31.1.14

IS-SIRJA – DISTRUZZJONI TA’ ARMI KIMIĊI



7222. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x'assigurazzjonijiet ngħata pajjiżna fir-rigward tad-distruzzjoni tal-armi kimiċi Sirjani? Jista’ jinforma ukoll fejn se jintrema dan il-materjal u jekk kemm-il darba huwiex f'partijiet mis-search and rescue zone ta’ pajjiżna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba ġewx konsultati esperti Maltin fuq dawn il-proċeduri, kemm mill-aspett kimiku kif ukoll minn dak legali, dwar l-effetti, l-implikazzjonijiet u l-kostituzzjoni ta’ preċedent?

21/01/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjan eżistenti hu li l-armi jiġu distrutti f’ibħra internazzjonali ġol-Mediterran. L-Organiżżazjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) qegħda tassigura li l-ogħla livelli ta’ sigurta’ u prekawzjoni kif ukoll miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji, ser jiġu osservati fit-trasportazzjoni u  d-distruzzjoni tal-armi konċernati.
Rigward il-post ta’ fejn ser isir dan l-eżerċizzju, l-OPCW u l-Awtoritajiet Amerikani għadhom ma kkomunikawx il-punt preċiż fil-Mediterran fejn il-vapur Amerikan MV Cape Ray ser ikun qiegħed jiddistruġġi l-armi kimiċi Sirjani. Għaldaqstant, mhuwiex possibli f’dan il mument li nistabbilixxu jekk din l-attivita’ hijiex ser issir ġos-Search and Rescue Area ta’ Malta. Hemm ukoll il-possibilta’ li l-vapur MV Cape Ray li fuqu ser isiru l-attivitajiet ta’ distruzzjoni, jibqa' fil-port jew viċin il-port Taljan ta’ Gioia Tauro. Il-pjan huwa li d-distruzzjoni ta’ dawn l-armi jitlesta sa mhux aktar tard minn nofs is-sena 2014. Il-materjal ser jiġi dispost ġo faċilitajiet kummerċjali u mhux fil-Mediterran.
Nassigura li konsultazzjoni ma esperti kimiċi Maltin seħħew u ingħatat konferma lill-Ministeru li l-proċess m’huwiex ta’ theddida lill-pajjiżi Mediterrani. Konsulti mal-istaff legali fi ħdan il-Ministeru indikaw li skond il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda  fuq il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), l-ibħra internazzjonali għandhom jiġu użati għal għanijiet paċifiċi filwaqt li Stati għandhom l-obbligu li jipproteġu u jippriservaw l-ambjent marittimu. Għaldaqstant l-attivita’ proposta mill-OPCW tidher li ma tmurx kontra il-proviżżjonijiet stipulati fil-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar u li t-tneħħija u l-qerda ta' sustanzi kimiċi Sirjani ser titmexxa b'konformità sħiħa  mal-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti internazzjonali u il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, Ħażna u Użu ta' armi kimiċi u d-distruzzjoni tagħhom.
Seduta 113
28/01/2014



29.1.14

Benefiċċju għall-għajnuna soċjali


*7221. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hawn persuni li qed jirċievu l-għajnuna soċjali f'Malta u f’Għawdex?
21/01/2014

ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-għajnuna soċjali f’Malta u f’Ghawdex sat 18 ta’ Jannar 2014 kien ta 11,067 persuna.
Dawn huma mqassmin kif jidher hawn taħt:-
DAD Social Assistance (Drug Addicts) - 12
SA Social Assistance - 7595
SAF Social Assistance (Carers) - 284
SUP Social Assistance (Single unmarried parents) - 3176
Total 11,067

Seduta Numru 112
27/01/2014

Wied il-Għajn – skola primarja - studenti


*7218. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hemm studenti f'din is-sena akkademika fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?
21/01/2014

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-total ta' studenti f'din is-sena akkademika fl-iskola Primarja ta' Wied il-Għajn huwa ta' 643 li minnhom 328 huma subien u 315 bniet.

Seduta Numru 112
27/01/2014

Iż-Żejtun – skejjel - studenti


*7219. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra dwar kemm hemm studenti f'din is-sena akkademika fl-Iskola Primarja u sekondarja ż-Żejtun? Kemm huma bniet u kemm huma subien?
21/01/2014

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f'din is-sena akkademika t-total ta' studenti fl-iskejjel primarji u s-sekondarja tal-bniet taż-Żejtun huwa kif ġej:-
Skola Primarja 'A':- 219 subien u 222 bniet - Total 441
Skola Primarja 'B':- 106 subien u 118 bniet - Total 224
Skola Sekondarja:- 697 bniet

Seduta Numru 112
27/01/2014

Il-Fgura - skejjel - studenti


*7220. L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hemm studenti f'din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji tal-Fgura? Kemm huma bniet u kemm huma subien?
21/01/2014

 ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Intepellant illi t-total ta' studenti f'din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji tal-Fgura huwa kif ġej:-
Skola Primarja 'A':- 271 subien u 228 bniet - Total 499
Skola Primarja 'B':- 162 subien u 146 bniet - Total 308

Seduta Numru 112
27/01/2014

Il-proċess li bih miexi l-iżvilupp tal-power station tal-gass ma joffri ebda serħan il-moħħ



Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proċess li bih miexi l-iżvilupp tal-power station tal-gass. Il-fatt li l-Gvern Laburista ma ppreżenta ebda studji ta’ vijabilità dwar l-għażla li għamel għall-ġenerazzjoni żejda tal-elettriku f’pajjiżna, l-għaġla li bih miexi mingħajr ma jsiru l-istudji neċessarji, kif ukoll il-faqar ta’ studji ambjentali b’mod partikolari fejn jidħlu r-riskji, qed joħolqu tħassib serju fuq il-kompetenza tal-awtoritajiet Maltin f’dan is-settur tant importanti. Minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni li teżisti u minkejja r-riskji kbar li dan il-proġett ħa joħloq għar-residenti u l-faċilitajiet strategiċi kollha madwar il-bajja ta’ Marsaxlokk, liema riskji għadhom lanqas biss ġew indirizzati, il-Gvern Laburista diġà għandu qbil ma’ konsorzju biex jibni din il-faċilità u joperaha għal 18-il sena sħaħ.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern sabiex jieqaf juża l-partiġjaniżmu politiku fejn tidħol is-saħħa tan-nies u jikkonsidra b’serjetà dak li kellu xi jgħid l-espert Olandiż b’aktar minn 40 sena esperjenza fis-settur, il-Prof Hans Pasman, dwar il-Qualitative Risk Assessment li sar mill-Gvern bħala parti mill-Environmental Impact Assessment (EIA). Il-Prof Pasman u esperti tekniċi oħra bħall-Inġ Arthur Ciantar, li qegħdin jitkellmu f’isem il-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, tkellmu b’mod ċar li r-rapport dwar ir-riskji mhuwiex eżawrenti u li jeħtieġ li jkun hemm studji aktar dettaljati sabiex wieħed ikun f’pożizzjoni aħjar li jiddeċiedi jekk għandux jinħareġ il-permess meħtieġ jew le. 

Il-Prof Pasman qal ċar u tond li wieħed irid joqgħod attent ħafna kemm jagħmel ħażna ta’ LNG ġewwa port ristrett bħalma hu dak ta’ Marsaxlokk. Hu qal li mhuwiex ideali li jkollok ħażna ta’ 140,000 metru kubu ta’ gass ħdejn l-akbar power station f’pajjiżna. Wieħed ma jridx jinsa li qabel l-elezzjoni, Joseph Muscat kien stqarr li l-ħażna tal-gass kellha tkun ta’ 60,000 metru kubu. Il-Partit Laburista kien stqarr li l-Partit Nazzjonalista kien żbaljat meta qal li din il-figura ma kinitx realistika. Issa jidher ċar min kien qed iqarraq qabel l-elezzjoni!

Il-Prof Pasman qal ukoll li l-aħjar għażla biex jitħaddem power station bil-gass hi dik li jinbena pipeline bejn Malta u Sqallija, li jiżgura livell ta’ riskju ferm aktar baxx, jew ħażna fuq vapur ’il barra mill-port. Hans Pasman stqarr li hu prużuntuż li wieħed jassumi li bis-sistema ta’ ħażna kif proposta mill-Gvern mhux se jkun hemm effetti fuq l-inħawi abitati, kif qed jingħad fir-rapport li ħejja l-Gvern. Dan qalu fid-dawl tal-fatt li ma sarx risk assessment marittimu u li t-trasferiment tal-gass minn fuq il-vapur tal-ħażna tal-gass għal ġor-regasification unit fil-power station mhix soluzzjoni komuni għall-ħażna. 

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li f’pajjiżna jeżisti kunsens dwar id-direzzjoni politika li jibda jiġi ġġenerat l-elettriku bil-gass, u li pajjiżna għandu jaħdem biex jiżviluppa l-aktar soluzzjonijiet cost effective biex ikollna l-orħos prezzijiet possibbli għall-ġenerazzjoni tad-dawl u l-ilma. Fl-istess waqt, irridu niżguraw li dan isir b’mod li ma jpoġġix perikli bla bżonn fuq il-komunitajiet li jgħixu viċin il-power stations u fuq l-ekonomija tagħna. Il-fatt li l-power station tal-gass u l-faċilitajiet għall-ħażna tal-gass kif proposti mhumiex kumplimentari biswit xulxin jista’ jipperikola l-ġenerazzjoni tal-elettriku u jagħmel ħsara irreparabbli lil pajjiżna.  

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex imur għall-għażla ppreferuta minn 91% tan-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, li meta ġew mistoqsijin, stqarru li jemmnu li l-gass għandu jiġi maħżun barra mill-port. B’din id-deċiżjoni biss jista’ jiġi żgurat is-serħan il-moħħ u s-sigurtà tar-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, kif ukoll is-sigurtà tal-provvista għall-pajjiż kollha kemm hu.

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


28.1.14

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li għandu jkun hemm rabta ġenwina bejn il-persuna u l-pajjiż biex tingħata ċ-ċittadinanza



Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-istqarrija tal-Gvern Laburista dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li huwa l-Prim Ministru li qiegħed jippersisti bi żball permezz ta’ skema li hija llegali u li tmur kontra l-liġi Ewropea u d-dritt internazzjonali. Dan qalitu b’mod ċar il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding kif ukoll is-Segretarja għall-Intern tar-Renju Unit Theresa May li stqarret li ċ-ċittadinanza huwa dritt u mhux privileġġ.

Il-Prim Ministru u l-Gvern Laburista issa spiċċaw  jattakkaw lil kull min ma jaqbilx mal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Fl-istess waqt il-Prim Ministru qiegħed jinsa li kien hu stess li ta prova li ċ-ċittadinanza tista’ tiġi rtirata u dan meta fl-Avviż Legali li ppubblika ftit tal-jiem ilu stabbilixxa li min ma jżommx ma’ dak li tgħid il-liġi dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza jitlef iċ-ċittadinanza tiegħu. Dan juri kemm il-Partit Nazzjonalista għandu raġun meta jsostni li ċittadinanza li tkun ġiet mixtrija tista’ tiġi rtirata u dan minħabba li ma tkun teżisti l-ebda rabta bejn il-persuna u l-pajjiż li tagħha huwa jkun xtara ċ-ċittadinanza.  

Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qegħda tinvestiga l-bejgħ taċ-ċittadinanza mill-Gvern Malti minħabba li dan jikser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tista’ fiha nfisha twassal biex l-iskema tal-Gvern Laburista tkun iddikjarata llegali u għalhekk kwalunkwe ċittadinanza li tkun laħqet ġiet mogħtija tkun illegali u għalhekk invalida.

Fid-dawl ta' dan kollu l-Partit Nazzjonalista qiegħed mill-ġdid isejjaħ lill-Prim Ministru u lill-Gvern immexxi minnu sabiex jagħtu widen għal dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni. B'mod partikolari il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li skema li biha tingħata ċ-ċittadinanza għandu jkun fiha l-obbligu li l-persuna mhux biss ikollha proprjetà fil-pajjiż u tagħmel investiment li joħloq ix-xogħol iżda jkun fiha wkoll l-obbligu li l-persuna tirrisjedi f'pajjiżna għal numru ta' snin qabel hija tkun tista' tiġi mogħtija ċ-ċittadinanza. B'dan il-mod tkun inħolqot rabta ġenwina bejn il-persuna u pajjiżna. Huwa b'dan il-mod biss li Malta tista’ tevita li tispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza




Huwa kruċjali li kull min jieħu d-deċiżjoni li jixtri ċ-ċittadinanza Maltija taħt l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-Prim Ministru jkun jaf għal xiex dieħel. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista dalgħodu ppreżenta protest ġudizzjarju li jitlob li l-applikanti prospettivi kollha għall-iskema jiġu informati li dan il-kuntratt mhuwiex wieħed permanenti u li se jiskadi ma’ tmiem Gvern Laburista. Dan għaliex f’għajnejn il-Partit Nazzjonalista, bħal f’għajnejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza tmur kontra l-liġi u għalhekk hija nulla u bla effett. 

Dan qalu l-Kelliem għall-Intern tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja wara li ġie ppreżentat protest ġudizzjarju kontra l-Gvern u kontra l-kumpanija Henley & Partners. Jason Azzopardi kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said u mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-Avukat Karol Aquilina. 

Jason Azzopardi qal li r-riżoluzzjoni li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew ftit jiem ilu saħħet il-konvinzjoni tal-Oppożizzjoni li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza tmur kontra l-prinċipji u valuri li jagħmluna Maltin u Ewropej. Il-Partit Nazzjonalista huwa fil-prinċipju kontra l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza għaliex ma toħloq l-ebda rabta bejn ċittadin ġdid u pajjiżna, u għalhekk il-Gvern se jkun qed ibigħ xi ħaġa mibnija fuq falsità. Għalhekk, permezz tal-protest ġudizzjarju li ġie ppreżentat, il-Partit Nazzjonalista qed javża lill-applikanti kollha li ġaladarba jiġi fdat mill-elettorat biex ikun fil-Gvern, se jwaqqaf l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u jirtira l-kuntratti ta’ ċittadinanza kollha li saru mingħajr id-dritt tal-kumpens. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said fakkar fid-diskors li għamlet fil-Parlament Ewropew il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, li tenniet li l-iskema li daħħal il-Prim Ministru Muscat hi skema ta’ bejgħ li tikser bl-aktar mod ċar it-trattati tal-Unjoni Ewropea u l-liġijiet internazzjonali. Chris Said sostna li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta protest ġudizzjarju biex kulħadd, inkluż l-applikanti għall-iskema, ikunu jafu bil-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista bl-aktar mod trasparenti. Għaldaqstant, hija fir-responsabbiltà tal-Gvern u tal-kumpanija Henley & Partners li jinformaw lill-applikanti ta’ din l-iskema bid-dettalji kollha ta’ dan il-protest ġudizzjarju. 

Chris Said tenna li kull skema relatata maċ-ċittadinanza għandha tkun għalkollox trasparenti u aperta għall-iskrutinju. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma jistax jifhem kif minn banda l-Gvern qed iwiegħed trasparenza u min-naħa l-oħra qed jattakka lill-media talli ħadet interess f’applikant prospettivi Ċiniż li ġie f’pajjiżna. Dan juri kemm għall-Gvern l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza qed toħloq ċittadinanza ta’ konvenjenza u mhux ċittadini li għandhom rabta mal-pajjiż. Minbarra dan, l-attitudni tal-Gvern tqajjem dubju fuq jekk il-Gvern hux qiegħed jaħbi xi ħaġa mill-pubbliku.

Chris Said appella lill-Prim Ministru Muscat biex jirrikonoxxi l-ħsara kbira li qed tagħmel l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jinjora l-vot ċar fil-Parlament Ewropew, inkluż minn sħabu s-Soċjalisti, li flimkien mal-Oppożizzjoni, l-imsieħba soċjali u l-poplu Malti u Għawdxi qed jgħidu li ċ-ċittadinanza Maltija m’għandhiex tkun għall-bejgħ.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

27.1.14

Il-Maltin ta’ barra



1.         Tul din il-ġimgħa għaddiet minn taħt l-għajn ta’ diversi aħbar mill-iktar inkwetanti.  Dehret f’ġurnal lokali l-oġġezzjoni u l-protesta ta’ diversi Maltin fl-Awstralja dwar din l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.  Minkejja dak kollu seħħ.  Minkejja l-vuċi kostanti tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru baqa’ jwebbes rasu fix-xejn.  Flok qiegħed imur lejn ir-raġuni qiegħed minflok iżomm ruħu waħdu u iżolat minn diversi.  Id-dibattitu b’urġenza ta’ nhar it-Tnejn li għaddew ma serva għal xejn pożittiv, għal xejn li bih il-Gvern jibda’ jifhem xi żball kbir qiegħed jagħmel.

2.         L-intenzjoni tal-Oppożizzjoni kienet waħda mill-iktar ġenwina u leġittima.  Il-vot fil-Parlament Ewropew, id-dibattitu li ppreċeda dan il-vot għamlulna ħafna ħsara.  Ma’ kull min titkellem, kulħadd jgħidlek li dan huwa wieħed mill-ikbar żbalji li pajjiżna seta’ jagħmel fl-istorja politika tiegħu.  L-Oppożizzjoni riedet tressaq għad-diskussjoni mozzjoni biex terġa’ ġġib ftit sens komun lura f’moħħ u ħidmet dan il-Gvern.  Ir-riżultat kien proprju l-kontra ta’ dak li ħsibna.

3.         Minflok rajna diskorsi fil-Parlament li saru f’ferneżija ta’ biżgħat.  Rajna Prim Ministru li, biex jinforza l-argumenti tiegħu, sibnih jgħolli leħnu u jitkellem b’mod li impressjona għal dak kollu li mhuwiex bażat fuq ir-raġuni u l-moderazzjoni u s-sens komun.  L-għada filgħodu, kienu diversi dawk li kienu impressjonati negattivament bil-livell ta’ dan id-diskors.  Diversi anqas taw każ tal-kontenut, taw minflok attenzjoni lejn il-metodu li bih sar.  Ċert li ħafna kapitali fl-Ewropa ħadu nota tajba ta’ dan.

4.         Anke jekk dan ma kienx biżżejjed, biex ikompli jixħetna f’dellijiet koroh, issa għandna wkoll Maltin ta’ barra li qed jipprotestaw.  F’kumment li ingħata Victor Borg qal espressament li diversi persuni ta’ dixxendenza u ċittadinanza Maltija fl-Awstralja qed iħossuhom umiljati b’dak li qiegħed iwettaq dan il-Gvern.  Mhux biss, imma li diversi semgħu minn dak il-pajjiż kbir u ġeneruz dak li kien għaddej fil-Parlament Ewropew.  Dan qal hekk: ”Many have followed the European Parliament debate on TV even here and the comments by MEPs about Malta were quite embarassing.” u kompla: “It seems that the Maltese government is not aware that Malta is becoming an international joke and we are very hurt about this.” U jkompli: “Until a few weeks ago, everyone talked highly about Malta.  Now, everyone is passing jokes about us.  We cannot stomach this any longer and that is why we decided to do something about it.”  Kliem li minnhom infushom jispjegaw il-gravità tas-sitwazzjoni.

5.         Issa fuq dan diġà kelli l-opportunità li nitkellem dwaru fl-aħħar dibattitu parlamentari ta’ Diċembru.  Kont diġà ġbidt l-attenzjoni tal-Gvern għal dan imma ovvjament, fl-ispirtu ta’ suppervja u ras iebsa li bħalissa jinsab maħkum minnu, dan kollu ġie injorat.  B’din il-petizzjoni għaddejja, nittama sinċerament li l-burdata tinbidel u s-sens komun jibda dieħel biċċa biċċa lura. Infakkar li Gvernijiet Nazzjonalisti, tul dawn l-aħħar snin, issudaw il-pożizzjoni ta’ diversi Maltin li qed jgħixu barra.  Daħħalna sistema aqwa biex ikunu jistgħu jakkwistaw lura ċ-ċittadinanza Maltija li diversi kienu tilfu qabel u tajna lill-ulied u lin-neputijiet din l-opportunità.  Mhux biss, imma daħħalna liġi li permezz tagħha daħħalna Kunsill apposta biex jissalvagwardja d-drittijiet tagħhom.

6.         Minflok l-affarijiet sejrin ‘il quddiem, jidher ċar li bdew imorru lura taħt din l-amministrazzjoni.  Nittama li l-Gvern fl-aħħar jibda’ jiċċaqlaq u jbiddel kompletament triqtu.  Nittama sinċerament li ma nkomplux inġibu r-reputazzjoni eċċellenti tagħna f’sitwazzjoni mill-iktar ħażina.  Jekk dan ma jsirx malajr, il-pożizzjoni ser taggrava ruħha.  Il-futur biss jista’ jgħidilna jekk ir-raġuni hux ser tvinċi jew tkunx il-forza tas-suppervja li tibqa’ għaddejja.




Dak li ppubblika l-Ministru Joe Mizzi mhux biżżejjed



Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-pubblikazzjoni tan-numru l-ġodda u l-frekwenzi tal-karozzi tal-linja mill-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi. Din l-iskeda ma fihiex informazzjoni dwar ir-rotot u minn fejn se jgħaddu l-karozzi tal-linja tas-servizz immexxi mill-Gvern iżda tgħid biss minn fejn jitilqu u fejn itemmu l-vjaġġ tagħhom. Il-pubbliku Malti u Għawdxi qiegħed jistenna ferm aħjar minn dan, speċjalment meta l-Ministru Mizzi kien ilu sitt xhur li għamel il-konsultazzjoni li stqarr li għamel mal-Kunsilli Lokali u b'hekk kellu żmien aktar minn biżżejjed sabiex ifassal u jippubblika l-informazzjoni sħiħa dwar ir-rotot.

Il-Ministru Mizzi għandu wkoll ikun ċar mal-pubbliku li jħallas it-taxxi kemm qed jantiċipa li se jkun it-telf fis-servizz tat-trasport pubbliku, li issa qiegħed kompletament f'idejn il-Ministru Mizzi. Dan għaliex sal-aħħar tas-sena l-oħra, it-taxpayer kien iħallas biss is-sussidju lill-kumpanija li kienet qed topera s-servizz, imma issa jrid iħallas l-ispejjeż kollha ladarba l-Ministru ħalla lill-kumpanija Arriva titlaq.

Il-Ministru Mizzi għandu jgħid ċar lill-pubbliku li juża l-karozzi tal-linja x'bidliet se jkun qed jagħmel din is-sena stess fis-servizz. Qed jidħlu rapporti li s-servizz matul dan ix-xahar mar lura u l-Ministru Mizzi issa ma jistax iwaħħal aktar fil-kumpanija li kienet tipprovdi s-servizz sas-sena l-oħra. Issa l-Ministru għat-Trasport hu direttament responsabbli li jtejjeb sostanzjalment is-servizz, kif wiegħed ripetutament il-Gvern, minn dak li hu stess kien jiddeskrivi bħala “diżastru”.

Il-pubbliku qed jistenna li kemm din is-sena kif ukoll meta jidħol operatur ġdid, min juża t-trasport pubbliku jkollu garanzija tal-puntwalità. Huwa inutli li l-Ministru Mizzi jippubblika frekwenzi li ma jintrabatx li jinżammu. Il-puntwalità kienet element ewlieni ta' kritika għas-servizz tal-kumpanija Arriva u l-pubbliku jistenna li l-puntwalità titjieb sostanzjalment.

Il-Ministru Joe Mizzi għandu wkoll jagħti garanzija li l-prezzijiet tal-biljetti ma jogħlewx u lanqas ma tonqos il-flessibilità tagħhom. Wieħed mill-aktar elementi pożittivi tas-servizz sas-sena l-oħra kien in-nollijiet mill-aktar raġonevoli u l-flessibilità tal-biljetti, b'biljetti li jvarjaw minn sagħtejn sa tliet xhur u b'roħs għall-istudenti u sostanzjali għall-anzjani. Il-Ministru Joe Mizzi għandu jintrabat li ma jmurx lura minn dan l-element pożittiv.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Ministru Mizzi għandu wkoll jiggarantixxi l-impjieg tal-ħaddiema li kienu f'idejn l-Arriva. Illum, dawn il-ħaddiema huma impjegati tal-Gvern u l-Gvern għandu jara li jkun impjegatur mudell tagħhom sabiex jagħti eżempju lil min se jidħol għas-servizz waqt li l-Gvern għandu jiggarantixxi l-impjiegi li qed jgħajxu aktar minn 1,100 familja.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Il-Prim Ministru jibqa’ jinsisti li jbiegħ iċ-ċittadinanza akkost ta’ kollox



Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-kummenti li ta l-Prim Ministru Muscat dalgħodu lill-mezzi tax-xandir dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Jidher ċar mill-kummenti tiegħu li l-Prim Ministru mhuwiex verament interessat li jfittex kunsens mal-Kummissjoni Ewropea u jrid bilfors li l-istess Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Gvern Malti kif inhi. B’din l-attitudni, il-Prim Ministru qed ikompli jipperikola r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u jiżolana mill-Unjoni Ewropea. 

L-attitudni tal-Prim Ministru Muscat hi ċara wkoll fil-persistenza tiegħu li jipparaguna l-iskema ta’ Malta ma’ dawk tal-Awstrija u ċ-Ċipru, meta dawn il-pajjiżi stess diġà taw spjegazzjonijiet dettaljati għaliex dan mhuwiex il-każ. Din l-insistenza wkoll tipperikola r-reputazzjoni ta’ Malta, speċjalment ma’ dawk il-pajjiżi milquta. 

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li jeżisti kunsens wiesa f’pajjiżna li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza kif imressqa mill-Gvern mhijiex aċċettabbli. L-Oppożizzjoni, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, il-pubbliku ġenerali u issa anke Membru Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern stess ilkoll qed jisħqu li l-iskema għandha tiġi rrikonsidrata mill-Prim Ministru Muscat. Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell tiegħu lill-Prim Ministru biex ma jkomplix iwebbes rasu fil-bejgħ taċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Il-forzi tal-ordni ta’ pajjiżna jerġgħu jintużaw biex iservu interessi partiġġjani



Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għad-deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li juża l-ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta biex iwassal lill-Membru Parlamentari Justyne Caruana mill-helipad tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li jinsab ftit minuti mixi biss mid-dar privata tagħha, sal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex taqbad titjira għal konferenza tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran.

Dan il-każ mhu xejn għajr każ ieħor ta’ abbuż ta’ poter sfaċċat li sfortunatament qed isiru l-ordni tal-ġurnata taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Fi ftit xhur, il-forzi tal-ordni ta’ pajjiżna ġew trasformati f’għodda li jservu l-interess partiġġjan tal-partit fil-Gvern u mhux lill-Istat. Dan ġara fil-każ tal-Pulizija li ntalbu jservu ta’ waiters mill-Ministru Manuel Mallia, fil-każ tas-suldati tal-FAM li ntalbu jnaddfu l-għelieqi ħdejn il-heliport ta’ Għawdex mill-Ministru Anton Refalo, kif ukoll fil-każ tal-Kummissarju tal-Pulizija li involva ruħu direttament biex jiddefendi l-interessi partiġġjani tal-Gvern fi kwistjonijiet bħall-każijiet ta’ John Dalli, Norman Vella u Daryll Luke Borg. 

Kull darba li tfeġġ storja dwar abbuż ta’ poter il-Prim Ministru u l-kelliem tiegħu jippruvaw jgħaddu lin-nies biż-żmien billi jgħawġu l-fatti, kif fil-fatt ġara fl-iktar każ riċenti tal-Membru Parlamentari Justyne Caruana u kif inkixef darba darbtejn mill-ġurnali lokali. Hu inkredibbli kif il-Prim Ministru qed jipprova jiġġustifika l-imġiba ta’ Membru Parlamentari billi jpoġġiha fuq l-istess livell ta’ Prim Ministru. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni sabiex il-Parlament Malti jkollu Kummissarju u Kumitat dwar l-Istandards, l-Etika u l-Imġiba Xierqa fil-Ħajja Pubblika.

Il-Partit Nazzjonalista jappella mill-ġdid biex il-forzi tal-ordni ta’ pajjiżna jiġu rispettati u jintużaw għas-servizz tal-Istat u mhux għall-interessi partiġġjani tal-Partit Laburista fil-Gvern.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Il-Gvern ma jistax ikompli jinjora ż-żieda konsistenti fil-qgħad



Fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Muscat b’mod konsistenti pprova jaħbi l-problema dejjem tikber tal-qgħad. Saħansitra f’okkażjonijiet differenti ftaħar li x-xogħol qiegħed jiżdied u li l-qgħad fost iż-żgħażagħ, tal-inqas, kien qiegħed jonqos. Iżda l-aħħar stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar is-sena 2013 tagħti stampa ferm differenti minn dak li qed jgħid il-Prim Ministru, stampa li toħloq preokkupazzjoni, u li tikkonferma l-bżonn kbir ta’ azzjoni immedjata fil-qasam tal-impjiegi f’pajjiżna.

Filwaqt li l-istatistika maħruġa mill-NSO turi li s-sitwazzjoni għadha ta’ tħassib fil-parti l-kbira tas-setturi tal-ekonomija, hu ċar li qed issir waħda allarmanti għal dawk il-persuni li ilhom aktar minn sena mingħajr xogħol, b’żieda ta’ 23%.

Is-sejbiet ewlenin tal-NSO, meta jiġi mqabbel tmiem is-sena 2013 ma’ tmiem is-sena 2012, huma:

-        Żieda ta’ kważi 600 persuna oħra (jew 9%) jirreġistraw għax-xogħol;
-        Mis-7,401 persuna li qed jirreġistraw għax-xogħol, 3,168 ilhom mingħajr job għal aktar minn sena, li huma żieda ta’ 23% fuq sena waħda;
-        Żieda ta’ 2.2% fil-qgħad fost il-ħaddiema Għawdxin;
-        Żieda ta’ 5% fil-qgħad fost iż-żgħażagħ bejn 20 u 24 sena;
-        Żieda ta’ 9% fil-qgħad fost iż-żgħażagħ bejn 25 u 29 sena;
-        Żieda ta’ 9% fil-qgħad fost dawk ta’ 45 sena jew aktar.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi ġodda, il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jerġax jappella lill-Gvern biex b’mod mill-aktar urġenti jindirizza l-problema tal-investiment u l-qgħad li kulma jmur qiegħda tikber, billi jidentifika x’inhuma l-fatturi li qed iwasslu għal dawn iż-żidiet, li ma jistgħux jibqgħu jissejħu żgħar, u jpoġġi bilqiegħda mal-fabbriki u mal-kumpaniji konċernati li qegħdin inaqqsu l-ħaddiema biex jasal għal ftehim magħhom li permezz tiegħu jgħinhom jinvestu u jħaddmu n-nies flok inaqqsuhom. Dan kollu għandu jsir f’qafas ta’ pjan ċar dwar il-ħolqien tax-xogħol f’setturi differenti tal-ekonomija.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni wkoll li l-Gvern għandu b’urġenza jissottometti l-pjan dettaljat tiegħu għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ lill-Kummissjoni Ewropea. Din l-iskema għandha l-għan ewlieni li tiżgura li ebda persuna taħt il-25 sena ma tkun bla xogħol jew ma tkunx qiegħda ssegwi xi forma ta’ edukazzjoni u taħriġ. Fil-ġranet li għaddew, il-Kummissjoni Ewropea żvelat li Malta kienet fost l-uniċi 11-il pajjiż Ewropew li m’għandhomx pjan f’dan is-settur, fatt li wassal lill-Kummissjoni biex twissi lil pajjiżna dwar kif “li tħalli ż-żgħażagħ mingħajr għajnuna huwa ta’ ħsara kemm għall-prospetti tal-ħajja tagħhom kif ukoll għall-potenzjal ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Ewropa.” Hu verament inkonċepibbli kif Gvern Laburista, li kellu bħala pilastru ewlieni tal-kampanja elettorali tiegħu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, qed ikaxkar saqajh milli jissottometti pjan ta’ azzjoni fuqu. 


Kulma jmur qed joħroġ biċ-ċar kemm il-Gvern ta’ Muscat m’għandux roadmap għall-ekonomija u l-ħolqien tax-xogħol. Fil-ferneżija tiegħu biex jagħmel flus li qed jgħid li se jagħmel ta’ malajr permezz tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza bil-għan li jirbaħ ftit żmien fit-twettiq tal-wegħdi elettorali kollha li għamel, il-Prim Ministru Muscat qiegħed jinjora l-akbar sfida li għandu kull Gvern: li jattira l-investiment serju u fit-tul biex joħloq il-postijiet tax-xogħol.

Appell biex il-Gvern jirrikonsidra d-deċiżjoni li jċaqlaq l-Iskola Nazzjonali tal-Isport



Il-Partit Nazzjonalista jinnota b'diżappunt id-deċiżjoni tal-Gvern li l-Iskola Nazzjonali tal-Isport ġiet trasferita mill-Kumpless tal-Isport tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop għal skola oħra li mhijiex attrezzata bl-istess mod f’Pembroke.

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport, li ġiet inawgurata f'Settembru 2012, għandha l-iskop ewlieni li tagħti taħriġ speċjalizzat lil studenti li għandhom talent speċjali fl-isport. Dawn l-istess studenti qegħdin jingħataw l-aqwa opportunità biex jirnexxu kemm fl-istudju akkademiku tagħhom kif ukoll fl-isport. Dan isir billi l-ħinijiet tal-lezzjonijiet, li jinkludu kemm suġġetti akkademiċi u oħrajn dedikati għall-isport, huma flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw it-taħriġ sportiv li jkun qed isir ukoll waqt il-ħin tal-iskola f’qafas ta’ ċentru ta’ eċċellenza għall-attività sportiva. It-taħriġ sportiv jiġi kkoordinat mill-assoċjazzjonijiet sportivi u l-kowċis tagħhom, biex l-atleti żgħażagħ ikollhom pjan wieħed ta’ taħriġ b’oġġettivi komuni, kemm waqt il-ħin tal-iskola kif ukoll wara.

Biex pajjiżna jkun jista’ joffri l-opportunitajiet ta’ taħriġ speċjalizzat lil tfal u żgħażagħ li għandhom talent fl-isport, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern investa f’kumpless ġdid b’faċilitajiet state-of-the-art u attrezzati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem li l-Gvern issa beħsiebu jagħti aktar awtonomija lill-Iskola Nazzjonali tal-Isport, xorta jibqa’ l-fatt li l-iskola issa se timxi mill-post oriġinali u ideali tagħha, deċiżjoni li żgur mhix se tgħin biex l-istudenti jkomplu mexjin fl-istudju tagħhom fl-istess kumdità li kellhom fejn setgħu faċilment jipprattikaw id-dixxiplini sportivi tagħhom, inkluż il-basketball, il-futbol, il-ġinnastika, il-karate u r-rugby fost dixxiplini oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex jirrikonsidra d-deċiżjoni mgħaġġla tiegħu li jmexxi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport mill-post li hu attrezzat speċifikament għaliha. Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-Gvern biex jagħmel konsultazzjoni sinċiera mal-partijiet kollha involuti u jittama li din id-deċiżjoni mgħaġġla u nieqsa minn viżjoni  ma tagħmilx ħsara lil dawk l-istudenti kollha effettwati fil-mixja tagħhom biex itejbu l-kwalitajiet tagħhom fil-qasam akkademiku u dak sportiv.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

23.1.14

Il-Partit Nazzjonalista juri tħassib dwar l-atmosfera ta’ tensjoni fil-Parlament



Stqarrija maħruġa mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-atmosfera fil-Parlament li kull ma jmur aktar qegħda tiddeġenera b’attakki kontinwi mill-Gvern kontra l-Oppożizzjoni.

Wara li nhar it-Tnejn li għadda l-Prim Ministru għamel diskors aggressiv b’attakki kontinwi kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni, ilbieraħ il-Gvern, permezz tal-Ministri Marie-Louise Coleiro Preca u Joe Mizzi, ippruvaw jagħmlu mażra ma’ ħalq l-Oppożizzjoni. 

Fis-seduta parlamentari tal-bieraħ, il-Ministru Mizzi għamel talba lill-Ispeaker sabiex jiġi ssanzjonat (named) il-Membru Parlamentari George Pullicino wara li dan sempliċiment appella biex il-Ministri jkunu aktar konċiżi fit-tweġibiet tagħhom għall-Mistoqsijiet Parlamentari li għalihom huwa riżervat ħin limitat f'kull seduta. Dan minbarra l-fatt li l-mistoqsijiet li jsiru mhux dejjem qed jiġu mwieġba b’mod komplet.

Din mhijiex l-ewwel darba li l-Gvern ġie mitlub ma jtawwalx fir-risposti li jagħti fil-Parlament. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li f’ruling li kien ta fit-3 ta’ Ġunju 2013, l-Ispeaker Anġlu Farrugia kien sostna li r-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari għandhom ikunu ċari u mingħajr tul żejjed. Dan ir-ruling huwa importanti għaliex l-Ispeaker jalloka tletin (30) minuta f’seduta parlamentari għall-mistoqsijiet parlamentari u l-mistoqsijiet supplimentari li joħorġu minnhom. Għaldaqstant, huwa kruċjali li dan il-ħin jintuża bl-aħjar mod possibbli fl-ispirtu tal-kontabbiltà u t-trasparenza. 

Minflok jattakka lill-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni, il-Gvern għandu jkun ta’ eżempju billi jirrispondi l-mistoqsijiet li jsirulu fil-Parlament fl-ispirtu ta’ serjetà u trasparenza. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-miżuri anti-demokratiċi u l-vjolenza fl-Ukrajna


Stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici 

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, li qed tmur għall-agħar jum wara l-ieħor. Fil-ġimgħa li għaddiet, reġa’ żdied it-tensjoni wara li l-Gvern tal-Ukrajna introduċa liġi ġdida li tipprova tillimita d-dritt leġittimu tal-pubbliku li jipprotesta. Ilbieraħ, il-mezzi tax-xandir internazzjonali rrappurtaw li minn tal-inqas erba’ persuni nqatlu fil-protesti, filwaqt li mijiet ta’ persuni oħra sfaw midruba. 

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa kollha l-vjolenza u miżuri oħra anti-demokratiċi li qed jirrikorri għalihom il-Gvern tal-Ukrajna kontra l-poplu tiegħu stess. Il-poplu tal-Ukrajna, bħal kull poplu ieħor fi stat demokratiku, għandu jingħata l-libertà kollha li jesprimi lilu nnifsu fejn ma jaqbilx mal-Gvern tiegħu. 

Filwaqt li jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern tal-Ukrajna biex iwarrab il-miżuri ripressivi li qed juża u jdur għad-djalogu sinċier mal-partiti tal-Oppożizzjoni u mal-poplu tal-Ukrajna kollu kemm hu, biex isib triq ’il quddiem. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

21.1.14

Appell biex il-Prim Ministru jieqaf jipprova jgħaddi lin-nies biż-żmien.



B’referenza għall-kummenti li ta l-Prim Ministru qabel il-laqgħa tal-Kabinett li saret il-Mellieħa, il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-istess Prim Ministru li naqqas il-fondi tal-Kunsilli Lokali, issa qed jgħid li l-Kunsilli Lokali se jibbenefikaw minn fondi li sal-lum għadhom ineżistenti, u li dawn suppost se jiġu mill-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza.

Hu ċar li l-Prim Ministru Muscat qed jipprova jixtri lill-istituzzjonijiet, l-għaqdiet non-governattivi u lill-pubbliku in ġenerali bl-istess mod li qed jinsisti li ċ-ċittadinanza Maltija tista’ tinbiegħ u tinxtara. Il-Prim Ministru jinsab f’paniku kbir minħabba l-opinjoni pubblika negattiva dwar din l-iskema, u allura issa qiegħed jipprova jgħaddi lin-nies biż-żmien billi jwiegħed flus li s’issa ma jeżistux.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar lill-Prim Ministru Muscat li filwaqt li huwa diġà ddeċieda kif u fejn se jonfoq il-flus li suppost se jdaħħal mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, għadu ma spjegax kif se juża l-fondi tal-Unjoni Ewropea li ġew allokati għal pajjiżna sena ilu u li suppost diġà qed jintefqu fi proġetti li joħolqu jobs ġodda u jtejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Prim Ministru biex jieqaf jipprova jgħaddi lin-nies biż-żmien u jħejji pjan serju biex jinħoloq il-ġid. Dan il-pjan m’għandux jinkludi l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Bil-ferneżija li għandu biex ibiegħ iċ-ċittadinanza, il-Prim Ministru Muscat mhux qed jattira l-investiment filwaqt li qed iżid il-qgħad.



Il-Partit Laburista llejla kkonferma li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Muscat għadu qed jipprova jimplimenta l-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza b’mod dubjuż u b’segretezza. Filwaqt li l-Gvern Laburista komdu jgħaddi informazzjoni bil-moħbi dwar l-eks sewwieq tal-Formula 1 Jacques Villeneuve, Joseph Muscat qed jipprova jaħbi l-istorja ta’ “biljunarju” Ċiniż li skont The Sunday Times tal-Ħadd li għadda ġie Malta biex jiltaqa’ ma’ Henley & Partners bl-iskop li jixtri ċ-ċittadinanza Maltija. X’qed jaħbi l-Prim Ministru Muscat?

Il-poplu Malti jinsab magħqud fit-twemmin tiegħu li din l-iskema tal-Prim Ministru Muscat hi waħda ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza u mhux ta’ investiment. Hija verament sfortuna li fl-istess ġurnata li l-Partit Laburista qiegħed jipprova jbiegħ gidba dwar l-investiment, ħarġet l-aħbar fil-mezzi tax-xandir li kumpanija fis-servizzi finanzarji keċċiet mal-65 ħaddiem.  

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li din l-iskema hija waħda ta’ bejgħ u mhux waħda li tiġbed l-investiment lejn pajjiżna. Fil-ferneżija tiegħu li jagħmel ftit flus malajr, il-Prim Ministru qiegħed jinsa’ għalkollox l-importanza ta’ investiment ġdid f’pajjiżna u qiegħed juri li tilef il-kontroll tal-aktar politika kruċjali f’pajjiżna: jiġifieri li jiġi attirat l-investiment tanġibbli biex jinħolqu jobs ġodda għall-familji Maltin u Għawdxin. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Waħħal fik innifsek.



1.            Il-liġi li permezz tagħha l-Gvern qiegħed ibiegħ iċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna ġiet fis-seħħ minkejja dak kollu li ngħadlu.  Ġiet fis-seħħ minkejja li diversi persuni f’pajjiżna u barra minn xtutna ġibdu b’kull mod l-attenzjoni tiegħu li kienet waħda żbaljata.  Fil-ħajja, fil-ħidma politika, kull persuna ssib ruħha f’sitwazzjonijiet fejn dak li kellu f’rasu li huwa tajjeb u li jista’ jwettaq, isib il-kontra.  Il-maġġoranza tal-bnedmin ibiddlu triqithom, oħrajn jibqgħu jinsistu, jwebbsu rashom u jispiċċaw fejn m’għadhomx.

2.            Qabel ġiet fis-seħħ din il-liġi, l-Oppożizzjoni fil-Parlament ħadet ħsieb titkellem. Kull membru ħa ħsieb iressaq diversi punti sabiex jagħti s-sehem tiegħu biex il-Gvern jibdel dak li kien ċar mill-bidu.  L-iskema kienet ser iddaħħalna fi proċess ta’ ħsara.  Bqajna nippruvaw sal-aħħar, imma ħassew li jridu jdaħħluna s-Sibt filgħodu sabiex jgħadduha malajr kemm jista’ jkun.  Ħasbu li b’daqshekk il-poplu ser jinsieha u barra minn xtutna ħadd m’huwa ser jinduna.

3.            Dik l-għaġġla, dik is-suppervja u għebbusija tar-ras ġiebet lill-pajjiżna f’sitwazzjoni mill-iktar diffiċli.  Pożizzjoni li minnha bdejna nitilfu mill-kredtu li kellna, u naqqasna sew mill-valur ta’ avvjament li konna bnejna.  Dħalna f’iktar kumplikazzjonijiet li ġiebu iktar taħwid u konfużjoni f’liġi li bdiet mill-ewwel fuq sieq ħażina.  Kumplikazzjonijiet li qawwihom il-Gvern stess bil-ġiri tiegħu sabiex dan it-torri li huwa destinat li jaqa’ jżommuh b’xi mod ‘il fuq.  L-ewwel billi l-għada stess li l-President tar-Repubblika ffirmaha qalu li ser jibdlu partijiet minnha billi jneħħu l-lista sigrieta (ħaġa li għadhom m’għamlux); it-tieni, ippruvaw juru li bidlu l-iskema b’suppost punti differenti li fir-realtà ħallew l-oġġezzjonijiet prinċipali hemm.

4.            Ta’ din il-liġi, ta’ din l-istrateġija politika għandu responsabbiltà u ħtija l-Gvern tal-ġurnata.  Kien hu li vvintaha, kien hu li għadu jinsisti fuqha, kien hu li kompla ħawwadha u jgħid x’jgħid, dawn jibqgħu l-fatti.  Hija verament ħsara li baqa’ jinsisti fuqha.  Li baqa’ jrid jidher kemm huwa b’saħħtu u li huwa ma jmurx lura minn dak li qed jgħid, anke jekk kien ilu jaf li ġej dibattitu fil-Parlament, din id-darba Ewropew, proprju fuq dak li daħħal lilu nnifsu fih.  Li kieku  ma kienx hemm din l-iskema daqshekk żbaljata fejn il-bejgħ taċ-ċittadinanza huwa daqshekk evidenti, skandaluż u  mingħajr mistħija, kieku ma konniex insibu ruħna fejn aħna.

5.            Il-Parlament Ewropew ġie njorat kompletament mill-Gvern preżenti, baqa’ għaddej u anzi ftaħar kemm ser jibqa’ għaddej.  Tul din il-ġimgħa, il-pajjiż kollu fehem li għandna problema li ħoloq hu.  Id-diskussjoni li saret ma tagħmel ebda forma ta’ ġid lil dawn il-gżejjer.  Seta’ ġie evitat, imma baqa’ jinsisti għalih.  Sab ruħu f’iktar intoppi għax issa l-Kummissarju għall-Ġustizzja Viviane Reding iddikjarat li dak li sar huwa kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea.  Ġejna agħar għax dan għandu l-effetti tiegħu.  Dan ser ifisser li isem pajjiżna nieżel iktar u iktar, jum wara jum.

6.          Id-difiża tal-Gvern baqgħet fl-istess linja.  Baqgħet dik li tiċħad is-sewwa u tidħak biha nfisha.  Minflok ma ħadet ir-responsabbiltà ta’ dak li wettqet u biddlet, ippruvat iddur fuqna biex twaħħal fina tal-iżbalji tagħha.  Verament inkredibbli.  Imma din kienet id-daqqa tal-Gvern biex jaqbeż għalih innifsu.  U proprju dan juri kemm din l-iskema hija waħda żbaljata, u kemm ma hemmx fuq x’hiex tiddefendiha.  Anzi, l-affarijiet tant marru ħażin li huwa diffiċli biex iġġibha fuq saqajha.  Din il-liġi ma tressqitx mill-Oppożizzjoni imma minnu.  Fid-dinja hemm l-irġulija.  Jekk dan il-Gvern għandu farka minnha għandu jieħu fuqu r-responsabbiltà ta’ dan l-iżball politiku u jirtiraha darba għal dejjem.


16.1.14

Fid-direzzjoni żbaljata



1.         Is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika ta’ pajjiżna nafu li ma hiex mill-aqwa.  Diversi li jqidu dak li qed iseħħ jafu li f’dawn l-aħħar xhur il-Gvern qabad diversi toroq Ii huma għal kollox żbaljati.  Nafu lkoll li l-pajjiż m’huwiex wisq interessat fil-politika u moħħu iktar biex jaqla’ u jgħix il-ħajja tiegħu.  Imma jrid jingħad dak li għandu.  Aħna fl-Oppożizzjoni qegħdin u bil-vuċi li għandna rridu nibqgħu nużawha biex is-sens komun jirbaħ fuq ir-ras iebsa u s-suppervja esaġerata li rajna jimmaturaw b’veloċità mill-amministrazzjoni preżenti.

2.         Wasalna b’dak li għandna għad-dispożizzjoni tagħna u bil-kumplikazzjonijiet li writna biex infehmu li l-affarijiet m’humiex kif għandhom ikunu.  Tant li l-istess Prim Ministru, fil-Ħadd li għadda, ħass il-bżonn li jikteb artikolu f’ġurnal lokali jgħidilna l-kontra.  Artikolu li fuq naħa jrid jibgħat messaġġ kemm kollox sejjer tajjeb, u fuq l-oħra moħħu biex joskura lill-Oppożizzjoni.  Ikerraħha għax qed iddejqu waqt li qed twettaq dmirha.  Fil-fatt, iktar ma taqrah iktar tifhem li hemm min diġà qed iħossu dahru mal-ħajt.

3.         Jekk il-Gvern ma fehemx kemm il-liġi tiegħu fuq iċ-ċittadinanza, proprju dik li webbes rasu fuqha u ġieb fis-seħħ għamlet ħsara, allura l-problema hija ikbar.  M’huwiex biżżejjed li jipprova jixħet it-tort fuqna.  Il-proposta hu għamilha.  Hu webbes rasu fuqha.  Għamel ħiltu kollha biex jidher aqwa billi jeskludi l-proposti tal-Oppożizzjoni u jipprova jidħaq bil-pajjiż li s-soċjetà ċivili hija miegħu.  Ħadd ma daħak bih innifsu kif qed jagħmel il-Gvern.  Il-fatti hemm jibqgħu u ma kienx hawn xi għajta kemm l-iskema tal-bejgħ inbidlet.  Għadna minflok, sal-ġurnata tal-lum, naraw u nirċievu artikoli ta’ diversi fuq kemm hija żbaljata din il-liġi.

4.         Il-Prim Ministru jrid jifhem li jista’ jipprova jwaħħal fina fuq diversi affarijiet, imma ma jistax jaħrab mill-fatt li issa huwa qiegħed hemm, ilu x-xhur u dawk il-miżuri huwa wettaqhom u mhux wirithom.  L-agħar sitwazzjoni li jista’ jkollna hija dik ta’ tmexxija li taħrab mill-verità.  Waħda li mhix kapaċi terfa’ r-responsabbiltà li għandha ġġibna agħar.  Tul is-snin li ġejjin ser naraw iktar passi fid-direzzjonijiet żbaljati jekk kemm-il darba ma jkunx hemm bidla fid-direzzjoni politika tiegħu.  Qed diġà naraw quddiemna kemm it-trasparenza, l-imparzjalità u l-meritokrazija ħadu lkoll daqqa ta’ ħarta l-isfel.  Biss dan hu ma jridx jikkonfrontah, anzi qed ikompli jaħirbu bil-ħsieb li l-poplu ser jinsa meta jaslu l-aħħar tal-ħames snin.

5.         Il-Partit Nazzjonalista jaf li għandu triq twila quddiemu biex jorganizza ruħu u jerġa’ jkun vuċi rilevanti wara l-aħħar riżultat elettorali.  Għandu ħafna x’jitgħallem.  Kif u x’inhuwa sehmu fl-oppożizzzjoni.  Biss, tul dawn ix-xhur irnexxielu diġà jagħti prova li t-tmexxija preżenti għamlet qabżiet kbar.  Il-politika tal-partit qatt ma kienet waħda marbuta mal-assikurazzjoni tal-passat.  Anqas ma kienet waħda li trid tippreserva u ma tiċċaqlaqx.  Kienet dejjem waħda progressiva, attenta u avvanzata.  Ma’ kull leġislatura irnexxielha tibdel ta’ taħt fuq is-soċjetà.

6.         Irnexxielna nkunu l-partit li ssoda sija l-ġustizzja, kif ukoll il-libertà f’demokrazija Ewropeja.  Altru kif konna u altru kif aħna.  Imxejna b’kawtela, drabi verament żejda.  Biss bl-għaqal biddilna bl-inqas skossi sabiex żammejna l-pedamenti tas-soċjetà f’posthom.  Irridu f’dan il-mument induru ma’ dak kollu li wettaqna.  Nifhmuh aħjar u nerġgħu nħarsu ‘l quddiem lejn dak li ħafna minna xtaqu jwettqu iżda ma rnexxielhomx.  Tul din is-sena ser ikollna l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, biss dan m’huwiex sejjer iżommna milli nassiguraw li nibnu ideat u proposti biex inressquhom quddiem il-poplu.  F’dan il-kuntrast huwa evidenti li l-Gvern, fis-suppervja tiegħu, qabel direzzjoni żbaljata mentri l-Oppożizzjoni qegħda tibni fuq is-sens komun lejn it-triq it-tajba.


9.1.14

Iktar ħidma, inqas immaġini.



1.            Ħallejna l-aħħar tas-sena bil-messaġġi tal-mexxejja ta’ pajjiżna.  Mumenti ta’ riflessjoni u fl-istess ħin ta’ preparazzjoni għal dak li ser naraw quddiemna fix-xhur li ġejjin.  Diskors li jikxef lil dak li jkun f’dak li huwa.  Hemm id-diskors li huwa faċli u hemm il-fatti li huma diffiċli.  Il-politika għandha ħafna tipi differenti jaħdmu fiha.  Hemm dawk li moħħhom biex jaħdmu u dawk li moħħhom biex jidhru.  Ftit huma dawk li jgħarfu l-bilanċ li hemm bżonn li jiġi milħuq bejn waħda u oħra.

2.            Huwa tajjeb li tinforma lill-poplu b’dak li tkun qiegħed twettaq, però meta tesaġera fix-xejn tispiċċa tidħak bik innifsek.  Il-ġdid jibqa’ ġdid żgur, biss wara ftit jibda jitlef mill-porporina u jibda jiqdiem.  Bir-rispett kollu, ma tantx rajt persuni impressjonati bid-diskors tal-Prim Ministru.  Il-preżentazzjoni żejda, ħafna drabi għal dawk li jżommu saqajhom mal-art huwa preludju ta’ nuqqas ta’ sustanza.  Nuqqas ta’ għarfien ta’ dik li hija r-realtà.  Ħarba ‘l-bgħid minn dak li l-poplu qiegħed verament iħoss b’idejh.

3.            L-aħħar tas-sena għalqet bil-marka ċara li r-ras iebsa rebħet fuq ir-raġuni.  Għaddiet tal-Prim Ministru fuq iċ-ċittadinanza.  Mar lura minn dak li kien webbes rasu fuqu qabel fil-Parlament u pprova jidher li mar ‘il quddiem fuq dak li kellu jirtira minnu.  Esperiment ieħor fil-manwali ta’ dawk li jiktbu l-kotba ta’ kif tagħmel il-propaganda politika.  Ta’ dawk li jħarsu biss li jimmarkaw ruħhom f’dak li jidhru li huma u mhux f’dak li attwalment hu.

4.            Dan fih innifsu huwa l-linja ġenerali tal-Gvern tal-ġurnata.  Qiegħed jaħrat it-triq biex jaħrab minn dak li għaddej bħalissa.  Il-kwistjoni taċ-ċittadinanza, u li din ġiet marbuta mal-estimi finanzjarji bdiet tattakkana.  Il-verità hija li ż-żidiet bdew jinħassu diġà fis-sena li għaddiet u d-dħul mistenni ma seħħx, anzi dak li kien qiegħed hemm diġà nħass li sejjer lura.  L-avvjament tal-azjenda kummerċjali Maltija, bid-diskors bla sens u bil-kitba li saritilha, bdiet sejra lura waħda u sew.

5.            M’għandniex nidħqu bina nfusna lkoll kemm aħna.  Il-poplu beda jħoss l-impatt tan-nuqqas ta’ tkabbir ekonomiku u issa bdejna sena li fiha l-Gvern ser ikompli jsib ruħu fid-diffikultajiet.  Hemm ċar li hemm min irid jaħrab minn din il-verità.  Biss, il-pajjiż jaf li għandu x’jaffronta.  Jaf li altru l-Gvern li kellu u altru dan li għandu.  Japprezza li ma hemmx l-istess direzzjoni jew ideat u proprju għalhekk li huwa ferm u ferm iktar kawt f’dak li jwettaq, f’dak li jonfoq u f’dak li jħares li jibni jew le.


6.          Bl-esperjenza tas-sena li għaddiet, l-Oppożizzjoni għandha tirreġistra li mxiet ferm iktar ‘il quddiem milli ħaddieħor seta’ ħaseb.  Qegħdin diġà fuq saqajna minkejja l-kumplikazzjonijiet li partit bħal tagħna jsib ruħu fihom.  Irridu però nirreġistraw li dan il-Gvern huwa maħkum minn doża ta’ suppervja.  M’huwiex lest li jifhem malajr fejn żbalja u qiegħed jiżbalja, anzi jrid jinsisti li m’huwiex.  Fhimna li dak li joħroġ minn ħalq uħud, anke jekk ikun bil-fatti u l-provi żbaljat, ma jiġix irtirat.  Dan għalina  jfisser li sejrin lejn sena ta’ iktar inkwiet.  Aħna bħala Oppożizzjoni nibqgħu però ninsistu u naħdmu biex naqdmu dmirna bl-aħjar mod possibbli.  Nifhmu li hemm dejjem iktar lok għall-fatti u ferm inqas għall-immaġini.

6.1.14

Sena ġdida u differenti



1.         Għalkemm is-sena sfortunatament spiċċajniha billi ksirna regola li bnejna tul l-aħħar snin – dik li ma jkollniex polemiċi politiċi, xorta rridu nħaru ‘l quddiem.  Inħarsu sabiex nistabbilixxu dak li rridu sewwasew minn pajjiż li daqqa jaf xi jrid u daqqa le, u daqqa jara jseħħ dak li ma jridx imma ma jitkellimx.  Għad hawn dominanza ta’ min irid jistabbilixxi f’moħħ il-poplu dak li huwa aċċettabbli u dak li m’huwiex.  Jew aħjar, dawk li għandhom jiġu kkunsidrati minn dawk li le.

2.         Rajna wisq ħmerijiet għaddejjin, bħallikieku huma pilastri ta’ veritajiet jew valuri ġodda fis-soċjetà.  Niskanta, (forsi mhix proprju l-kelma ġusta, imma trid tingħad) kif għad hawn tant li jinxeħtu jiktbu mingħajr ma jaraw x’seħħ f’sekli ta’ esperjenzi umani.  Diversi jimmaġinaw li qed jerġgħu jivvintaw regoli u roti li ilhom li ġew pruvati żbaljati.  In-nuqqas ta’ kultura, ta’ qari storiku, ta’ analiżi soċjali u ekonomika ta’ dak li seħħ fil-passat qiegħed iwassal għal iktar suppost esperimenti destinati li jfallu.

3.         Sejrin lejn toroq differenti minn dak li konna mdorrijin bihom.  Sejrin lejn esperjenzi iebsa u kiefra li oħrajn għaddew minnhom diġà.  Ser naraw min jibqa’ jinsisti fir-ras iebsa li qiegħed ikabbar fuq punti li huma mmarkati biss biex jidhru ġodda.  Id-dinja għaddiet diġà minn dak li ħaddieħor ser jgħaddina minnu.  Biss, dan ma jfissirx li ser naqtgħu b’xi mod qalbna.  Anqas li ser inkunu b’xi mod maħkuma minn dak li mhux ser jaħdem.

4.         Hemm viżjoni tal-ħajja li aħna marbuta volontarjament u fil-libertà assoluta magħha.  Qegħdin hekk għax l-esperjenza umana ta’ sekli uriet li hija l-aqwa soluzzjoni għad-diversi sitwazzjonijiet u intoppi li nsibu quddiemna.  Il-pilastri veri tas-soċjetà tagħna jibqgħu dawk bażati fuq il-valuri fundamentali li l-Knisja Kattolika bniet.  Bniet għax l-għerf, l-intelliġenza u l-viżjoni li f’dawn l-elfejn sena skorruti ħarġu minn bnedmin irġiel u nisa hija inkomparabbli.  Mhux biss, imma hija parti essenzjali mill-bniedem.

5.         F’dak li ġej għalina rridu nirriaffermaw li m’aħniex nies mitluqa, mingħajr prinċipju, imma bnedmin li nafu fejn irridu mmorru.  Hawn kwistjoni ta’ rġulija, ta’ onestà u ta’ verità.  Mhux waħda ta’ ħmerijiet, ta’ xinxilli fejn il-medja trid il-ħin kollu tagħti x’tifhem dak li m’huwiex minnu.  Fix-xhur li ġejjin hemm żgur iktar maltemp ġej għalina.  Wieħed finanzjarju, soċjali, fejn ser inkomplu naraw li l-bażi tagħna, il-pedament tagħha f’dawn is-setturi jiġu attakkati.  Biss, dan ma jfissirx li ser immorru lura mill-isfida li nkunu għas-servizz tal-valuri veru u mhux illużorji tal-ħajja tagħna.

6.         Is-sena li ġejja ser tkun waħda differenti minn dik li kellna, ma hemmx dubju.  Ser naraw kemm iktar u sa liema limitu ser jiġu vvintati ħmerijiet.  Irridu sempliċement inħarsu lejn id-direzzjoni ċentrali tagħna.  Nagħrfu dak li ġej għalina u fl-istess ħin nippreparaw ruħna.  L-ottimiżmu tagħna m’għandux jonqos, biss m’għandniex nitilquh ’il bgħid mir-realtà ta’ kull ġurnata.  Mhux ser insiru pessimisti, imma dak li għandu jingħad jibqa’ jingħad bil-mod ta’ kif jidhrilna li għandu jsir.  Din hija l-isfida l-ġdida quddiemna li, b’kuraġġ u determinazzjoni, sejrin għaliha.


7.         Mill-qalb nawgura l-isbaħ xewqat għalik, sur Editur, għan-nies li jassistuk u għal dawk kollha li baqgħu jagħtu appoġġ lilna lkoll.

Il-messaġġ għas-sewwa magħna



1.         Il-bnedmin fil-politika ħafna drabi jaħsbu li kull darba li jitkellmu, kull mument li jidhru, l-pajjiż jieqaf jaħseb u jixtarr dak li jkunu qalu.  Fortunatament, ir-realtà hija kompletament il-kontra.  Anzi, iktar ma jgħaddu s-snin, iktar bnedmin qed inaqqsu milli jħarsu lejn il-politika bħala xi forma ta’ prijorità assoluta.  Qegħda hemm, hija importanti, imma għandha postha u ma taqbiżx dik tal-familja, ix-xogħol u r-reliġjon.

2.         Dawn huma jiem meta d-dinja terġa’ tagħraf lilha nfisha għal dak li sewwasew hi u mhux dak li ħoloq minnha l-bniedem.  Dak li huwa permanenti, dak li ma jintilifx, dak li fis-sewwa jeħodna lejn eternità jikkuntrasta ma’ dak li huwa temporanju, jitkisser malajr u m’għandux fit-tul.  Bil-bniedem jibqa’ jfittex f’qalbu x’inhuwa verament importanti u x’ħaqqu li qiegħed jaħdem u jiġġieled għalih dawn il-jiem għandhom diversi risposti għalih.

3.         Għal dawk li jippruvaw jieqfu mir-rutina ta’ kull ġurnata.  Joħorġu aktar mis-soltu.  Jiltaqgħu mill-ġdid ma’ dawk li jridulhom il-ġid, tal-familja, il-ħbieb li ma jintesewx.  Għal diversi oħra li jsibu l-ħin jaħsbu fir-rabta tagħhom ma’ Min ħalaqhom.  Hemm l-okkażjoni ta’ tiġdid.  Ta’ bidla interna f’viżjoni tal-ħajja.  Lura b’iktar saħħa lejn il-verità.  Lura għas-servizz tal-forza tas-sewwa.

4.         F’dinja li tidher minn barra li qegħda titlef ruħha, għadni nara li dan m’huwiex minnu.  F’dawn is-snin għas-servizz tal-bniedem nibqa’ mmiss b’idejja li aħna għandna soċjetà li moħħha ċar.  Nafu x’inhuwa tajjeb u dak li m’huwiex.  X’inhuwa ġust minn dak li m’huwiex.  Hemm żerriegħa tal-mustarda li tnibbet il-ħin kollu.  Hemm proċess li ma jridx jieqaf.  Irid biss jiġġedded.  Dawn huma l-jiem l-iktar fertili, dawk li jħabbtulna fuq qalbna lejn id-direzzjoni t-tajba.

5.         Kull min jersaq lejn is-soċjetà u jitkellem bil-kontra tal-valuri li ilna nħaddnu jibda jagħraf li l-vuċi tiegħu hija temporanja, iktar min-natura tagħna stess.  F’dawn il-gżejjer għad hawn il-kuxjenzi ta’ ħafna f’posthom.  Hawn min tkaxkar b’eżempji ħżiena imma jifhem u jrid il-ħin kollu jerġa’ lura.  Ifittex il-boxxla interna u vera tal-ħajja li Sidna Ġesù Kristu ġieb miegħu għalina.

6.         Tbaskatt f’din it-triq tal-ħajja, biss dan ma jfissirx li ma nibqax nagħraf dak li huwa minnu minn dak li m’huwiex.  Kull persuna jgħaddi u jara iktar ta’ madwaru jgħaddu, imma dak li huwa sewwa jibqa’ hekk u ebda messaġġ ma jċajpru jew jibdlu.  Hemm ser jibqa’: ċar, permanenti, għad-dispożizzjoni tagħna lkoll.  F’din il-ġimgħa dediktata lit-Twelid tas-Salvatur tagħna, mill-qalb nawgura l-Milied it-Tajjeb lilek, Sur Editur, lill-ħaddiema tiegħek kif ukoll lil dawk li jibqgħu jixtru, jiflu din il-gazzetta u dawk li baqgħu madwarna jsostnuna mill-qalb.


Il-messaġġ tagħhom lilna



1.         Dħalna issa fit-tmien xahar ta’ dan il-Gvern, ta’ din l-amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Laburista.  Fihom, sfortunatament, rajna nuqqas ta’ preparazzjoni, ebda forma ta’ esperjenza u linji politiċi żbaljati.  Ma’ kull ġurnata qed jonqsu dawk il-ministeru li qed jiġu mmexxija kif il-poplu jippretendi li għandhom.  Fi ftit xhur verament rajna l-pożizzjonijiet varji li konna lħaqna joħorġu minn idejhom.

2.         L-Oppożizzjoni, li qed tara dan isir quddiemha, għandha triq waħda.  Dik li ssemma’ leħinha kif u skont iċ-ċirkostanti li tħoss li għandha.  Għalkemm niġu kkonfrontati minn żewġ vuċijiet, dawk li jriduna nkunu aktar qawwija u dawk li l-kontra jriduna ngħidu inqas, dmirna xorta għandna nwettquh.  Xorta rridu ngħidu li l-affarijiet m’humiex isiru kif għandhom.  M’humiex isiru sewwa.

3.         Ir-risposti tal-Gvern lejna huma varji.  Daqqa jgħidulna li għandna nistennew għax il-pjan għadu ġej.  Daqqa jippruvaw iċekknuna billi jgħidu li qed nattakkaw ġieħ il-pajjiż.  Biss, l-iktar li qed jagħmlu huwa li jibgħatulna l-messaġġ li ma nistgħux nitkellmu jew nikkritikawhom.  Fuq dan l-aħħar punt tisma’ diversi drabi membri tal-Partit Laburista jgħidulna li billi l-poplu biddel il-gvern u billi ta maġġoranza kbira lilhom, allura tlifna kull dritt li nagħmlu dmirna bħala Oppożizzjoni.

4.         Iddur fejn iddur tara li, meta jiġu f’pożizzjoni fejn ma jistgħux iwieġbu, jduru fuqna u jgħidulna li ma nistgħux nitkellmu.  Il-verità hija li, f’diversi mumenti, dan il-Gvern qiegħed jinduna li l-pożizzjonijiet li konna ħadna u li tant kien ikkritika kienu fil-fatt tajbin.  Id-diffikultà prinċipali tal-amministrazzjoni preżenti hija dik li taċċetta li dak li kien qiegħed isir qabel f’ħafna setturi kien, fir-realtà politika, li jagħmel il-ġid lil pajjiżna.  Biss, kif nafu, ma ħadux ħsieb jaraw li l-ilma li jridu jixorbu minnu llum iżommuh pur.

5.         Is-settur tal-finanzi beda juri lilun nifsu b’saħħa f’din id-direzzjoni.  Id-dokumenti pubblikati f’dawn il-jiem juru proprju: l-ewwel, li dak li konna qed nagħmlu kien tajjeb; it-tieni, d-deċiżjonijiet li ħadu f’dawn ix-xhur ġiebhom fil-bżonn li jammettu li s-sena li ġejja ser iżidu t-taxxi f’pajjiżna b’ħamsin miljun.  L-istess f’dak tal-immigrazzjoni irregolari.  Tant kollox ħiereġ minn idejhom bid-deċiżjonijiet żbaljati li ħadu li m’għandhomx direzzjoni ċara fejn sejrin.

6.         Fiż-żewġ setturi importanti għal pajjiżna tilfu ħafna mill-vantaġġi li konna stabbilejna.  Tilfu, għax flok raw x’konna għamilna, qabdu u mxew f’toroq li ser iwassluhom fi sqaqien li kull ma jistgħu jagħmlu huwa li jmorru lura minn fejn bdew.  Dmirna jibqa’ xorta dak li nitkellmu u nikkritikaw kostruttivament.  Jekk il-Gvern iridx jisma’ jew le, dik hija ħaġa oħra.  Jekk kliemna qiegħed idejqu, allura jrid jara x’ser jagħmel.

7.         Żgur mhux forsi, però, ma jistax jibqa’ jgħidilna li għax għandu maġġoranza daqshekk kbira, allura ma nistgħux nitkellmu.  Id-demokrazija b’saħħitha li għaddejnilhom ser nibqgħu nagħmlu ħilitna biex inżommuha.  Nassiguraw li minkejja l-messaġġi negattivi tagħhom fil-konfront tagħna, aħna nibqgħu xorta waħda pożittivi u diretti.  Dak hu li jrid il-poplu minna, u dak hu li aħna sejrin inkomplu nagħmlu.



FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...