21.4.14

Joseph Muscat qed juża l-enerġija tiegħu biex jidħak bin-nies



Joseph Muscat qed juża l-enerġija tiegħu biex jaqdi lil tal-qalba minflok iwettaq il-ħafna wegħdiet li għamel fl-elezzjoni ġenerali aktar minn sena ilu. Filwaqt li s-sieħba fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru u l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi żgur li ħassew enerġija pożittiva bil-pagi straordinarji li ngħataw, mhux l-istess jista’ jingħad għall-kważi 8,000 persuna li llum jinsabu bla xogħol u l-anzjani li ta’ kuljum qed isiru jafu li mhumiex fuq il-lista tal-qalba li qed jingħataw il-mediċini b’xejn minn dan il-Gvern u allura jkollhom iħallsu minn buthom. 

Minflok jinvesti l-enerġija tiegħu biex jisma’ lin-nies, il-Prim Ministru qed ikompli jidħak bin-nies bi stqarrijiet redikoli bħalma hi li l-Partit Laburista huwa l-underdog f’din l-elezzjoni. Kulħadd jaf li l-għada tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Joseph Muscat se jkun għadu l-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, iżda jidher ċar li Joseph Muscat jaħseb li jista’ jibqa’ jgħaddi lin-nies biż-żmien bi stqarrijiet redikoli ta’ dan it-tip. 

Dan huwa Gvern li sal-lum ħadem biss għal tal-qalba u li nesa lil kull min emmen tassew li b’Joseph Muscat bħala Prim Ministru Malta kienet se tkun aħjar. Gvern Laburista ma wettaqx dak li wiegħed fil-ħolqien tax-xogħol, il-meritokrazija, it-trasparenza, il-kontabbiltà u fil-qasam tas-saħħa. Minkejja l-wegħdiet kollha miksura ta’ Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem b’mod pożittiv għal Malta aħjar anke mill-Oppożizzjoni. Wara sena ta’ Gvern Laburista, il-poplu Malti u Għawdxi issa għandu l-opportunità li jitkellem bil-vot tiegħu.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: