5.5.14

Il-Kabinett ta’ Muscat se jiswa lit-taxpayer €100 miljun f'ħames snin, €8.5 miljun iktar fis-sena.



Aktar minn sena wara l-elezzjoni ġenerali, pajjiżna għandu Gvern li qed jonfoq aktar f’Kabinett akbar. Għall-Kabinett ta’ Muscat, il-poplu Malti u Għawdxi qiegħed iħallas €8.5 miljun aktar fis-sena milli kien jintefaq fl-aħħar Amministrazzjoni taħt Gvern Nazzjonalista. Din hija prova ċara li l-Partit Laburista fil-Gvern kiser il-wegħda li għamel mal-poplu qabel l-elezzjoni li għaddiet li kien se jmexxi l-finanzi tal-pajjiż b’għaqal u b'responsabbiltà. Fl-ewwel sena tiegħu fil-Gvern, Joseph Muscat ħaseb għalih innifsu u ta’ madwaru biss u mhux għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dan sostnieh il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Belt Valletta. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli u mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton u Norman Vella. 

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li qabel l-elezzjoni, Joseph Muscat wiegħed lill-poplu li se jagħmel ħafna aktar b’ħafna inqas flus. Iżda ġaladarba ġie elett, il-Prim Ministru Muscat ħadem għal tal-qalba biss filwaqt li kien xħiħ mal-kumplament tal-poplu. 

Beppe Fenech Adami fakkar kif il-Gvern Laburista qed jitmexxa minn Kabinett li hu 65% ikbar minn dak li kellu l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar leġiżlatura. Din iż-żieda fissret nefqa akbar għat-taxpayer Malti bi flus li setgħu jintużaw għal ħafna affarijiet iktar utli. Bl-istess ammont ta’ flus, il-Gvern seta’ jimpjega 532 infermiera ġodda biex inaqqas l-istress u jsolvi l-problema ta’ burnout li hi ta’ tħassib kbir fis-settur tas-saħħa. Il-Gvern seta’ juża dawk il-flus ukoll biex jimpjega 444 għalliema ġodda u 570 Learning Support Assistants ġodda għall-istudenti b’diffikultajiet fit-tagħlim. 

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit fakkar li filwaqt li Joseph Muscat qed juża l-enerġija sħiħa tiegħu fuq tal-qalba, mhu jiddejjaq xejn ikun xħiħ mal-poplu f’setturi ta’ importanza strateġika nazzjonali bħalma huma s-servizz tas-saħħa. Sal-lum il-Gvern m’għandu l-ebda roadmap fuq il-problema tal-mediċini out-of-stock u l-iffullar fl-Isptar Mater Dei, problemi li kibru minn mindu ġie elett Joseph Muscat bħala Prim Ministru. Dan kollu jikkuntrasta ħafna mal-wegħda li għamel Joseph Muscat li se joħloq Gvern li jkun Tagħna Lkoll. Minflok Muscat ħoloq Gvern li hu tal-qalba biss. 

Min-naħa tagħha, Marthese Portelli tat spjegazzjoni dettaljata dwar kif il-Partit Nazzjonalista wasal għall-konklużjonijiet tiegħu dwar il-costings tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Hi spjegat li l-Kabinett fl-Amministrazzjoni preċedenti kien jiswa lit-taxpayer €11,605,294 fis-sena filwaqt li l-Kabinett ta’ Muscat jiswa lit-taxpayer €20,118,604. Fuq medda ta’ ħames snin, l-Amministrazzjoni preċedenti swiet lit-taxpayer €58,026,470 filwaqt li l-Gvern ta’ Muscat se jiswa lit-taxpayer €100,593,020. Dan ifisser li Gvern Laburista qed jonfoq 74% aktar sabiex ikollu Kabinett enormi u biex Joseph Muscat jixtri l-paċi fost id-Deputati tiegħu. 

Marthese Portelli tenniet li l-figura ta’ €100 miljun għall-Kabinett ta’ Muscat ma jinkludix numru ta’ spejjeż oħra, fosthom il-konsulenti kollha li l-Gvern daħħal fis-Segretarjati, bħad-Deputat Laburista Silvio Schembri li sar konsulent fil-Ministeru għall-Ekonomija u l-Investment, kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer u Miriam Dalli, li t-tnejn ingħataw konsulenzi fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali u l-Ministeru għall-Enerġija rispettivament. Dan jikkonferma għal darb’oħra kemm il-Gvern ta’ Muscat hu Gvern tal-qalba biss, temmet tgħid Marthese Portelli.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: