30.4.14

Lura għall-Gvern tat-tonn taż-żejt.



Wara ġimgħa jinki lill-media u lill-pubbliku u jżomm lill-pajjiż fuq ix-xwiek dwar aħbar “kbira”, il-Prim Ministru Muscat dalgħodu ħabbar b’ħafna daqq tat-trombi dak li sa xahar ilu kien jitħabbar bi stqarrija sempliċi maħruġa mill-Enemalta: bidliet marġinali fil-prezzijiet tal-fjuwil.

Joseph Muscat qed iraħħas dak li għolla huwa stess. Raħħas il-petrol bla comb b’żewġ centeżmi, ekwivalenti għal 7 mils tal-lira antika kull litru, wara li hu stess kien żied il-prezz fl-1 ta’ April li għadda. 

Iżda issa li naqqas dak li żied hu stess xahar ilu, għamel ġimgħa jinki lin-nies daqslikieku kienet ġejja l-manna mis-sema. L-istess japplika għall-prezz taċ-ċilindri tal-gass ta’ 12kg, li f’Diċembru li għadda żdiedu b’rata kbira biex illum reġgħu traħħsu għax ġejja l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Muscat mar lura għal dak li kienu jagħmlu Gvernijiet Laburisti fil-passat li jagħmlu plejtu meta jraħħsu t-tonn taż-żejt. Dan mhux mod kif jitmexxa l-pajjiż u dan mhux mod kif jiġi trattat il-poplu. Malta jixirqilha aħjar.

Prezz tad-diesel

Joseph Muscat żamm id-diesel bl-istess prezz kif kien. L-industrija, in-negozji u s-self employed, li huma l-aktar li jużaw id-diesel għall-vetturi u l-inġenji, ma ggwadanjaw xejn mill-good news ta’ Muscat u jafu li għandhom sal-aħħar tas-sena bil-prezz tad-diesel marbut.

Raħħas dak li għolla hu stess u jridek tgħidlu grazzi 

Il-Prim Ministru qed jistenna li l-poplu Malti u Għawdxi jikkuntenta ruħu bi traħħis ta’ dak li għolla xahar ilu, filwaqt li l-ħbieb tal-qalba qed ikomplu jiffangaw u jingħataw kuntratti li jlaħħqu l-miljuni ta’ Ewro f’ħames snin. 

Il-Ministru Konrad Mizzi, li kien preżenti għall-konferenza stampa llum, huwa ewlieni fost dawk li ilhom li ħadu l-good news mingħand il-Prim Ministru meta l-għada tal-elezzjoni li għaddiet il-mara tiegħu akkwistat job mal-Gvern biex tisparixxi fiċ-Cina b’paga ta’ €13,000 fix-xahar. Iżda fl-istess ħin, hemm 8,000 persuna li għadhom bla xogħol minkejja l-wegħdiet li saru minn dan il-Gvern qabel l-elezzjoni li għaddiet.

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista

No comments: