22.4.14

Konrad Mizzi jikkonferma li s-settur tas-saħħa ma marx għall-aħjar fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista.


Il-Ministru Konrad Mizzi dalgħodu kkonferma li Gvern Laburista ħela l-ewwel sena tal-leġiżlatura fis-settur tas-saħħa. Minkejja li ilu aktar minn sena fil-Gvern, Joseph Muscat għad m’għandu l-ebda soluzzjoni għall-isfidi fil-qasam tas-saħħa, inkluż il-problema li reġgħet tfaċċat tal-waiting lists, il-mediċini out-of-stock u l-kriżi tas-sodod u tal-iffullar fl-Isptar Mater Dei. 

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li wara l-manuvrar kollu li sar fil-qasam tas-saħħa mentali, il-Gvern Laburista issa ddeċieda li jreġġa’ lura l-istrutturi għal kif kienu qabel Settembru 2013. Dan juri għal darb’oħra li l-unika bidla li għamel Gvern Laburista f’dan is-settur fl-ewwel sena tal-leġiżlatura kienet bidla għall-agħar u mhux favur Malta Aħjar. 

Il-bidla li saret fl-2013, li permezz tagħha nfirdu l-oqsma tas-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità u dawk fl-Isptar Mount Carmel, kienet intiża biss sabiex titwarrab l-eks-CEO Dolores Gauci, li kellha esperjenza twila, inkluż rikonoxximent barra minn xtutna, u li kienet qed taħdem għal Malta Aħjar. Minflokha, Gvern Laburista appunta lill-kandidat Laburista Clifton Grima, li m’għandux esperjenza f’dan is-settur daqstant sensittiv.

L-isfortuna hi li r-rigress fil-qasam tas-saħħa mentali qegħdin ikollhom iħallsu għalih il-pazjenti u l-qraba tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li s-settur tas-saħħa huwa sensittiv wisq biex il-Gvern idawru f’ballun politiku għall-iskopijiet partiġjani tiegħu. Il-poplu Malti u Għawdxi bir-raġun jistenna li l-Gvern ta’ Muscat ma jibqax juża karigi u strutturi daqstant sensittivi biex jaqdi lil tal-qalba iżda li verament jaħdem għal Malta Aħjar għall-poplu kollu kemm hu. 
         
--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: