5.5.14

Il-Prim Ministru jerġa’ jaħseb fil-kurunelli u jinsa lis-suldati: aktar ħatriet għal tal-qalba.



Il-ħatra tal-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-Perit Lino Bianco bħala Ambassador-designate ta’ Malta għar-Rumanija juri kemm il-Prim Ministru huwa magħluq fit-torri tal-avorju u ma jridx jisma’ dak li qed jgħidulu n-nies. Fl-istess jum li pajjiżna waqa’ post ieħor fil-klassifika tal-qgħad tal-Unjoni Ewropea, Muscat għażel li jagħti ħatra oħra lil persuna oħra minn tal-qalba tiegħu.

Filwaqt li l-ħbieb tal-qalba sejrin tajjeb ħafna, il-Prim Ministru Muscat irid lill-poplu Malti jgħidlu grazzi talli tahom traħħis ta’ 2 ċenteżmi fuq il-petrol bla ċomb. L-istess 2 ċenteżmi li żied huwa stess xahar ilu.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi wkoll meravilja għat-talenti sinifikanti li jidher li għandu d-Deputat Laburista Silvio Schembri, ieħor minn tal-qalba li lbieraħ inħatar bħala Chairman tar-Responsible Gaming Foundation. L-Onor. Silvio Schembri issa hu:

-        Deputat Laburista fil-Parlament Malti;
-        Chairman tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Parlament Malti;
-        Konsulent fil-Ministeru għall-Ekonomija u l-Investiment;
-        Part-time lecturer fl-Università ta’ Malta; u issa
-        Chairman tar-Responsible Gaming Foundation.

B’kollox, l-Onor. Silvio Schembri u l-mara tiegħu għandhom tmien jobs mal-Gvern.

Iżda filwaqt li l-Onor. Silvio Schembri qed jiekol minn erbat iħluq, 8,000 persuna jinsabu mingħajr xogħol u ġustament qegħdin jistennew li l-Prim Ministru jieqaf jaħseb f’tal-qalba u juża l-enerġija tiegħu biex joħloq ix-xogħol.

Huwa ċar li l-Prim Ministru għadu ma jridx jifhem dak li qegħdin jgħidulu n-nies: moħħu biss biex jippremja lill-kurunelli u jibqa’ jwarrab lis-suldati tiegħu stess.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: