’għandhiex tiġi minsusa, wisq u wisq inqas minn min qiegħed imexxi l-pajjiż.  Dan dejjem jekk min għandu fuqu din ir-responsabbiltà jiddikjara u jorbot lilu nnifsu li jimxi mar-regoli taċ-ċiviltà demokratika.



Il-firda demokratika tal-poteri

5.     L-Istat tagħna huwa mibni fuq in-neċessità ta’ dan kollu, kif ukoll li assigurajna iktar tul iż-żmien li nimxu ma’ dak li oħrajn qabilna raw li jaħdem aħjar: il-firda fil-poteri tal-Istat fi tlett fergħat.  Il-Leġislatura (il-Parlament), wara l-Eżekuttiv (il-Gvern) u t-tielet il-Ġustizzja (il-Qrati).  Aħna rnexxejna ma’ oħrajn għax fridna sew sabiex ħadd ma jkollu f’idejh il-poter sħiħ tal-Istat u anki kull fergħa, speċjalment dik tal-Ġustizzja, jkollha d-dmir li tikkontrolla lill-partijiet l-oħra.  Dan kollu huwa, fortunatament illum, parti sħiħa mit-tessut tagħna bħala poplu intelliġenti u li jrid li l-affarijiet isiru kif għandhom.  F’dan hemm wirt ta’ ġenerazzjonijiet li huma sodi u li jurtaw is-sentiment nazzjonali meta ma jkunx hemm min josservahom.



Preżenza żbaljata

6.     Proprju għalhekk li l-preżenza ta’ kważi n-nofs, għaxar membri tal-Kabinett tal-Eżekuttiv, għall-kawża dwar ir-riżultat elettorali tal-2013 kienet u tibqa’ żbaljata.  Żbaljata għax kull min mill-Kabinett mar kien jaf f’qalbu li l-preżenza tiegħu ma kenitx indikata.  Ministru, anki jekk avukat li żokritu setgħet waqgħet hemm ġew ma għandux, ladarba jieħu l-Ġurament, jirfes l-għatba tal-Qorti meta mhuwiex parti f’kawża.  Huwa għandu, anzi, id-dmir li jagħti l-eżempju proprju għax mhuwiex ċittadin normali u għalhekk m’għandux xi dritt li jaqbad u jidħol fis-smigħ tal-kawżi taċ-ċittadini.  Iktar u iktar f’dan il-każ fejn ilkoll nafu kemm huwa wieħed li jaħraq politikament.  Ġid ma għamlitx.  Uriet minflok f’għajnejn il-poplu li hemm min qiegħed jitħajjar imur lura fis-snin meta l-Qrati tagħna għaddew minn diffikultajiet kbar biex setgħu jmexxu ‘l-bgħid minn aġir żbaljat tal-Gvern ta’ dik il-ġurnata.



Pressjoni żbaljata

7.     Kien u jibqa’ pass f’direzzjoni żbaljata u anti-demokratika.  Għax nafu li ma kienx hemm in-neċessità tal-preżenza tagħhom.  Anzi, dak li sar jimmina l-proċess demokratiku u, jingħad x’jingħad, l-għada l-pajjiż kien fehem li kien att ta’ pressjoni irregolari u żbaljatissimu.  Wieħed li huwa mwieled minn linja ta’ stil ta’ politika li l-Partit Nazzjonalista ma ħaddanx f’dawk il-ħamsa u għoxrin sena li, skont il-Gvern preżenti, fihom ma għamel xejn.  Gvern Nazzjonalista, minflok, ħa ħsieb jirrispetta din ir-regola tad-deheb u ta’ serenità u saħħa lill-Ġustizzja.  Ma kienx hemm din il-forma ta’ arroganza politika.  Waħda li hija żgur imwielda minn din il-maġġoranza parlamentari daqshekk qawwija li llum telgħet għal ras xi wħud.



Power corrupts

8.     Proprju fuq dan it-Tnejn wara nofsinhar, kif inxterdet l-aħbar, il-pajjiż fehem li d-disa’ siġġijiet ġibuhom viċin dak li l-esperjenza għallmet li “power tends to corrupt and absolute power corrupts absolutely”.  Għax hemm ċirkostanzi varji meta min jiżbalja, wara jifhem u jirrikonoxxi li ma ħax l-aqwa deċiżjoni.  Biss, f’dan il-każ, dawk li għażlu li jiksru din il-linja ta’ kondotta u jaġixxu, kif jgħidu, f’waħda “unbecoming of a minister” għamluha konxjament.  Kisru u qasmu l-linja apposta u ma hemmx kantunieri jew ħitan wara biex jinħbew.  Il-pajjiż, l-elettorat innota dan l-aġir żbaljat, fehem li m’għandux isir.  Din hija kondotta żbaljata li tarmi sekli ta’ ċiviltà demokratika li, kif qed naraw, qegħdin biċċa biċċa nitilfu.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...