29.4.14

L-NSO tifqa’ l-bużżieqa f’wiċċ Muscat dwar id-defiċit.


Il-poplu Malti ħallas €22 miljun aktar fi tliet xhur għall-akbar Kabinett fl-istorja

L-istatistika ppubblikata llum mill-NSO turi kif id-defiċit tal-Gvern żdied b’€60 miljun fl-ewwel tliet xhur tal-2014. Dan ifisser li l-Prim Ministru Muscat ippospona d-defiċit fl-2013 u splodieh fl-2014. Fi żmien 24 siegħa nfaqgħet il-bużżieqa ta’ Joseph Muscat dwar il-finanzi ta’ pajjiżna fuq żewġ aspetti importanti:

1.       Fatt 1: Li d-defiċit fl-ewwel tliet xhur tal-2014 diġà sploda meta mqabbel mal-istess tliet xhur fl-2013 ixejjen għalkollox il-ftaħir li Joseph Muscat qiegħed irażżan id-defiċit. Fl-2013 Muscat ma rażżanx id-defiċit imma sempliċement ippospona deċiżjonijiet importanti.
2.       Fatt 2: Li d-defiċit fl-ewwel tliet xhur tal-2014 hu €60 miljun aktar mill-ewwel tliet xhur tal-2013 – perjodu ta’ kampanja elettorali – ixejjen għalkollox l-attentat tal-Prim Ministru Muscat li jwaħħal fil-Partit Nazzjonalista għar-riżultati finanzjarji tiegħu. 

Il-figuri li ġew ippubblikati llum ikomplu jixħtu d-dubju fuq kif il-Gvern wasal għal ċifra ta’ defiċit ta’ 2.8% fl-2013 u diskrepanza daqstant sostanzjali fiż-żieda fid-dejn ta’ kważi €400 miljun jew 5.2%. Il-Gvern qiegħed jibqa’ jaħrab mid-diskrepanza.


L-istatistika ppubblikata llum turi wkoll li fi tliet xhur biss, il-Gvern nefaq €22 miljun aktar fuq il-pagi u l-operat tal-Gvern, inkluż l-akbar Kabinett fl-istorja tal-pajjiż u l-1,400 persuna li ngħataw job mal-Gvern. Dawn huma €22 miljun aktar minfuqa fuq tal-qalba filwaqt li ż-żgħażagħ bla xogħol qed jiġu offruti l-privat u 8,000 persuna jinsabu mingħajr xogħol.

No comments: