7.4.14

PN Stqarrija - Avviż Legali li jagħti poteri perikolużi lill-Ministru tal-Edukazzjoni



L-Avviż Legali li introduċa l-Ministru għall-Edukazzjoni bil-moħbi ta’ kulħadd, li permezz tiegħu l-Ministru issa se jkollu l-poter jitlob data personali dwar studenti mill-iktar età bikrija sakemm joħorġu mis-sistema edukattiva, u tal-qraba tagħhom, huwa perikoluż u jhedded il-privatezza u d-dinjità tal-istudenti Maltin u Għawdxin. Il-Gvern Laburista qed jaġixxi ta’ Big Brother u jaħżen data li m’għandux ikollu aċċess għaliha. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta mozzjoni biex jiġi revokat dan l-Avviż Legali. 

Dan qalu l-Kelliem għall-Edukazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Joe Cassar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament flimkien mal-Kelliema għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg u l-Kelliema għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur Paula Mifsud Bonnici, li fih ippreżenta mozzjoni lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex ikun revokat dan l-Avviż Legali.

Il-Kelliem għall-Edukazzjoni spjega kif huwa inaċċettabbli li informazzjoni li suppost tintuża għar-riċerka issa għandu aċċess għaliha l-Ministru flimkien ma’ informazzjoni personali u dettaljata fuq persuni privati. Fil-fatt, l-Avviż Legali jitlob li jinġabar ukoll in-numru tal-karta tal-identità ta’ kull student u studenta, meta informazzjoni bħal din ma sservi l-ebda skop għal finijiet ta’ riċerka.

Dr Joe Cassar qal ukoll li mhux minnu li l-Avviż Legali għandu l-approvazzjoni tal-eks Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Privatezza tad-Data Joe Ebejer.

Il-Kelliema għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg qalet li l-Oppożizzjoni taqbel li l-iskema tal-JOBS+ tissaħħaħ u titwessa’, iżda dan ma jfissirx li l-Ministru għandu jingħata aċċess għal data daqstant sensittiva. Hija kompliet li mhux talli li din l-informazzjoni mhix se tkun mitluba mingħand il-ġenituri ta’ dawn l-istudenti, talli skont l-Avviż Legali, jekk l-iskejjel ma jaċċettawx li jagħtu l-informazzjoni kollha, huma jkunu qed jiksru l-liġi.

Il-Kelliema għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur Paula Mifsud Bonnici  qalet li għall-kuntrarju ta' dak li qed jipprova jgħid il-Gvern – jiġifieri li l-Gvern diġà ġab l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa – bħalissa lanqas biss jeżisti Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Privatezza tad-Data, hekk kif il-persuna li kienet tokkupa din il-kariga sa ftit żmien ilu, illum m’għadhiex hemm. Dan ifisser li mhux minnu li l-eks Kummissarju ra jew studja l-Avviż Legali, u għalhekk lanqas huwa minnu li l-istess eks Kummissarju seta’ qatt approva dan l-Avviż Legali.

Huwa għalhekk li l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din l-approvazzjoni li l-Gvern qed jgħid li għandu, sabiex toħroġ il-verità kollha dwar din il-kwistjoni, u jieqaf dan l-aġir irresponsabbli tal-Gvern lil-ewwel jagħmel ta’ rasu, imbagħad jipprova jiġġustifika s-sitwazzjoni b’nofs veritajiet jew tgħawwiġ tal-fatti.


--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: