15.10.16

It-traffiku Laħaqhom u Waqqafhom.




1.     Tista’ taħrab mir-realtà, tinjoraha u tgħix il-ħajja bħallikieku ma teżistix.  Fid-dinja ta’ kuljum diversi huma dawk li, tant ma jkunux iridu jemmnu dak li jkunu qed jisimgħu li jidħlu jgħixu f’qoxra għalihom.  Jimpurtahom sempliċement minn dak li jinteressahom l-iktar direttament.  Il-familja, ix-xogħol, il-passatempi jafu jeżerċitaw din l-influwenza fuqna lkoll.  Biss hemm mument meta dak li jkun għaddej verament jilħqek.  Meta ssib lilek innifsek tiffaċċja r-realtà għax ma tistax taħrab minnha, anzi trid bilfors tiffaċċjaha.



Sitwazzjoni aggravata



2.     Dawk bħali, u diversi oħra li qamu u ħarġu iktar kmieni minn dak li kienu jagħmlu qabel biex jaqbdu l-karozza u jmorru għad-dinja tax-xogħol sabu lilhom infushom f’dinja ġdida għalihom.  Ir-realtà tal-istat li fih ninsabu, u tal-fatt li ma ġewx meħuda d-deċiżjonijiet li setgħu ttieħdu, il-pajjiż spiċċa wieqaf.  It-traffiku huwa fih innifsu sfida, ma hemmx dubju.  Biss f’dawn it-tlett snin, jew b’dak li ma sarx, jew b’dak li suppost sar, l-affarijiet iggravaw ruħhom sew.  Dawk li b’xi mod kienu semgħu lill-Oppożizzjoni titkellem dwar is-sitwazzjoni, kif ukoll li ressqet għall-assistenza tal-Gvern ideat differenti u ġodda, u ma tawx każ, issa sabu ruħhom mar-realtà.



Roadmap ineżistenti



3.     Diversi ma kienux taw każ ta’ dak li kien għaddej.  Imma dawk li semgħu lill-Gvern jitkellem qabel, fl-Oppożizzjoni, dwar kemm kollox qabel kien diżastruż u kemm huma kellhom is-soluzzjoni għax għandhom “roadmap” ftakru ħafna.  Fehmu f’daqqa li l-Partit Laburista kien daħaq waħda kbira b’ħafna.  Irrealizzaw li altru dak li ngħad, u altru dak li qiegħed isir.  Għax jekk Gvern ma jagħtix importanza lis-sistema tat-trasport, kif iħaffef u jipprova jsib soluzzjonijiet għaliha, allura jkollu l-lista ta’ prijoritajiet nazzjonali ta’ taħt fuq.  Anzi, kif jiġri, billi ħafna kienu fil-karozza jisimgħu qabblu wkoll mad-diversi skandli li l-membri tal-poter qed jidħlu u joħorġu minnhom fejn huma l-prijoritajiet.



Il-kuntrasti qed jikbru



4.     Kien hemm min fehem tul dawn is-sebat’ijiem li l-attenzjoni ta’ wħud mhijiex sabiex jiġu solvuti dawn il-problemi li aħna lkoll immissu magħhom.  Kien hemm min irrealizza li waqt li hu kien moħħu biex jasal fil-ħin għal fuq il-post tax-xogħol, kien hemm diversi li għax huma “ħbieb tal-ħbieb” ħobżhom maħbuż.  Daħlu iktar il-kuntrasti li qegħdin naraw jikbru.  L-ewwel bejn dawk li għandhom u dawk li qed jonqoshom iktar fuq naħa.  It-tieni, dawkli għandhom paga dieħla jagħmlu x’jagħmlu  u oħrajn li jekk jaslu tard għax-xogħol, proprju minħabba t-traffiku, jaqtgħulhom mill-paga. Il-pakketti tas-salarji, tal-konsulenzi li qed nisimgħu bihom idaħħlu fil-but lil diversi ħaddiema li qegħdin fl-inqas skala u li jridu jlaħħqu bil-part-time.



5.     Is-sinjali u reazzjonijiet popolari għal dan diġà bdew jidhru.  Jekk hemm min qiegħed jaħseb li jista’ jagħmel li jrid għax il-poplu aljenat u mhux ser jagħti każ qiegħed huwa stess jaħrab mid-dinja ta’ hawn barra.  Il-meeting finali tal-20 ta’ Settembru lura fuq il-Fosos immarka l-ewwel differenza.  Kien hemm mill-ġdid dak id-demm li l-partit, bħala wieħed tal-massa, kapaċi jirrappreżenta lura fil-ħidma u fil-linja politika demokratika kristjana tiegħu.  Kull min ġie jaf li kien hemm ġabra tajba ta’ eluf li attendew.  It-tieni, l-aħbar li dehret fil-Maltatoday bħal lum ġimgħa li d-differenza bejn il-partiti naqset sew għal tlieta fil-mija (3%) hija indikazzjoni ċarissima li hemm min qiegħed jifhem dak li hu għaddej.



Zero tolerance to sleaze



6.     Għax il-pajjiż qiegħed jara li hemm kuntrast qawwi bejn dak kollu li ngħad qabel l-elezzjoni u dak li qiegħed isir illum.  Il-fatt li min għandu l-poter f’idejh qiegħed iħallat l-interessi nazzjonali ma’ tiegħu personali mhu nieżel tajjeb xejn.  Fundamentali f’dan huwa l-mod xejn konvinċenti li bih il-Prim Ministru qiegħed  jaħrab milli jieħu l-passi neċessarji biex ineħħi minn miegħu dellijiet qawwija ta’ korruzzjoni u mġieba żbaljata.  Waqt li qed naqra dwar ħajjet Clement Attlee, konsidrat bħala wieħed mill-aqwa Prim Ministri Ingliżi, mudell ta’ mġieba u li kien ġej mill-Partit Laburista sibt din is-sentenza: “Attlee had, in modern parlance, zero tolerance to sleaze”.  Illum f’pajjiżna dan bla ebda mod ma jista’ jingħad.



Fi triqitna qegħdin



7.     Il-pajjiżħ qiegħed jifhem u jgħarbel.  Il-Gvern, fuq in-naħa l-oħra, huwa nieżel u jaħrab.  Dan għax qed jibbaża l-kampanja tiegħu fuq kemm iqassam u jixtri, mhux f’li jwettaq is-sewwa.  Iħossu komdu li għandu biżżejjed maġġoranza ta’ voti u ta’ siġġijiet parlamentari li ħadd ma jista’ b’xi mod jilħqu u m’għandux bżonn ibiddel triqtu.  Fuq l-oħra, l-Oppożizzjoni miexja ‘l quddiem.  Ir-riżultati juru li l-miżien tal-kejl politiku qiegħed jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra.  Naturalment, għadha ma waslitx għax hija fi triqitha.  Triq li fiha s-sitwazzjoni tat-traffiku qegħda tiftaħ iktar l-opportunità biex tilħaq u twaqqaf lill-Gvern minn din l-imġieba mill-iktar żbaljata.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...