21.4.14

Telf enormi għat-taxpayer mit-trasport pubbliku tal-Gvern




It-telf straordinarju li l-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport għamlet fl-ewwel tliet xhur li fihom it-trasport pubbliku kien f'idejn il-Gvern hu ta’ inkwiet kbir għal kull min iħallas it-taxxi.

Dan it-telf ammonta għal €7 miljun fi tliet xhur biss. Dan ifisser li, fi tliet xhur biss, il-Gvern ġiegħel lit-taxpayer Malti jħallas daqskemm kien iħallas qabel f’sena sħiħa sussidju lill-kumpanija Arriva.

Din hija sitwazzjoni inaċċettabbli minn Gvern li ftaħar li qiegħed imexxi t-trasport pubbliku aħjar mill-kumpanija Arriva u li kien jiddeskrivi s-servizz tal-Arriva bħala “diżastru”. Issa ħierġa l-verità tat-tmexxija tassew diżastruża tal-Gvern fit-trasport pubbliku f'dawn it-tliet xhur. Minħabba din it-tmexxija ħażina tal-Gvern, il-Gvern Laburista tellef lil kull min iħallas it-taxxi €7 miljun fi tliet xhur waqt li s-servizz mar lura.

Il-Gvern neħħa s-servizz ta’ billejl fi tmiem il-ġimgħa, numru ta' rotot tneħħewlhom l-aħħar karozzi tal-11:00pm, u numru ta' rotot qegħdin jaħdmu b’karozzi li ħafna anzjani, persuni b'diżabilità u nisa bit-tfal ma jistgħux jużawhom.

Barra minn dan, l-interess li l-Ministru Joe Mizzi kien sostna li kien hemm fil-kuntratt tat-trasport pubbliku ma rriżultax. Tliet kumpaniji biss urew interess fis-servizz tat-trasport pubbliku u mnalla wrew l-interess tagħhom żewġ kumpaniji Maltin għax kieku l-Gvern ma kien ikollu l-ebda għażla ħlief li joqgħod għall-kundizzjonijiet ta’ kumpanija waħda.

In-nuqqas ta’ interess juri li l-Gvern qed jirnexxilu jgerrex l-investiment barrani. Dan jirriżulta mill-fatt li diversi kumpaniji privati barranin irtiraw l-interess tagħhom u kkummentaw pubblikament li l-Gvern gerrixhom bil-ħabi u l-indħil li huma ta’ theddida għall-investiment.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura li l-Gvern ma jibqax jitfa’ fuq min iħallas it-taxxi l-piżijiet enormi li tefa’ f'dawn l-ewwel tliet xhur li fihom ħaddem it-trasport pubbliku u li jtejjeb is-servizz li mar lura f'dawn it-tliet xhur li fihom ħaddmu l-Gvern.

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: