21.4.14

L-ambjent m’għandux ikun kunsiderazzjoni sekondarja fid-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art.



Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja kull inizjattiva li tista’ twassal biex iċ-ċittadin Malti jinqeda aħjar, huwa ta’ tħassib serju kif il-proposti tal-Gvern għas-separazzjoni tal-proċessi tal-ippjanar u l-ambjent mill-MEPA se jwasslu biex l-ambjent jiġi relegat bħala kunsiderazzjoni periferali għall-ippjanar u l-iżvilupp. B’dawn il-proposti l-ambjent mhux se jibqa’ fil-qalba tad-deċiżjonijiet li se jkunu qed jittieħdu dwar kif isir l-aħjar użu mill-ftit art li għad fadal f’Malta u Għawdex.

Dan sostnewh il-Kelliem għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Bidla fil-Klima Charlo Bonnici u l-Kelliem għall-Ippjanar Ryan Callus waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-MEPA, li fiha taw ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-proposta tal-Gvern dwar is-separazzjoni tal-MEPA. 

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista elenkaw għadd ta’ reazzjonijiet u suġġerimenti għall-proposta li tressqet mill-MEPA. Dawn huma l-punti ewlenin li tqajmu waqt il-konferenza tal-aħbarijiet:

1.       L-ambjent m’għandhiex tkun kunsiderazzjoni periferali għall-ippjanar u l-iżvilupp fid-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art.

2.       Il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx mal-proposta li jitneħħa l-limitu taż-żmien qabel ma tista’ ssir xi reviżjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp jew tal-Pjani Lokali. Din il-proposta se titfa’ pressjoni enormi fuq il-politiku, meta pjan strateġiku għandu jagħti viżjoni strateġika fit-tul u mhux jinbidel kontinwament. Hu ta’ tħassib serju wkoll il-fatt li l-Ministru responsabbli se jkun jista’ jagħmel regolamenti sabiex jirregolarizza bini mhux konformi mal-liġi. Din hija stil ta’ politika antika, li żżid il-poteri tal-politiku billi twarrab proċessi, kontrolli u salvagwardji trasparenti li lkoll huma meħtieġa f’pajjiż demokratiku modern. 

3.       Il-Gvern qed jipproponi li l-membri tat-Tribunal tal-Appelli jintgħażlu direttament mill-Prim Ministru. Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jipproponi li t-Tribunal tal-Appelli jitwaqqaf taħt l-Administrative Justice Act u jkun immexxi minn Magistrat u żewġ persuni tekniċi. Għall-kuntrarju tal-proposta tal-Gvern, il-qafas propost mill-Partit Nazzjonalista jagħti aktar kredibbiltà lill-indipendenza tat-Tribunal. Dan jista’ jnaqqas il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess u l-għażla partiġjana ta’ membri fuq it-Tribunal, kif jixhed il-Bord preżenti li jinkludi kandidati tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali.

4.       L-inklużjoni ta’ skeda sitta fil-liġi preżenti kienet intenzjonata biex toffri deterrent lil kull min jibni b’mod illegali barra miz-zoni tal-iżvilupp jew li jagħmel interventi illegali fuq bini skedat b’valur storiku. Bit-tneħħija ta’ skeda sitta, il-Gvern qiegħed jibgħat messaġġ li huwa aċċettabbli li tibni fil-kampanja b’mod illegali għaliex issa se jkun possibbli li tissanzjona tali illegalità. Il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll li fil-każ tal-proposta li saret li bini skedat ikun jista’ jerġa’ jiġi rikunsidrat wara 10 snin, għandhom jiddaħħlu salvagwardji sabiex ma jiġix inċentivat l-abbandun tas-sit bit-tama li jitnaqqas jew jitneħħa l-iskedar.

5.       Fost il-punti pożittivi fil-proposti tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-Kunsilli Lokali jingħataw id-dritt għal vot f’applikazzjonijiet ta’ proġetti maġġuri fil-lokalità tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-proposta tagħha biex talbiet għar-revoka ta’ permess taħt l-Artiklu 77 jibdew jittieħdu fil-pubbliku, ġiet milqugħa. 

6.       Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-proċedura fast track biex jitnaqqas il-ħin tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, li dawn l-applikazzjonijiet kollha jiġu deċiżi minn persuna waħda jnaqqas it-trasparenza u s-salvagwardji kontra l-abbuż.

7.       Waqt il-laqgħat ta’ konsultazzjoni l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima ta x’jifhem li b’din ir-riforma ġdida, partikolarment bit-twaqqif ta’ Awtorità li se tiffoka fuq l-ambjent u r-riżorsi, l-ambjent kien se jmur aħjar. Dan ma jidhirx li se jsir. Jidher li dan il-pass se jieħu lura ’l Malta għal meta l-ambjent kien biss xi ħaġa annessa mal-proċess tal-ippjanar u mhux parti integrali minnu. It-tibdil propost hu pass lura, bidla għall-agħar u mhux għall-aħjar.

8.       Il-Partit Nazzjonalista jaqbel bis-sħiħ li jkun hemm rappreżentant permanenti fuq il-Bord tal-MEPA f’isem l-għaqdiet ambjentali, flimkien mad-Direttur tal-Awtorità tal-Ambjent. Madankollu, il-fatt li se jkun hemm persuna fuq Bord ta’ 16-il persuna jfisser li l-Awtorità tal-Ambjent se jkollha s-saħħa neċessarja?  Li se tkun tista’ tagħmel biss dwar deċiżjonijiet li ma taqbilx magħhom hu li tappella. Imma kemm se tkun mgħammra biex tagħmel dan? L-appell għandu jkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Aktar minn hekk, l-Awtorità tal-Ambjent issa se tkun eskluża mit-tfassil ta’ policies dwar l-ippjanar, li issa se jibdew jiġu kkunsidrati mill-Kunsill Eżekuttiv. Hu dan il-mod kif ser jinżamm bilanċ bejn l-ambjent u l-ippjanar?

9.       Fid-dokument dwar it-twaqqif ta’ awtorità għall-ambjent u r-riżorsi, ma jissemma xejn dwar l-infurzar. Min se jinforza fuq danni ambjentali permezz tal-iżvilupp, fuq l-użu tal-ilma tal-pjan, fuq l-użu ta’ fjuwils, fuq persentaġġi ta’ riċiklaġġ mill-iskart u fuq enerġija nadifa? 

10.     Finalment lil hinn mill-kunċett tas-separazzjoni tal-MEPA, għall-Partit Nazzjonalista hu l-bilanċ delikat bejn l-ambjent u l-ippjanar li għandu jingħata l-ikbar importanza biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.  Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex juża l-proċess ta’ konsultazzjoni biex verament jisma’ minn dawk li qed juru l-fehmiet tagħhom u jagħmel it-tibdil meħtieġ b’mod li dan il-bilanċ ma jintilifx.

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: