2.5.14

DISKORS TAL-KAP TAL-OPPOŻIZZJONI SIMON BUSUTTIL F’KONFERENZA FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IL-ĦADDIEM ORGANIZZATA MILL-FOR.U.M. UNIONS MALTIN


Il-Belt Valletta, l-Erbgħa, 30 ta’ April 2014

Prim Ministru,
President Pace,
Rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili,

Għada pajjiżna se jiċċelebra żewġ affarijiet li huma ta’ ċentrali għas-soċjetà tagħna, għalina. 

Se niċċelebraw “il-ħaddiem” bħala l-pedament tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna. U se niċċelebraw l-għaxar anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Għaxar snin ta’ Malta aħjar fl-Ewropa.

Se niċċelebraw żewġ ħwejjeġ li huma intrinsikament marbutin ma’ xulxin u mal-identità tagħna. 

Huma marbutin ma’ xulxin għaliex l-Unjoni Ewropea fetħet orizzonti bla preċedent biex il-ħaddiem Malti jespandi l-orizzonti u jesplora opportunitajiet kbar barra minn xtutna. Uliedna nfetħulhom il-bibien beraħ għall-istudju u esperjenzi ta’ kulturi differenti, ta’ worldview li hu fih innifsu inkubutur għall-ideat u l-innovazzjoni. U għall-imprenditur u negozjant Malti, infetħu swieq ġodda, fondi biex isir investiment u taħriġ, u friegħi ta’ innovazzjoni ġodda. 

F’dan kollu dejjem baqa’ ċentrali l-ħaddiem. Il-ħaddiem li f’xogħlu jsib iċ-ċavetta sabiex jassigura li uliedu ma jkun jonqoshom xejn. Li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-aspirazzjonijiet ta’ familtu. Li wkoll jieħu s-sodisfazzjon li jara prodott magħġun bl-enerġija u bil-kreattività tiegħu. 

M’hemmx dubju li pajjiżna kien kapaċi jisfrutta l-opportunitajiet kbar li ġew quddiemu mal-medda taż-żmien għal raġuni waħda: il-bżulija, il-kompetenza u l-adattabilità tal-ħaddiem Malti. 

Dan joħroġ bl-aktar mod ċar fir-rivoluzzjoni li għadda minnu pajjiżna matul dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena. F’dan il-perjodu, pajjiżna nbidel minn ekonomija magħluqa, protetta u mfassla fuq il-protezzjoni tas-suq u kummerċ għal waħda b’suq miftuħ b’kompetizzjoni interna u internazzjonali. 

B’wiċċi minn quddiem ngħid li mmexxi partit politiku li dejjem kellu viżjoni dwar l-ekonomija u x-xogħol għal pajjiżna. Kien jaf fejn irid jasal, u minn kmieni għaraf is-sinjali taż-żminijiet u flimkien mal-imsieħba soċjali żviluppa setturi kompletament ġodda li pajjiżna seta’ jimraħ fihom: is-servizzi finanzjarji, il-farmaċewtika, it-teknoloġija tal-informazzjoni, it-turiżmu edukattiv, high value-added manufacturing, il-manutenzjoni tal-ajruplani, u oħrajn.

Il-bżulija, il-kompetenza u l-adattabilità tal-ħaddiem Malti għamilha possibbli biex pajjiżna avvanza u żviluppa setturi u postijiet tax-xogħol ġodda. U kulmeta affaċċjajna diffikultajiet, bħalma ġara fis-settur tal-manifattura u t-tessuti, il-ħaddiem Malti tħarreġ u żviluppa ħiliet ġodda biex seta’ jisfrutta l-opportunitajiet tas-settur ġodda li nħolqu. 

Illum, nistgħu nħarsu lura b’sodisfazzjon lejn ħamsa u għoxrin sena li fihom, b’għaqal u b’direzzjoni ċara, il-ħaddiema Maltin mhux biss ħatfu l-opportunitajiet ġodda li sabu iżda kisbu wkoll drittijiet u kundizzjonijiet aħjar filwaqt li kompliet titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan stajna nagħmluh bħala pajjiż għaliex flimkien mat-tibdil li seħħ fl-ekonomija tagħna, gvernijiet suċċessivi żviluppaw ukoll pjattaforma b’saħħitha għad-djalogu soċjali kostruttiv. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem ngħataw rwol bħala imsieħba sħaħ fit-tfassil tal-politika ekonomika u industrijali tal-pajjiż. Fost l-aktar passi importanti kienu t-twaqqif tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali fl-2001 u d-dħul ta’ Kapitlu 452 dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali fl-2002, leġiżlazzjoni komprensiva li daħlet fis-seħħ wara konsultazzjoni estensiva u b’kunsens mal-imsieħba soċjali. 

Sinjuri,

Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel kuljum. L-uniku mezz sabiex pajjiżna jkompli jiżviluppa u jisfrutta l-opportunitajiet li jeżistu hu billi nkomplu nfasslu t-triq ’il quddiem flimkien. Hemm żewġ aspetti li jiena nqis li huma fundamentali f’dan il-qasam. 

L-ewwelnett, inħoss li f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili setgħu jiġu kkonsultati ħafna iktar fuq materji ta’ importanza strateġika nazzjonali. Mingħajr dubju, il-ħtieġa li ningħaqdu flimkien u nfasslu l-viżjoni dwar ix-xogħol għas-snin li ġejjin għandu jkun fuq nett tal-aġenda tad-diskussjoni. 

Il-Partit Nazzjonalista diġà esprima ruħu diversi drabi dwar din il-ħtieġa. Is-sinjali qegħdin hemm għal kulħadd: kważi 8,000 persuni mingħajr xogħol, żieda ta’ 4% fin-nies li jinsabu mingħajr xogħol u li għandhom aktar minn 45 sena, u żieda ta’ 22% fin-numru ta’ nies li ilhom ifittxu job mingħajr success għal aktar minn sena. Fuq kollox, żieda ta’ 1,200 żagħżugħ u żagħżugħa (minn 4,600 għal 5,800) li mhumiex jaħdmu, jitħarrġu jew jistudjaw. 

Is-soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi nistgħu negħlbuhom flimkien madwar il-medja tad-diskussjoni. Intom l-imsieħba soċjali tlabtu diversi drabi li tagħtu s-sehem tagħkom fit-tfassil ta’ strateġija dwar ix-xogħol. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri l-impenn sħiħ tiegħu biex infasslu strateġija dwar ix-xogħol. Din il-ġimgħa stess ipproponejna wkoll settur li l-Gvern jista’ jiżviluppa, dak tal-ekonomija kreattiva u d-digital gaming. Dan għaliex verament nixtiequ nikkontribwixxu għal Malta Aħjar. 

It-tieni aspett li nqis bħala fundamentali huwa dak tar-rispett reċiproku u t-titjib tar-relazzjonijiet industrijali. Hu ta’ tħassib għalija li f’numru ta’ setturi ta’ importanza strateġika għall-pajjiż, bħas-saħħa u l-edukazzjoni, għadna nisimgħu b’deċiżjonijiet li jittieħdu mingħajr konsultazzjoni u kważi b’antagoniżmu mal-unjins li jirrappreżentaw ’il-ħaddiema. Dan m’għandux ikun aċċettabbli f’soċjetà moderna. 

Jista’ jkun ukoll li l-liġi li tirregola x-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali għandha tiġi aġġornata biex tikkumplimenta l-iżviluppi rapidi li qegħdin iseħħu fid-dinja tax-xogħol u li tkun kapaċi tħoll fl-iqsar żmien possibbli kull inkwiet industrijali li jista’ jinqala’. 

Il-ħtieġa ta’ viżjoni dwar ix-xogħol u l-armonija industrijali huma kruċjali għaliex l-isfidi li għandna quddiemna biex intejbu d-drittijiet tal-ħaddiema huma kbar. Nixtieq insemmi tliet oqsma li nqis li huma ta’ importanza speċifiku f’dan iż-żmien.

L-ewwel, mingħajr dubju, huwa l-ħtieġa li inkomplu naħdmu flimkien biex niżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan aktar u aktar f’dinja tax-xogħol li kull ma jmur qiegħda ssir aktar esiġenti u stressanti fuq il-ħaddiema. F’dan il-kuntest, nilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern li jintroduċi childcare bla ħlas għall-ħaddiema. Nemmen ukoll li għandha ssir aktar ħidma fuq miżuri li nbdew minn gvernijiet precedent li jappoġġjaw il-flessibbiltà, inkluż permezz ta’ flexiplace u teleworking

It-tieni qasam huwa l-pjaga tax-xogħol prekarju, pjaga li għadha magħna sal-lum u rrid ngħid ukoll sfortunatament minn ċertu kuntratti li qegħdin joħorġu mill-Gvern. Din l-issue ngħatat importanza kbira fil-leġiżlatura preċedenti u sar ħafna xogħol sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema permezz ta’ 35 regolament ġdid, inkluż:

-        Ħaddiema part-time ingħataw id-dritt għal vacation u sick leave pro-rata;
-        Żieda fl-adoption leave għal 16-il ġimgħa;
-        Żieda fil-maternity leave għal 18-il ġimgħa;
-        Protezzjoni tan-nisa waqt it-tqala mill-aspett tal-overtime sa sena mit-twelid tat-tarbija; u
-        Kriterji li permezz tagħhom persuna għandha tiġi reġistrata bħala ħaddiema u mhux bħala self-employed.

Illum, hu ċar li l-problema tax-xogħol prekarju għadu sinifikanti u jeħtieġ li nkomplu niżviluppaw miżuri sabiex nindirizzaw dan l-abbuż. L-ewwel ma għandu jagħti l-eżempju hu l-Gvern. Minkejja li għaddiet aktar minn sena mill-ftuħ tal-leġiżlatura, għadhom joħorġu kuntratti ta’ servizz fis-settur pubbliku li huma għal perjodu qasir u saħansitra fejn l-offerti li jitpoġġew ikunu inqas milli meħtieġ biex ikopru l-paga minima nazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista se jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu biex niżviluppaw aktar għodda biex niġġieldu x-xogħol prekarju. Primarjament, is-settur pubbliku għandu jaħsibha darbtejn li jagħti kuntratti ta’ xogħol għal perjodi ta’ ftit xhur meta s-servizzi meħtieġ hu wieħed ta’ natura aktar permanenti. Il-Gvern għandu jiżgura wkoll li s-salarju mogħti fil-kuntratti jkun kumparabbli ma’ dak li jingħata lil ħaddiema oħra fis-servizz pubbliku li jagħmlu l-istess xogħol. 

It-tielet u l-aħħar aspett ta’ importanza għat-titjib fid-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema hu l-għoti ta’ aktar opportunitajiet ta’ taħriġ kontinwu għall-ħaddiema. Hu permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin jistgħu jkomplu jadattaw irwieħhom għall-bidliet li qegħdin iseħħu fid-dinja tax-xogħol. Il-Gvern jista’ jintroduċi firxa wiesa’ ħafna ta’ skemi ta’ taħriġ, flimkien mal-istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna, biex jinċentiva t-taħriġ. Porzjon qawwi mill-€1,128 miljun f’fondi li ksibna mill-Unjoni Ewropea għandhom jiġu allokati għal dan il-għan.  

Sinjuri,

Hu sabiħ li f’pajjiżna, int min int, ġej minn fejn ġej, temmen x’temmen, ilkoll naqblu li l-aktar aspett fundamentali għall-iżvilupp tagħna u tas-soċjetà li ngħixu fiha hu d-dritt għax-xogħol u d-dritt għal xogħol b’kundizzjonijiet tajbin. 

Il-Partit Nazzjonalista jixtieq ikompli jiżviluppa dan id-djalogu mal-imsieħba soċjali biex jiżviluppa politika li hi aġġornata u riflessjoni ta’ dak li qiegħed jiġri fuq il-post tax-xogħol. Jixtieq ukoll jagħti s-sehem tiegħu sabiex jiżgura li pajjiżna għandu viżjoni dwar ix-xogħol, għax ix-xogħol m’għandux ikollu kulur politiku u għandu jkun għal kulħadd. 

Dan huwa l-viżjoni tagħna għal xogħol aħjar. Għal Malta Aħjar.

Grazzi.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: