5.5.14

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil Louis Bonnici.



Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-sogħba tiegħu għat-telfa għall-għarrieda ta’ Louis Bonnici, attivist ħabrieki li dejjem fittex li jikkontribwixxi fuq livell lokali b’risq ir-residenti tan-Naxxar, kif ukoll fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista. 

Għal bosta snin Louis Bonnici serva bħala membru tal-Kumitat Sezzjonali tan-Naxxar; fl-aħħar snin kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-istess kumitat. Louis Bonnici kien jemmen bis-sħiħ fis-sehem importanti tal-kumitati sezzjonali fil-lokalità – man-nies u b’risq il-komunità – kif ukoll fl-organi fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista. 

Louis Bonnici ta prova tal-ħidma u l-enerġija tiegħu bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar, bil-kontribut kostruttiv tiegħu fil-Kunsill Ġenerali li aktar kmieni din is-sena rreveda l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll bl-intensjoni tiegħu li jikkontesta biex iservi ta’ rappreżentant tal-Kumitati Sezzjonali fil-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Sena ilu, Louis Bonnici kkontribwixxa wkoll għat-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista billi kkontesta għall-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali.

Fil-lokalità tan-Naxxar, Louis Bonnici kkontribwixxa b’risq il-lokalità u l-komunità Naxxarija bħala Kunsillier Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil Louis Bonnici u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Bonnici f’dan il-mument diffiċli. 

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: