5.5.14

Tal-qalba jirredikolaw lill-Forzi Armati ta’ Malta


Wara dak li ġie żvelat ilbieraħ minn The Sunday Times, fejn ġie rrappurtat li l-Forzi Armati ta’ Malta ma indunawx li tanker maqbud b’mandat tal-Qorti ħarab mill-ibħra Maltin, il-Gvern jeħtieġ ikun trasparenti bil-fatti u jgħid il-verità kollha dwar kif ġraw il-fatti.

Hu ċar li t-tbażwir tal-Gvern fil-Forzi Armati fl-aħħar xhur, fejn ta promozzjonijiet fit-tmexxija lil tal-qalba mingħajr mertu u kontra l-liġi, u ta transfers vendikattivi, li baqgħu għaddejjin sal-ġimgħa l-oħra stess, qiegħed jirredikola lill-istess Forzi Armati ta’ Malta. Dak hu li jiġri meta l-Gvern jarmi u jgħattan il-kompetenza u l-esperjenza tal-fizzjali u jippremja l-lagħqiżmu, l-għażż u n-nuqqas ta’ mertu.

F’dan l-istadju, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern ikun trasparenti u jgħid il-verità kollha dwar kif tanker ta’ kważi 150 metru ankrat f’ibħra Maltin viċin il-kosta u li kien milqut b’mandat tal-Qorti, tħalla jaħrab u għala ma ntalabx l-intervent ta’ pajjiżi ġirien meta dan il-vapur għadda mill-ibħra tagħhom. Il-Gvern jeħtieġ jispjega kif jista’ jkun emmnut li s-sigurtà nazzjonali tagħna lkoll mhix qed tkun imminata frott l-inkompetenza fit-tmexxija tal-Forzi Armati. 

Jekk il-Forzi Armati ta’ Malta ma kinux kapaċi jindunaw u jżommu tanker milli jaħrab minn Malta, x’garanzija għandna li l-Forzi Armati mhux qegħdin jindunaw ukoll b’dgħajjes li jistgħu jkunu deħlin f’Malta bi droga jew b’kuntrabandu? 

Jekk il-Gvern m’għandux faħam miblul, għandu jippubblika l-verità dwar dan il-każ mill-iktar fis.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: