5.5.14

Il-Eurostat tikkonferma li l-qgħad qed jiżdied.


Taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, Malta waqgħet żewġ postijiet fir-rata tal-qgħad fl-Ewropa

Minkejja li Joseph Muscat baqa’ jgħaddas rasu fir-ramel għal 14-il xahar sħaħ, in-numru ta’ persuni li jinsabu mingħajr xogħol f’pajjiżna kompla jikber fl-aħħar xhur, hekk kif ikkonfermat mill-aġenzija Eurostat fi stqarrija ppubblikata llum. Filwaqt li sena ilu, il-Prim Ministru Muscat wiret pajjiż bir-raba’ l-aktar rata baxxa ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, l-istatistika ppubblikata mill-Eurostat illum tikkonferma li Malta waqgħet lura b’żewġ postijiet, biex issa tinsab fis-sitt post bl-istess perċentwal tar-Renju Unit (6.8%).

L-istatistika ppubblikata llum mill-Eurostat tirrappreżenta żieda fil-qgħad meta mqabbla mas-6.4% li rreġistra pajjiżna fl-istess xahar is-sena li għaddiet. Fl-istess perjodu, il-qgħad fl-Unjoni Ewropea naqas. Din hi konferma ċara li ż-żieda fil-qgħad f’pajjiżna mhi marbuta ma’ ebda ċirkostanza internazzjonali.

Filwaqt li hu diżappuntanti li l-Gvern Laburista ħela 14-il xahar biex joħroġ bi strateġija fil-qasam tax-xogħol, il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-fatt li fl-aħħar illum ġie ppubblikat dokument li jista’ jiftaħ diskussjoni dwar ix-xogħol f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jawgura li dan id-dokument ta’ politika jqajjem diskussjoni fil-pajjiż sabiex flimkien infasslu t-triq ’il quddiem għal xogħol aħjar, bis-sehem sħiħ tal-imsieħba soċjali. 

Madankollu, dak li ppreżenta llum il-Prim Ministru Muscat mhuwiex pjan ekonomiku għall-ħolqien ta’ impjiegi f’setturi ġodda kif hemm bżonn. Il-Prim Ministru hu mistenni jsib soluzzjonijiet minnufih għat-8,000 persuna li jinsabu mingħajr xogħol u li jixtiequ jaħdmu u mhux biss għall-ħbieb tal-qalba ta’ Muscat. Dan biex kif ma għeriqniex fl-agħar maltemp, pajjiżna issa ma jegħriqx fil-bnazzi.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: