21.4.14

L-isptarijiet privati għandu jkollhom rwol ewlieni fil-politika tas-saħħa ta’ Malta



Il-Partit Nazzjonalista jqis li l-isptarijiet privati li jipprovdu servizzi tas-saħħa għandu jkollhom rwol ewlieni kemm fit-tfassil kif ukoll fit-twettiq tal-politika tas-saħħa ta’ pajjiżna. Dawn l-operaturi mhux biss jistgħu jipprovdu servizzi tas-saħħa lil min hu lest li jħallas iżda wkoll jistgħu jiffurmaw parti mill-qafas ta’ servizzi li joffri l-Gvern biex b’hekk mhux biss tkun tista’ titjieb il-firxa tas-servizzi offruti iżda wkoll is-servizzi jkunu jistgħu jingħataw b’anqas stennija.

Dan qalu l-Kelliem għas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech f’laqgħa li kellu mal-operaturi tal-erba’ sptarijiet privati li joperaw f’Malta. Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja.

Matul il-laqgħa ġie diskuss kif is-settur privat jista’ jipparteċipa b’mod aktar effettiv fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna u b’mod partikolari kif jista’ jikkontribwixxi biex jiġu megħluba l-isfidi li qiegħed jiffaċċja pajjiżna f’dan is-settur importanti, mhux l-anqas dik tas-sostenibbiltà. Claudio Grech sostna li l-isptarijiet privati m’għandhomx iservu ta’ tapp biex isoddu problemi temporanji li jqumu minn żmien għall-ieħor iżda għandu jkollhom rwol ewlieni fl-għoti tas-servizz, b’funzjoni kumplimentari ma’ dik tas-servizzi pubbliċi.

Claudio Grech spjega li fil-leġiżlatura li għaddiet il-Partit Nazzjonalista kien daħħal l-ewwel inizjattivi biex l-isptarijiet privati jiġu involuti b’mod aktar strutturat f’dan is-settur, bl-introduzzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ outsourcing ta’ interventi li setgħu jsiru mill-privat kif ukoll operat ta’ servizzi ta’ emerġenza biex jibbilanċja s-servizz mogħti mill-Isptar Mater Dei. Fuq medda ta’ sentejn, aktar minn 3,200 pazjent ibbenefikaw minn dan is-servizz. Claudio Grech saħaq li dawn l-inizjattivi taw riżultati effettivi u kienu bażi tajba biex il-Gvern ikompli jespandi fuqhom.

Madankollu, sostna l-Kelliem għas-Saħħa, il-Partit Nazzjonalista b’diżappunt jinnota li fi tlettax-il xahar ta’ Gvern Laburista mhux talli dawn l-inizjattivi ma’ twessgħux talli dawn twaqqfu kompletament u l-unika ħaġa li hemm illum hi espressjoni għall-interess. Din il-politika żbaljata issa qed tirrifletti ruħha wkoll fil-listi ta’ stennija ta’ proċeduri relattivament sempliċi – bħal fil-każ tal-katarretti – li kif jidher ċar mill-informazzjoni mogħtija mill-Gvern fil-Parlament, għall-ewwel darba wara ħames snin, reġgħet bdiet tiżdied il-lista ta’ stennija.

Claudio Grech ħeġġeġ lill-Gvern biex ma jaħlix aktar żmien u b’mod immedjat jibni fuq it-tajjeb li sab, jerġa’ jibda jagħti dawn is-servizzi b’mod immedjat u jespandi fuqhom biex il-ħiliet u l-infrastruttura kollha fis-settur privat tkun tista’ tintuża bl-aktar mod effettiv.

Claudio Grech enfasizza li l-Partit Nazzjonalista jixtieq jipparteċipa bis-sħiħ fl-iżvilupp tar-rwol tas-settur privat f’dan il-qasam kif ukoll li se jkun qed jappoġġja l-inizjattivi li jkomplu jespandu fuq dak li sar s’issa. Hu saħaq ukoll li l-Gvern għandu jibda jagħti aktar prijorità lill-qasam tas-saħħa u minflok juża l-fondi pubbliċi għal miżuri li ma jeffettwawx il-ħajja tan-nies għandu jpoġġi s-saħħa qabel kollox fl-aġenda tiegħu.

F’dan l-isfond Claudio Grech qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex titkattar dejjem aktar politika ta’ kunsens f’dan is-settur u għalhekk, flimkien mad-Deputat l-ieħor fuq il-Kumitat Permanenti għas-Saħħa Michael Gonzi, se jkun qed jitlob lill-Kumitat biex fil-ġimgħat li ġejjin ikun jista’ jpoġġi din it-tema fuq l-aġenda tad-diskussjoni. Dan għandu jwassal biex l-ideat tal-partijiet kollha jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati f’aktar dettall bil-għan li jintlaħaq qbil unanimu dwar kif is-settur privat jista’ jibni l-parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-qasam importanti għall-futur b’saħħtu ta’ pajjiżna.

Il-Membru tal-Parlament Ewropew u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li llum is-suġġett tas-saħħa qed jingħata importanza akbar fuq livell Ewropew. Hi spjegat kif fil-ħames snin li ġejjin il-politika Ewropea għas-saħħa se tkun integrata aktar bil-għan li l-pajjiżi membri jkollhom appoġġ akbar f’dan is-settur. Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Ray Bugeja fisser kif il-kura tas-saħħa fuq livell nazzjonali u l-privatizzazzjoni ta’ dan is-settur hija problema għal kull pajjiż ieħor fid-dinja u għaldaqstant issuġġerixxa li s-settur privat ikollu minn medium sa long term agreement sabiex jinstab bilanċ f’dan is-settur tant importanti.

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: