5.5.14

Il-PN se jressaq emenda Kostituzzjonali biex titneħħa kull diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità.



Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem għal Malta Aħjar mill-Oppożizzjoni, mhux biss bil-kliem iżda wkoll bil-fatti. Għada fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq Private Member’s Bill biex issir emenda Kostituzzjonali bil-għan li titneħħa għalkollox id-diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità. Din hi proposta oħra konkreta li tingħaqad ma’ numru ta’ bidliet oħrajn li pproponejna f’din l-ewwel sena u li llum saru liġijiet fuq inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista, għal Malta Aħjar. 

Dan ħabbru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fil-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem, Għawdex, dalgħodu. Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-Kelliem għax-Xogħol u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Stephen Spiteri u mill-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia. 

Skont iċ-Ċensiment tal-2011, f’pajjiżna llum hawn 30,183 persuna, jiġifieri 7.2% tal-popolazzjoni, li għandhom xi forma ta’ diżabilità. 4.1% tal-popolazzjoni ta’ taħt l-20 sena u 34.2% tal-popolazzjoni li għandhom aktar minn 80 sena għandhom long term disability. L-emenda Kostituzzjonali li se jressaq il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Malti se tintroduċi b’mod immedjat protezzjoni minn diskriminazzjoni minħabba diżabilità biex b’hekk, ebda liġi ma tista’ tagħmel xi dispożizzjoni li tkun diskriminatorja sew fiha nnifisha jew fl-effett tagħha, u ħadd ma jiġi trattat b’mod diskriminatorju minn xi persuna li taġixxi bis-saħħa ta’ xi liġi miktuba jew fil-qadi tal-funzjonijiet ta’ xi kariga jew awtorità pubblika minħabba d-diżabilità tagħha. 

Simon Busuttil spjega li l-emenda li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista se ssir fl-artikli 32 u 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. L-għan tal-emenda hu li l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna tħares u tipprojbixxi kull tip ta’ diskriminazzjoni kontra persuni minħabba d-diżabilità tagħhom. Sal-lum, qal Simon Busuttil, il-Kostituzzjoni tiżgura biss li persuni li ma jistgħux jaħdmu jingħataw assistenza soċjali u li persuni b’diżabilità huma intitolati għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali. Kif qiegħda tiġi proposta l-emenda tal-Partit Nazzjonalista, persuni b’diżabilità issa se jkollhom aċċess għad-drittijiet kollha li huma mniżżlin fil-Kostituzzjoni kif ukoll id-dritt ta’ rikors fil-Qorti kontra l-Gvern jekk issir xi forma ta’ diskriminazzjoni kontrihom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li tul is-snin gvernijiet Nazzjonalisti għamlu bidliet kbar fil-liġi ta’ Malta biex tejbu d-drittjiet tal-persuni b’diżabilità. Hu semma bħala eżempji:
(a)      L-Equal Opportunities (Persons with a Disability) Act li ddaħħal fl-2000 u li pprojbixxa d-diskriminazzjoni kontra persuni minħabba d-diżabilità tagħhom;
(b)     Il-Politika dwar l-Edukazzjoni Inklużiva tal-2000 li kkonsolidat l-iżvilupp ta’ pajjiżna favur l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fi skejjel mainstream;
(c)      L-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali tal-2002 li wkoll żied id-drittijiet ta’ ħaddiema b’diżabilità, inkluż id-dritt li jissieħbu f’unjin;
(d)     Proviżjoni ġdida fl-2002 biex persuni b’diżabilità jingħataw l-għajnuna meħtieġa sabiex l-eżamijiet li jagħmlu jkunu jistgħu jagħmluhom fuq level playing field;
(e)      Varjetà ta’ emendi legali fl-2012 biex tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ persuni b’diżabilità; u
(f)      F’Novembru 2012 ġiet ratifikata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Optional Protocol.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din l-emenda għandha twassal għal ħafna bidliet pożittivi għall-ħajja tal-persuni b’diżabilità, inkluż:
(a)      Ir-rikonoxximent tal-lingwa tas-sinjali għall-persuni neqsin mis-smigħ;
(b)     L-introduzzjoni tal-kunċett ta’ trusted friend fil-liġi elettorali;
(c)      Jiġi żgurat aċċess ugwali għall-opportunitajiet;
(d)     Jitnaqqsu l-barriers għall-integrazzjoni soċjali u l-iżvilupp personali ta’ dawn il-persuni;
(e)      Id-dritt li l-informazzjoni tkun aċċessibbli b’mod sħiħ;
(f)      Jiżdiedu r-rappreżentanza u l-konsultazzjoni lil persuni b’diżabilità f’kull fażi tad-diskussjoni u t-tfassil tal-politika;
(g)     Tissaħħaħ l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fil-komunità permezz tal-kunċett ta’ independent living; u
(h)     Jitjiebu l-aċċessibbiltà, it-taħriġ, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali ta’ persuni b’diżabilità.

Simon Busuttil stqarr li din l-emenda Kostituzzjonali hi good news għall-persuni b’diżabilità u għas-soċjetà Maltija kollha kemm hi. B’hekk se nindirizzaw b’mod sħiħ l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità f’kull livell tal-ħajja, u nnaqqsu l-barriers soċjali u ta’ attitudni li jżommu lill-persuni b’diżabilità mill-integrazzjoni sħiħa fis-soċjetà mainstream. B’hekk verament ikollna Malta Aħjar.

Il-Kelliem għax-Xogħol u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Stephen Spiteri sostna li l-introduzzjoni ta’ protezzjoni għal persuni b’diżabilità fil-Kostituzzjoni għandha tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Istat Malti fil-qasam ta’ opportunitajiet indaqs għal persuni b’diżabilità u tkun qiegħda twassal ukoll għal ratifikazzjoni ħafna aktar effettiva tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li ġiet ratifikata sentejn ilu.

Il-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia spjegat li l-emenda li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista ġġib il-ħarsien minn diskriminazzjoni fil-Kostituzzjoni eqreb lejn il-protezzjoni provduta fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din il-protezzjoni tista’ tiġi infurzata mill-Qrati u tagħti l-poter lill-vittmi biex ifittxu rimedju. Hi qalet ukoll li hu mistenni li din l-emenda tkun mezz ta’ rimedju għal vittmi ta’ diskriminazzjoni f’oqsma li llum mhux neċessarjament huma koperti b’xi liġi ordinarja. Dawn l-oqsma l-oħra jinkludu l-qasam tas-saħħa, integrità tal-persuna u ħajja privata.



--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: