22.4.14

Malta tkun aħjar meta l-Gvern joħloq biżżejjed xogħol għal kulħadd.



L-isfida ewlenija tagħna bħala pajjiż hija li nibnu ambjent ekonomiku u kummerċjali li jistimula u jinċentiva l-investiment. B’hekk Malta tkun aħjar għax jinħoloq biżżejjed xogħol għal kulħadd, mhux għal tal-qalba biss, u nżommu l-qgħad taħt kontroll. Din hija ċ-ċavetta għal kull żvilupp fil-pajjiż. Wara sena ta’ Gvern Laburista Malta mhijiex aħjar fil-qasam tax-xogħol għax il-qgħad qed jiżdied. Kważi 8,000 persuna jinsabu jirreġistraw għax-xogħol u l-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied b’elf fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel lill-kumpanija Attard & Co, kumpanija li tispeċjalizza fi tliet oqsma strateġiċi: l-imaging, il-foodstuffs u servizzi lill-industrija. Huwa kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said u mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia. 

Simon Busuttil intlaqa’ mid-Direttur ta’ Attard & Co Hugh Arrigo u tlaqqa’ mal-ħaddiema u mal-management tal-kumpanija. Hugh Arrigo ta spjegazzjoni dwar kif il-kumpanija rnexxielha ddawwar l-isfidi li ltaqgħet magħhom f’opportunitajiet tul il-kważi 100 sena li ilha taħdem. Fil-ħames snin li għaddew, il-kumpanija Attard & Co bbenefikat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea bħal mijiet ta’ kumpaniji oħrajn. 

Il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni qed ikun pożittiv u qiegħed ifittex li jaħdem mal-Gvern fuq tfassil ta’ politika għall-ħolqien tax-xogħol sabiex Malta tkun aħjar. Tul din is-sena, il-Partit Nazzjonalista insista mal-Gvern sabiex iħaffef il-pass tiegħu għall-applikazzjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u biex flimkien mal-Oppożizzjoni, il-Gvern joħloq pjan għall-ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna. Xahar wara xahar, ir-risposta tal-Gvern dejjem baqgħet l-istess: li jżid il-qgħad. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex joħloq u jsostni l-aqwa opportunitajiet fejn l-imprendituri Maltin u barranin iħossuhom komdi jinvestu f’pajjiżna. Malta tkun aħjar meta bis-saħħa tal-investiment lokali u barrani, il-Gvern jirnexxilu joħloq biżżejjed xogħol għal kulħadd, mhux għal tal-qalba biss.  

Simon Busuttil sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid jiżgura li l-kumpaniji Maltin u Għawdxin jingħataw l-għodda meħtieġa biex jinvestu aktar, filwaqt li tenna li din hi l-Malta Aħjar li l-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem għaliha.

Mingħajr ix-xogħol pajjiżna ma jistax isostni edukazzjoni u saħħa b’xejn għal kulħadd u l-għajnuna soċjali li tingħata lil eluf ta’ familji. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista f’kull programm elettorali dejjem jenfasizza l-bżonn li pajjiżna jkompli joħloq biżżejjed xogħol għal kulħadd u hekk se jkompli jagħmel fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew.

“Anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem biex Malta tkun aħjar għal kulħadd, mhux għal tal-qalba biss,” sostna Simon Busuttil. “Permezz tal-Membri tal-Parlament Ewropew tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jrid jiżgura li l-Gvern jagħmel l-aħjar użu mill-fondi li Malta tikseb mill-Unjoni Ewropea sabiex titkattar il-kompetittività tal-industriji u tan-negozji f’Malta,” tenna Simon Busuttil.

Din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed japprova l-manifest għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Wieħed mill-aktar aspetti ta’ importanza se jkun il-ħolqien tax-xogħol għal kulħadd u kif nistgħu naħdmu bis-sħiħ fil-Parlament Ewropew biex pajjiżna jkun jista’ jfittex setturi ġodda fejn l-ekonomija Maltija tibqa’ tiġi diversifikata u jitkattar aktar xogħol għal kulħadd.   

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar lill-kumpanija Attard & Co għall-kuraġġ tagħha li tkompli tinvesti. Attard & Co Group hija kumpanija li twieldet bħala family venture, u tixhed il-kapaċità tal-Maltin li jiddiversifikaw u jadattaw għall-isfidi billi jimirħu f’oqsma ġodda.  

“Il-PN irid jiżgura li x-xogħol jibqa’ prijorità għal pajjiżna, għal Malta aħjar,” temm jgħid Simon Busuttil. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: