21.4.14

PN Stqarrija - Il-Gvern Laburista qed jinjora s-settur tal-ambjent.



F’intervista ppubblikata fil-ħarġa tal-bieraħ ta’ The Sunday Times of Malta, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat stqarr li l-Ministeru tiegħu ma ġiex ikkonsultat fir-reviżjoni tal-politika dwar iż-żoni barra l-iżvilupp (ODZ) li se jkollha impatt ambjentali sostanzjali.

Din l-ammissjoni ta' Leo Brincat toħroġ fil-beraħ il-mod kif se jiġi mwarrab is-settur tal-ambjent, għaliex hekk kif ġie injorat il-Ministru f'dan l-istadju, aħseb u ara kif ser tiġi mwarrba l-awtorità tal-ambjent il-ġdida. Tikkonferma wkoll dak li qalet l-Oppożizzjoni l-ġimgħa li għaddiet, li fis-separazzjoni tal-MEPA l-ambjent se jiġi relagat għat-tieni diviżjoni.

L-Oppożizzjoni tistaqsi: jaqaw il-Ministru Brincat lanqas fuq din ir-riforma ma ġie konsultat? X’beħsiebu jagħmel biex jassigura li la hu, la l-Ministeru tiegħu u lanqas l-awtorità li se titwaqqaf ma jispiċċaw f’pożizzjoni li kull darba li jsir abbuż ambjentali jispiċċaw biss jew jiċċassaw jew l-aktar l-aktar jipprotestaw wara li tkun saret il-ħsara?

Min naħa tagħha l-Oppożizzjoni ressqet numru ta' proposti dwar il-policy tal-ODZ fil-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u l-Ippjanar intenzjonati biex filwaqt li jitħares l-ambjent tiġi ffaċilitata l-ħajja tal-bidwi u r-raħħal ġenwin Malti. Fost dawn il-proposti, kien hemm li serer b'għoli ta' iktar minn 2 metri ma jkunux jeħtieġu applikazzjoni sħiħa ta' żvilupp, filwaqt li appoġġjat iż-żieda fid-daqs tal-kmamar tal-ħażna hekk kif il-ħtigijiet tal-bidwi nbiddlu mas-snin.


--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: