29.4.14

Opportunitajiet kbar għal pajjiżna fl-ekonomija kreattiva u d-digital gaming.



Il-Partit Nazzjonalista dejjem poġġa l-qasam tax-xogħol fuq nett tal-aġenda tiegħu. Dan għax emmen li pajjiżna jista’ jagħmel l-ikbar suċċess jekk ikollu viżjoni konkreta dwar ix-xogħol li tinkludi d-diversifikazzjoni tal-ekonomija u l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda. Sfortunatament, sena wara l-elezzjoni ta’ Joseph Muscat, Gvern Laburista għadu ma żviluppax viżjoni dwar ix-xogħol, u dan qiegħed iħalli impatt negattiv fuq iż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jagħti s-sehem tiegħu biex jgħin fl-iżvilupp ta’ Malta Aħjar, u għalhekk qiegħed jipproponi setturi li fihom Malta tista’ tiżviluppa niċeċ ġodda ta’ tkabbir, fosthom l-ekonomija kreattiva u d-digital gaming.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma Parlamentari Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem Safi Aviation Park, li huwa hub għal wieħed min-niċeċ kompletament ġodda li żviluppa Gvern Nazzjonalista fis-snin li għaddew. Mario de Marco kien akkumpanjat mill-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia. 

Mario de Marco spjega li l-Partit Nazzjonalista dejjem ta daqstant importanza lix-xogħol għal żewġ raġunijiet importanti. L-ewwelnett għaliex dejjem emmen li x-xogħol hu ċ-ċavetta biex il-familji jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar, li fiha nfisha tħalli impatt fuq il-bejgħ fil-ħwienet. It-tieni raġuni hija li viżjoni dwar ix-xogħol fiha nfisha timmotiva liż-żgħażagħ biex joħolmu u jiżviluppaw it-talenti tagħhom fl-oqsma ġodda li qed jiġu kkreati. Matul is-sena li għaddiet, żdiedu għal 5,800 l-ammont ta’ żgħażagħ li mhumiex jaħdmu, jitħarrġu jew jistudjaw, żieda ta’ 1,200 fuq is-sena ta' qabel. Din iċ-ċifra hija inkwetanti għax tfisser li 1,200 żagħżugħ u żagħżugħa oħra din is-sena ma ġewx motivati sabiex jaħdmu, jitħarrġu u jistudjaw. Hu ċar li mhux qed issir biżżejjed ħidma biex jiġu motivati u l-privat li qed joffri l-Gvern permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ żgur li mhuwiex biżżejjed biex nilħqu l-għan li nimmotivaw liż-żgħażagħ. 

Mario de Marco stqarr li hija sfortuna li l-Gvern mhux qiegħed jagħmel biżżejjed biex jidentifika u jisfrutta niċeċ ġodda. Hu qal bħala Oppożizzjoni kostruttiva, il-Partit Nazzjonalista jixtieq jipproponi oqsma li pajjiżna għandu potenzjal fihom u li għandu jinvesti fihom biex joħloq ix-xogħol. Ewlenin fosthom hi l-ekonomija kreattiva, settur li qed toħloq xogħol għal madwar 7,500 ħaddiem fi 3,600 intrapriżi żgħar u self-employed u li dwarha s-sena li għaddiet Gvern Nazzjonalista kien ippubblika strateġija estensiva. Fl-14-il xahar li ilu fil-Gvern, Joseph Muscat għadu ma għamel xejn dwar dan is-settur.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma Parlamentari sostna li wieħed min-niċeċ tal-ekonomija kreattiva li pajjiżna għandu potenzjal enormi fiha hija l-qasam tad-digital gaming, jiġifieri l-ħolqien ta’ console games bħall-XBOX u Wii, kif ukoll mobile, tablet u PC. Dan huwa settur li inkorpora figura globali ta’ €93 biljun fl-2013, erba’ darbiet ikbar milli kien fl-2005 u d-doppju tal-2010. Is-sabiħ ta’ dan is-settur f’Malta hu li jsib appoġġ totali mis-settur tal-IT li hu diġà b’saħħtu ferm hawn Malta. B’hekk l-aspett kreattiv tad-digital gaming isib appoġġ totali minn aktar minn 200 intrapriża li jinkludu expertise tekniku, analytics, data mining u speċjalizzazzjonijiet oħra.

Mario de Marco qal li biex verament nieħdu vantaġġ mill-potenzjal enormi li jeżisti f’dan is-settur, jeħtieġ li ninvestu aktar sabiex nattiraw investiment, ninkoraġixxu l-istart-ups u l-innovazzjoni, u nagħtu t-taħriġ neċessarju liż-żgħażagħ. Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern diġà witta t-triq f’dan il-qasam permezz ta’ korsijiet fl-MCAST u l-bini ta’ studjo state-of-the-art ġewwa l-MCAST għal dan il-għan. Però dan is-settur għadu wieħed fl-infanzija tiegħu u hi ħasra li l-Gvern mhux qiegħed jaħdem biżżejjed biex jiżviluppa l-potenzjal tiegħu. Għalhekk, qal Mario de Marco, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-Gvern:
(a) Jiżviluppa inċentivi fiskali speċjalizzati biex jattira lejn Malta kumpaniji rinomati f’dan is-settur. B’numru ta’ ismijiet rinomati nistgħu niżviluppaw cluster ekonomiku b’saħħtu f’dan is-settur importanti;
(b) Il-Malta Enterprise għandha tiżviluppa skemi li huma tailor-made għal dan is-settur, u għandha tagħmel dan biex tkun tista’ tikkompeti ma’ pajjiżi kompetituri bħas-Singapore u l-Kanada;
(c) Ikompli jħajjar kumpaniji u speċjalisti jimirħu f’Malta permezz tal-corporate tax base b’saħħtu tagħna u bl-inċentivi li ħoloq Gvern Nazzjonalista bħall-capping ta’ 15% fuq taxxa;
(d) Joħloq skemi li jagħtu kapital lil dawn il-kumpaniji u start-ups biex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jipproduċu digital games, li huwa proċess li jirrikjedi kapital bejn il-fażijiet ta’ riċerka u produzzjoni. Dawn l-iskemi jkunu mibnija madwar l-opportunitajiet ta’ xogħol li jinħolqu, it-taħriġ li jista’ jsir u l-kredibbiltà tal-istart-up u l-pjani tiegħu. 

Il-Viċi Kap għall-Partit Nazzjonalista kkonkluda billi tenna li dan huwa biss settur wieħed li pajjiżna jista’ jimraħ fih. “Nemmen li l-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed biex jagħti viżjoni u jimmotiva liż-żgħażagħ sabiex joħolmu u jiġru wara l-ħolm tagħhom. Fil-ġranet li għaddew, il-Gvern ħabbar li se jniedi Politika Nazzjonali dwar ix-Xogħol. Filwaqt li nilqa’ kwalunkwe strateġija li tagħti direzzjoni għall-qasam tax-xogħol, ma nistax ma nesprimix id-diżappunt tal-Partit Nazzjonalista li Gvern Laburista dam aktar minn sena sabiex jibda jaħseb ’il fejn irid jieħu lil pajjiżna f’dan il-pilastru ewlieni: ix-xogħol. Fuq kollox, nittama li kwalunkwe politika li titnieda tagħti viżjoni liż-żgħażagħ u ħaddiema tagħna. Aħna lesti nagħtu l-appoġġ sħiħ tagħna lill-Gvern jekk jagħti direzzjoni ċara dwar ix-xogħol għal Malta Aħjar,” temm jgħid Mario de Marco.  

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: