2.5.14

Il-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker se jżur lil Malta



Il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker se jżur lil Malta għada bħala parti mill-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Jean-Claude Juncker mistenni jiltaqa’ mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Matul il-ġurnata Jean-Claude Juncker se jindirizza konferenza stampa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u se jagħmel intervent waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista ġewwa Ħ’Attard.

Għall-ewwel darba, ir-riżultat miksub fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jkollu impatt dirett fuq l-għażla ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea, rwol important li jħalli impatt dirett fuq Malta. Jean-Claude Juncker iġib miegħu esperjenza vasta fil-politika Ewropea. Juncker serva bħala Prim Ministru tal-Lussemburgu għal kważi 19-il sena u kien l-aktar mexxej ta’ Gvern li dam jattendi l-Kunsill Ewropew. Bħala mexxej ta’ pajjiż żgħir bħal Malta, Juncker bena relazzjoni eċċellenti ma’ pajjiżna fis-snin li għaddew. L-islogan elettorali li qed juża Jean-Claude Juncker għall-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea hu “Esperjenza, Solidarjetà, Futur”.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: