5.5.14

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal Malta Aħjar fl-Ewropa.



Għaxar snin ilu, pajjiżna ħa l-pass kruċjali li jsir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Deċiżjoni li bidlet lil Malta għall-aħjar, b’opportunitajiet li qatt ma stajna nakkwistawhom mingħajr is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea. Il-vot tal-24 ta’ Mejju huwa vot ċar bejn min ħadem u qiegħed jaħdem għal Malta Aħjar, u min qiegħed jaħdem għal tal-qalba biss. Għalhekk hu importanti li l-poplu Malti u Għawdxi jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Dan stqarru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika f’Ħal Qormi. 

Twissija ċara dwar il-qgħad

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista elenka l-kuntrast qawwi li ħareġ bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista din il-ġimgħa. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-viżjoni tiegħu biex jinħoloq iktar xogħol f’pajjiżna permezz ta’ investiment fl-ekonomija kreattiva u d-digital gaming, il-Gvern ta’ Muscat kien mehdi jaħdem għal tal-qalba permezz ta’ ħatra oħra għad-Deputat Laburista Silvio Schembri u ħatra għall-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Lino Bianco. 

Simon Busuttil fakkar fl-istatistika ppubblikata mill-aġenzija Eurostat jumejn ilu li tindika li f’sena waħda biss, Gvern Laburista waqqa’ lil pajjiżna żewġ postijiet fil-klassifika Ewropea dwar il-qgħad, mir-raba’ post għas-sitt post. F’sena waħda biss taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Muscat, f’pajjiżna l-qgħad żdied għal kważi 8,000 persuna bla xogħol u minn 4,600 żagħżugħ u żagħżugħa mingħajr xogħol u li mhumiex jitħarrġu jew jistudjaw sena ilu, illum hemm 5,800 żagħżugħ f’din il-pożizzjoni.

Il-Prim Ministru Muscat ma jistax jibqa’ jiknes il-problema tal-qgħad taħt it-tapit, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li fakkar fit-twissija ċara li ta l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker li l-Prim Ministru qiegħed jirriskja li jitlef kontroll tas-sitwazzjoni tal-qgħad. 

Il-Partit Laburista jagħti loqma lin-nies u jħalli l-laħam għal tal-qalba

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-problema tal-qgħad kull ma jmur qiegħda tiżdied, il-Prim Ministru Muscat qed ikompli jagħti karigi bl-addoċċ lin-nies tal-qalba tiegħu u jippretendi li l-poplu jikkuntenta lilu nnifsu b’2 ċenteżmi traħħis fil-petrol bla ċomb. Agħar minn hekk, dawn huma l-istess 2 ċenteżmi li żied hu stess fuq il-petrol bla ċomb xahar ilu biss. 

Simon Busuttil sostna li l-aħbar kbira ta’ Joseph Muscat ma kienet xejn għajr eżerċizzju ta’ ingann fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi qed jippretendi li l-pubbliku jikkuntenta ruħu b’2 ċenteżmi filwaqt li martu ngħatat kuntratt ta’ €13,000, u mhi trendi xejn għal xogħolha. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għas-sejħa ta’ Joseph Muscat għas-“Suldati tal-Azzar”, u sostna li l-Prim Ministru Muscat illum qed jagħmel distinzjoni bejn “Suldati tal-Azzar” u “Suldati tal-Qalba”, bħall-Brigadier Jeffrey Curmi li ħa erba’ promozzjonijiet wara xulxin u qabeż lil min żgur li kien ħaqqu l-kariga aktar minnu, inkluż nies b’opinjonijiet politiċi viċin il-Partit Laburista. 

Diskriminazzjoni fl-għoti tal-mediċini

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza għad-diskriminazzjoni fl-għoti tal-mediċini b’xejn, u spjega li xhur wara li l-media bdiet tirrapporta allegazzjonijiet dwar diskriminazzjoni politika f’dan is-settur, il-Ministru għas-Saħħa jrid lill-poplu Malti u Għawdxi jserraħ rasu għaliex lejlet l-elezzjoni għamel investigazzjoni interna mmexxija mis-Segretarju Permanenti appuntat politikament. 

Simon Busuttil qal li f’sena waħda l-Gvern irnexxielu jdaħħal dubju fl-integrità tas-sistema tal-għoti tal-mediċini b’xejn. Illum anzjana li tmur għand l-Ispiżjar u tingħata l-aħbar li l-mediċini li għandha bżonn jinsabu out-of-stock taf li dan mhuwiex minnu għax il-mediċina tinstab fl-ispiżerija iżda hija riservata għal xi ħadd minn tal-qalba. 

Id-diskriminazzjoni politika fis-settur tas-saħħa hi r-riżultat ta’ Prim Ministru li tilef il-kontroll tas-settur tas-saħħa, u li qatt ma kellu roadmap dwar il-problema tal-mediċini out-of-stock, l-iffullar fl-Isptar Mater Dei u dwar il-waiting lists, qal Simon Busuttil. 

Vot għall-onestà, il-verità u s-serjetà

Simon Busuttil qal li l-vot ta’ nhar l-24 ta’ Mejju għandu jkun messaġġ ċar kontra l-ingann ta’ Joseph Muscat u Gvern Laburista. Għandu jkun vot favur il-prinċipji tal-onestà, il-verità u s-serjetà. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm id-diskors tiegħu billi spjega li din l-elezzjoni hija waħda diffiċli ħafna għall-Partit Nazzjonalista għaliex qed intellqu b’distakk ta’ 36,000 vot. Il-mira ċara tal-Partit Nazzjonalista hija li għall-ewwel niksbu t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. Hekk inkunu nistgħu nkomplu naħdmu għal Malta Aħjar fl-Ewropa. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: