22.4.14

Magħqudin għal għan komuni: li naħdmu għal Malta Aħjar.



Aħna magħqudin għal għan wieħed komuni: dak li naħdmu għal Malta aktar b’saħħitha, Malta Aħjar, għaliex aħna kburin b’pajjiżna, u kburin li aħna Maltin. Għax aħna pajjiż ċkejken iżda poplu kbir. M’hemmx dubju li din se tkun kampanja diffiċli għall-Partit Nazzjonalista. Il-punt tat-tluq tagħna huwa 36,000 vot minn taħt. Iżda rridu naħdmu biex nisimgħu lin-nies, għal Malta Aħjar.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt rally politiku fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fil-ftuħ tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jemmen f’politika mibnija fuq il-prinċipji u l-valuri, fuq dak li hu sewwa. Il-politika għandha tkun mibnija fuq l-onestà u fuq il-verità u mhux fuq il-gideb. Dan għax il-politika qiegħda hemm biex isservi lin-nies, mhux biex tisserva bihom. In-nies ma tużahomx u tarmihom. Jiena nemmen li l-politika qiegħda hemm biex javvanza l-pajjiż mhux biex igawdi l-partit. Fuq kollox, jiena nemmen f’politika li tgħaqqad, mhux li tifred, stqarr Simon Busuttil.

Dr Busuttil qal li kull fejn tara f’pajjiżna tilmaħ it-talent enormi li għandu l-poplu Malti. Hu semma kif nhar il-Ġimgħa f’Xarabank inġabru aktar minn nofs miljun ewro għall-ġlieda kontra l-kanċer. Feraħ lit-tim tal-waterpolo u tar-rugby għall-kisbiet sportivi li għamlu fil-jiem li għaddew. U sellem ukoll lil Federica Falzon u ferħilha għar-rebħ tagħha fil-programm Taljan “Ti Lascio una Canzone” nhar is-Sibt li għadda.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-aqwa sptarijiet barra minn xtutna ssib speċjalisti Maltin kif ukoll esperti Maltin jokkupaw l-ogħla pożizzjonijiet f’diversi organizzazzjonijiet bħan-Nazzjonijiet Uniti u fl-Unjoni Ewropea. F’aktar minn 50 pajjiż madwar id-dinja ssib missjunarji Maltin. Kif ukoll f’universitajiet barra minn Malta ssib Maltin bi scholarship li qed jiksbu l-aqwa riżultati.

Malta hija aħjar meta ningħaqdu mhux meta ninfirdu

Filwaqt li lkoll għandna naħdmu għal Malta aħjar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa jekk Gvern Laburista hux qiegħed jagħti sehmu biex inkunu kburin li aħna Maltin. Hu semma bħala eżempju l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza li poġġiet lil Malta f’dell ikraħ madwar id-dinja. Il-Partit Laburista għadu bil-mentalità ta’ huma u aħna vis-à-vis l-Unjoni Ewropea, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil qal li Malta hi aħjar meta ninghaqdu u mhux meta ninfirdu. Aħna nemmnu fl-għaqda mhux fil-firda, li jekk ningħaqdu Malta tkun aħjar. Nistgħu ningħaqdu minkejja d-differenzi tagħna. Għaqda fid-diversità! Ejjew niċċelebraw id-diversità tagħna u mhux inħallu lil min jgħaffiġha! Ejjew ngħixu flimkien fir-rispett ta’ xulxin, ta’ kull grupp, ta’ kull fehma u ta’ kull twemmin, qal Dr Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Oppożizzjoni wriet il-maturità tagħna meta ħadmet għal kunsens storiku fuq il-ħatra ta’ President ta’ Malta. Barra minn hekk, grazzi għall-Oppożizzjoni, wasalna għal kunsens fuq 80% tal-liġijiet li għaddejna fil-Parlament. Hu fuq kollox grazzi għall-Oppożizzjoni li wasalna għal kunsens fuq it-twaqqif ta’ kumitati parlamentari. 

Malta hija aħjar meta nemmnu tassew fil-kapaċitajiet ta’ kulħadd, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja fil-kapaċità tal-poplu, u jemmen li kulħadd għandu t-talenti u għandu x’joffri lill-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-kapaċità tal-Maltin. Għalhekk, konna l-partit tal-Indipendenza u l-partit li daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Kieku ma kinitx il-kapaċità tal-Maltin dawn il-passi ma kienux ikunu success, qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li ħadd m’għandu jitħalla barra, hi x’inhi l-fehma politika tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, l-abilità jew id-diżabilità tiegħu, is-sess tiegħu, l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, jew l-età tiegħu. Kulħadd għandu jkollu spazju fis-soċjetà. Aħna pajjiż ċkejken wisq biex narmu l-kapaċitajiet ta’ nofs il-poplu skont min ikun fil-Gvern,” qal Dr Busuttil.

Il-Gvern ta' Muscat m'għandux fiduċja fil-kapaċitajiet ta' kulħadd

Simon Busuttil spjega kif kuntrarju għal dak li wiegħed qabel l-elezzjoni, il-Gvern ta’ Muscat għandu fiduċja biss fid-deputati Laburisti u f’dawk tal-qalba. Gvern Laburista għandu fiduċja fil-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, fis-sieħba fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru, fil-Brigardier il-ġdid li ngħata erba’ promozzjonijiet f’erba’ ġimgħat. Imma fikom li m’intomx tal-qalba? Fikom m’għandux fiduċja. Għax jekk ma tkunx tal-qalba ma taħdimx, ma tiekolx taħt Gvern Laburista, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Busuttil qal li fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju, il-Prim Ministru qed jgħid li huwa l-underdog. Anki s-sena l-oħra qal li kien l-underdog u rebaħ b’36,000 elf vot. Jiena ngħidlu, Prim Ministru ma tistax tidħak bin-nies il-ħin kollu. Kull min hu diżappuntat b’Joseph Muscat għandu opportunità jitkellem bil-vot tiegħu,” tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew xorta se jkollna Gvern Laburista, imma l-poplu għandu opportunità jibgħat messaġġ lill-Gvern li s-36,000 vot u d-disa’ siġġijiet maġġoranza li tah m’għandhomx jitilgħu għal rasu. Il-Partit Nazzjonalista għandu mira politika ċara għal din l-elezzjoni: dik li jirbaħ it-tielet siġġu għall-ewwel darba f’10 snin. Għandna tim ta’ kandidati mill-aqwa li jiena kburi bihom, temm jgħid Simon Busuttil.

Il-poplu Malti u Għawdxi huwa ddiżappuntat bit-tmexxija ta’ Joseph Muscat

Waqt ir-rally tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said li spjega li bir-raġun il-poplu Malti u Għawdxi stenna iktar minn Joseph Muscat. Il-poplu Malti stenna li l-Prim Ministru jaħdem favur il-meritokrazija iżda minflok wettaq take-over fl-istituzzjonijiet importanti tal-pajjiż bħall-Pulizija u l-Armata, u tal-awtoritajiet pubbliċi kollha. Joseph Muscat ħatar biss lil nies tal-qalba fil-bordijiet tal-Gvern u saħansitra biddel il-liġi biex id-deputati parlamentari jkunu jistgħu jiġu appuntati f’awtoritajiet suppost indipendenti.

Chris Said qal li matul dawn l-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista ssaħħaħ u bi Grupp Parlamentari magħqud qiegħed jaħdem sabiex ikollna Malta Aħjar. Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dar Ċentrali u tal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, hu qal li matul din is-sena kull stħarriġ juri li l-mezzi tax-xandir qed iżidu l-udjenzi. Grazzi mill-qalb għall-ħidma altruwista tal-ħaddiema tal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Is-Segretarju Ġenerali qal lit-tema Malta Aħjar toffrilna wkoll l-opportunità li nirriflettu fuq l-ewwel sena ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru ta’ Malta. Muscat sena ilu wiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi li għandu roadmap għall-pajjiż fl-oqsma kollha, inkluż fl-oqsma strateġiċi tax-xogħol u tas-saħħa. Wiegħed li se jibni Malta li hija Tagħna Lkoll. Sena wara, il-poplu Malti u Għawdxi bir-raġun huwa diżappuntat bil-fatt li Muscat ma żammx mal-wegħdiet tiegħu, qal Chris Said.

Chris Said semma kif mhux Laburisti, iżda ħbieb tal-qalba, qed jiffangaw taħt Gvern Laburista. Hu qal li għall-ewwel darba f’numru ta’ snin hemm numru ta’ ħaddiema Għawdxin li qed jiġu trasferiti f’Malta. Il-ħaddiema tal-Enemalta, ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, għalliema u oħrajn ġew trasferiti minn Għawdex għal Malta. Din hi l-meritokrazija skont Muscat.

Chris Said sostna li fiż-żjarat li saru lill-familji u n-negozji l-Partit Nazzjonalista fehem il-messaġġ tan-nies. Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-Prim Ministru Muscat li qiegħed jirrombla minn fuq kulħadd. Għal din ir-raġuni jinħass sens ta’ diżappunt qawwi mill-poplu Malti u Għawdxi għall-fatt li l-Prim Ministru ma wettaqx Malta li hi Tagħna Lkoll u kisser il-wegħda tal-meritokrazija. Dawn in-nies issa għandhom l-opportunità li jitkellmu bil-vot tagħhom nhar is-Sibt, 24 ta’ Mejju. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: