2.5.14

Il-Partit Nazzjonalista favur politika li tgħin u mhux tostakola lis-settur privat



Il-poplu Malti u Għawdxi jistenna li l-Prim Ministru jagħti viżjoni ċara dwar ix-xogħol, u liema inizjattivi se jieħu biex jattira niċeċ ġodda ta’ investiment lejn pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem saħaq dwar l-importanza ta’ diversifikazzjoni u skemi li jattiraw u jżidu l-investiment, u b’hekk joħolqu l-postijiet tax-xogħol, u se jkompli jagħti l-impenn sħiħ tiegħu mill-Oppożizzjoni biex jiżgura li pajjiżna jkompli joħloq ix-xogħol għal Malta Aħjar.

Dan stqarru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel lill-kumpanija PricewaterhouseCoopers dalgħodu. Hu ġie akkumpanjat mill-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittività Kristy Debono u mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton u Jonathan Shaw. Hu ġie milqugħ mis-Senior Partner tal-kumpanija Kevin Valenzia u s-Senior Manager Attilio Suda. 

Simon Busuttil spjega li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen f’politika li tinċentiva lin-negozji u lis-settur privat. Hu sostna li r-rwol tal-Gvern għandu jkun li jneħħi kull ostakolu biex in-negozji jkunu jistgħu jimirħu u jinvestu biex joħolqu l-postijiet tax-xogħol. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li bħalma għoxrin sena ilu pajjiżna ħa l-pass kuraġġjuż li jinvesti fis-servizzi finanzjarji, issa jmiss ukoll li pajjiżna jinvesti f’niċeċ ġodda u emerġenti bħall-ekonomija kreattiva u diġitali. Hu semma d-differenza li għamlet sħubija fl-Unjoni Ewropea biex pajjiżna setgħet tattira l-investiment, inkluż permezz tad-dħul ta’ pajjiżna fiż-żona Ewro. 

Il-Gvern Laburista għandu jinvesti f’niċeċ ġodda

Simon Busuttil sostna li l-Gvern għandu jidentifika niċeċ ġodda li fihom pajjiżna jista’ jinvesti u li fihom aħna kompetittivi. Fl-istess waqt, irridu nsaħħu u nżommu kompetittivi setturi li pajjiżna diġà għandu vantaġġ kompetittiv fihom. Huwa spjega bħala eżempju li fi tmiem il-leġiżlatura li għaddiet kien twaqqaf think tank biex jiddiskuti l-futur tas-servizzi finanzjarji. “Ikun tajjeb li l-Gvern jgħidilna jekk dan il-grupp għadux qed jitlaqqa’ u jekk għamilx xi rakkomandazzjonijiet. Dan fid-dawl tal-kuntest usa tal-ħtieġa li pajjiżna jkollu viżjoni li tassew toħloq ix-xogħol,” tenna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li s-suċċess fl-oqsma li żviluppa pajjiżna kien ir-riżultat ta’ viżjoni dwar ix-xogħol u l-bżulija tal-ħaddiem Malti. “Fost l-inizjattiva li ħadet Malta fl-iżvilupp ta’ servizzi professjonali wieħed jista’ jsemmi leġislazzjoni effettiva u proattiva, inkluż il-fatt li pajjiżna dejjem kien minn tal-ewwel li jadotta leġislazzjoni Ewropea. Malta ħadet l-inizjattiva u fittxet niċeċ ġodda li setgħu jiġu żviluppati, bħas-settur tal-ġestjoni tal-pensjonijiet, il-ġestjoni ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni, u oħrajn, u b’hekk ġie attirat negozju ġdid. Sar investiment ukoll f’network ta’ telekomunikazzjoni sofistikat, f’aktar rotot tal-ajru lejn u barra minn Malta, iżda fuq kollox, f’workforce professjonali u mill-aktar kwalifikata,” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li huwa f’dan id-dawl li matul is-sena li għaddiet il-Partit Nazzjonalista talab konsistentement li l-Gvern joħloq strateġija dwar ix-xogħol u jispjega l-viżjoni tiegħu dwar dan il-qasam. “Dan għamilnih sa mill-ewwel ġimgħat ta’ din il-leġiżlatura meta fil-Parlament, fid-diskors tal-ftuħ tal-leġiżlatura mill-President, ressaqna emenda li titlob li l-Gvern jippubblika strateġija dwar ix-xogħol. Dan għamilnih għax irridu naħdmu flimkien għal xogħol aħjar, għal aktar opportunitajiet. Il-qasam tax-xogħol m’għandux ikun ballun politiku imma għandu jkun qasam li naħdmu għalih flimkien għal Malta Aħjar.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li sfortunatament, sa din il-ġimgħa stess, l-NSO kkonfermat li anke matul ix-xahar ta’ Marzu 2014, Malta reġgħet irreġistrat żieda fil-qgħad meta mqabbel ma’ Marzu 2013. Hu stqarr li huwa pass pożittiv, għalkemm tard ħafna, li l-Gvern fl-aħħar stqarr li beħsiebu jippubblika strateġija dwar ix-xogħol. “Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jħares ’il quddiem: il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem kellu track record tajjeb ta’ ħolqien tax-xogħol – għalhekk nixtiequ li nagħtu l-impenn tagħna biex pajjiżna jinverti r-rotta negattiva li qbadna f’dan is-settur,” temm jgħid Simon Busuttil.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: